Stqarrija 66/08
Il-Programm Bonġu fuq Television Malta jiġi
Penalizzat mill-Awtorità tax-Xandir
L-Awtorità tax-Xandir kellha quddiemha numru ta’ akkużi maħruġa mill-Kap Esekuttiv fil-konfront tal-programm Bonġu li jixxandar filgħodu fuq TVM mit-Tnejn sal-Ġimgħa. L-akkużi kienu jirrigwardjaw ħames edizzjonijiet tal-programm li xxandru matul ix-xahar ta’ Ottubru li għadda u kienu l-aktar dwar ksur ta’ liġijiet u regolamenti ta’ l-Awtorità dwar ir-reklamar.
Wieħed mill-prinċipji fundamentali tar-reklamar fuq ix-xandir, kif stabbilit kemm fil-liġi Maltija kif ukoll f’dik Ewropea, huwa li dejjem għandu jkun hemm separazzjoni effettiva bejn il-parti informattiva tal-programm u dik reklamatorja u dana sabiex it-telespettatur / is-semmiegħ ma jitqarraqx hekk kif, ħafna drabi mingħajr ma jinduna, il-parti informattiva ma tkun xejn għajr riklam bil-moħbi.
Wara li xtarret dawn l-akkużi, l-Awtorità kkonkludiet li, fl-edizzjonijiet tal-programm in kwistjoni, l-istazzjon kien konsistentement kiser il-liġi u dana meta waħda mill-partijiet informattivi tal-programm ġiet miġbuda f’ħanut lokali li kien ċarament identifikabbli mal-ħanut ta’ waħda mill-istess ditti li kienet qed tirriklama f’dan il-programm. L-istazzjon instab ħati ukoll li fl-istess programm kienu nkisru diversi liġijiet jew regolamenti oħra, fosthom l-obbligu li l-istazzjon għandu juri l-prezz tat-telefonati u l-sms li l-pubbliku jkun qed jiġi mħeġġeġ li jibgħat. Għalhekk, l-Awtorità mponiet penali fuq l-istazzjon għall-ammont ta’ elfejn, tliet mija u tmienja u għoxrin euro (EUR2,328)
L-Awtorità tax-Xandir trid tesprimi l-preokkupazzjoni tagħha li dan il-ksur sfaċċat tal-liġi qed jitħalla jsir fuq l-istazzjon nazzjonali, meta dan għandu jkun ta’ eżempju għal stazzjonijiet oħra. Kull stazzjon tax-xandir, iżda aktar u aktar l-istazzjon pubbliku, għandu l-obbligu li jifli sewwa dak li jkun qed jixxandar anki meta l-programm ikun ġie mħejji minn dar tal-produzzjoni indipendenti wara li jkun inxtara l-airtime.
Mario Axiak 5 ta’ Diċembru 2008
Kap Riċerka u Komunikazzjoni