Is-snin bikrin – 1961-1971
L-Awtorità tax-Xandir twaqqfet fiż-żmien meta l-kostituzzjoni temporanja kienet fis-seħħ u kienet issejjaħ għal Kunsill Eżekuttiv li jaqa' taħt il-ħakma Brittannika. Kien iż-żmien tat-taqbida għall-Indipendenza ta' Malta, żmien meta l-ħakkiema kienu qed jagħmlu li jistgħu biex iħarsu l-investiment barrani Brittanniku f'Malta u żmien it-taqbida politika-reliġjuża bejn il-Knisja u l-Malta Labour Party tal-1961.
Mill-bidu nett, xogħol l-Awtorità tax-Xandir kienet li tkun ir-regolatur tax-xandir tal-pajjiż. Mid-29 ta' Settembru 1961 'il quddiem, kull xandira tal-ħoss u tat-televiżjoni f'Malta (ħlief ix-xandiriet imxandra mill-forzi armati bbażati f'Malta) waqgħet taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità. Dawn is-servizzi kellhom jingħataw biss minn kuntratturi mqabbda mill-Awtorità. Rediffusion (Malta) Ltd, li qabel kien jisimha Broadcast Relay Service (Malta) Limited, twaqqfet f'Malta fl-1935 biex trażżan il-propoganda Faxxista li kienet ġejja mill-Italja. Rediffusion (Malta) Ltd kienet ilha xxandar il-ħoss bil-cable f'Malta mill-1935, b'liċenzja mogħtija u mġedda għal għadd ta' drabi mill-Gvernatur. Dan is-servizz kiber u, bejn żewġ stazzjonijiet, ta' kuljum kienu jixxandru bħala medja erbgħa u tletin siegħa ta' programmi. Nhar it-28 ta' Settembru 1961, Rediffusion (Malta) Ltd mhux biss ingħatat il-liċenzja li xxandar kull xorta ta' xandir, imma l-liċenzja tagħha għax-xandir tar-radju bil-cable ġġedditilha għal 25 sena—li kellhom jibdew jgħoddu minn meta, erba' snin wara, jgħaddi żmien il-liċenzja li diġà kellha.
Qabel din id-data, Rediffusion kienet ixxandar l-iktar programmi ta' divertiment u tagħrif ġenerali. Id-Dipartiment tal-Informazzjoni kien responsabbli mix-Xandir għall-Iskejjel u l-programmi tal-informazzjoni ta' das-servizz filwaqt li l-Bord tax-Xandir tal-Gvern, entità oħra, kien itella' sensiela ta' dibattiti u kien responsabbli mix-Xandiriet tal-Partiti Politiċi.

L-Uffiċini l-Qodma tal-Awtorità tax-Xandir fl-1961 f'numru 12, Triq it-Teżorerija, il-Belt Valletta
Id-dispożizzjonijiet tal-Ordinanza tal-1961 kellhom standards ħafna iktar imqiti fejn jidħlu l-kontenut u l-kwalità. Għalkemm din l-Ordinanza ssejset fuq, u ppruvat tikkopja, l-Att tat-Televiżjoni Indipendenti tal-1954 tar-Renju Unit li waqqaf l-Awtorità tat-Televiżjoni Indipendenti tar-Renju Unit, l-Ordinanza daħħlet il-kunċett tal-programmi bl-aħbarijiet u l-ġrajjiet kurrenti f'Malta. Għalkemm l-għan ewlieni tal-Awtorità kien li tkun l-entità regolatorja li żżomm għajnejha fuq u tħares l-istandards ġenerali tax-xandir għall-interess pubbliku, għall-kuntrarju tal-entità mwaqqfa bl-Att tar-Renju Unit, dawn is-servizzi kellhom jingħataw mill-kuntratturi tagħha u l-Awtorità xorta kellha s-setgħa li tagħti s-servizzi hi nnifisha. Infatti, l-Ordinanza – għall-kuntrarju tal-Att tat-Televiżjoni Indipendenti tar-Renju Unit – kienet tgħid ukoll li l-Awtorità, kull sena, kellha tonfoq is-somma ta' £10,000 fuq ix-Xandiriet tal-Ħoss bil-Cable u £25,000 fuq ix-Xandiriet tat-Televiżjoni.
L-ewwel laqgħa saret fil-Palazz, il-Belt Valletta nhar it-Tnejn 2 ta' Ottubru 1961 u ċ-Chairman kien il-Logutenent Kurunell G. C. Micallef-Eynaud. L-uffiċċji tal-Awtorità kienu f'numru 12, Triq it-Teżorerija, il-Belt Valletta u l-ewwel ħaddiema kienu ħaddiema tal-gvern mibgħuta jaħdmu għal xi żmien mal-Awtorità tax-Xandir. Fost dawn kien hemm is-Segretarju tal-Awtorità, is-Sur Bellizzi u l-assistent tiegħu, is-Sur Ellul, flimkien ma' tajpista tax-shorthand (is-Sinjorina Bugeja) u messaġġier (is-Sur Caruana). L-istabbiliment tal-Belt Valletta inkera għas-somma ta' £345 fis-sena u l-ftehim tal-kiri kien għal tliet snin bl-għażla li titwal għal tliet snin oħra jekk l-Awtorità tagħżel li tużaha.
L-Awtorità minnufih ħadet kontroll tax-Xandir għall-Iskejjel flimkien mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u tax-Xandiriet tal-Partiti Politiċi u tal-Elezzjonijiet Ġenerali. Rediffusion intalbet tibda' ttella' servizz tal-aħbarijiet lokali dettalljat bi programm ta' nofs siegħa kuljum (għal ħamest ijiem fil-ġimgħa) bl-aħbarijiet u r-rapporti dwar il-ġrajjiet kurrenti. Ma' dawn, darba fil-ġimgħa, Rediffusion kellha ttella' wkoll programm ta' diskussjoni skont il-programmi li diġà kien nieda l-Bord tax-Xandir tal-Gvern. Kif insibu msemmi fl-Ewwel Rapport ta' Kull Sena tal-Awtorità, din il-ħaġa ħolqot għadd ta' problemi. Fir-rapport insibu miktub li l-programmi tad-diskussjoni u l-bulettini tal-aħbarijiet kienu xhieda ta' "sitwazzjoni politika iebsa li flimkien ma' nuqqas ta' għarfien dwar xi jġib miegħu servizz imparzjali indipendenti wasslu biex jinbtu ħafna diffikultajiet u biex ta' sikwit ikun hemm il-kontroversji dwar l-għażla tas-suġġetti".
F'dak ir-rapport, l-Awtorità qalet ukoll li xi gruppi ta' opinjonisti "ma ridux isemmgħu leħinhom dwar is-sitwazzjoni politika u kostituzzjonali tal-pajjiż". Min-naħa l-oħra, kienu "minn tal-ewwel li jixlu lill-Awtorità b'nuqqas ta' imparzjalità fejn tidħol l-għażla tan-nies li ħadu sehem f'dawn il-programmi". Għalkemm xi wħud mill-opinjonisti kienu jgħidu li "jistħu jesprimu ruħhom" fuq das-servizz il-ġdid, l-opinjonisti ma "ma kinux iħossuhom komdi jgħidu dak li jħossu u jisimgħu x'għandhom xi jgħidu dawk li ma jaqblux magħhom politikament". Kien hemm "nuqqas ta' ħeġġa f'Malta, li stajt issibu f'kull qasam tas-soċjetà, li wieħed jiddiskuti n-nuqqas ta' qbil fuq ix-xandir. Ħafna drabi, is-suġġetti tad-diskussjoni kienu jinħassu ta' importanza baxxa meta mqabbla mal-problemi ta' vera li kellhom jissemmew dak iż-żmien".
IX-XANDIRIET GĦALL-ISKEJJEL U L-PROGRAMMI TAT-TAGĦLIM
Il-Programmi tat-Tagħlim imtella' mill-Awtorità tax-Xandir fuq it-Televiżjoni
Aħseb Mitt Darba – MTV – 14 ta' Frar 1968; 19:30

Min-naħa l-oħra, ma stajtx tgħid l-istess dwar il-programmi reliġjużi mxandra fuq ir-Rediffusion għax is-semmiegħa kienu jqisuhom importanti ħafna. Għalkemm kien hemm ħidma kbira biex jittellgħu x-xandiriet reliġjużi minn għadd ta' mkejjen tal-gżejjer, dawk imxandra fix-xandiriet u ċ-ċerimonji reliġjużi ma setgħux jifhmu li minħabba l-mezz tax-xandir kienu jeħtieġu iktar ħsieb u dixxiplina fi mġibithom waqt ix-xandiriet. Dawk li jieħdu sehem fix-xandiriet ma setgħux jifhmu li "l-fatt bażiku li ċerimonja mxandra kienet teħtieġ xi bidliet meta mqabbla maċ-ċerimonja mhux imxandra".
Il-programmi reliġjużi kienu diġà jixxandru minn Rediffusion qabel twaqqfet l-Awtorità tax-Xandir u l-ewwel ħaġa li għamlet l-Awtorità tax-Xandir Maltija mat-twaqqif tagħha fl-1961 kienet li stiednet lill-Konsulent Reliġjuż Kattoliku tal-BBC, Dun Agnellus Andrew O.F.M., biex iżur Malta u jikteb rapport bil-ħsibijiet tiegħu dwar ix-xandir ta' dawn il-programmi f'Malta. Fir-rapport tiegħu qal li "x-xandiriet minn barra l-istudio tal-funzjonijiet u l-laqgħat ... ma jistgħux jitqiesu tajba għax-xandir għax huma twal wisq, neqsin mill-istrateġija u mhux organizzati... il-kelliema, l-iktar il-lajċi u dawk mingħajr wisq esperjenza, jinħakmu mill-emozzjonijiet huma u jitkellmu ... u jqiegħdu f'qagħda skomda ħafna lix-xandar li għandu r-responsabbiltà editorjali".
Ix-xandiriet ta' dawn il-programmi reliġjużi – "ma kinux addattati għax-xandir għax kienu biss xandira fejn jinqabdu bi żbrixx il-ħsejjes taċ-ċerimonja, li ma kinux maħsuba biex jixxandru, u li biex tifhem x'inhu għaddej kellek bilfors tkun fil-binja. Il-paniġierki ma kienu tajbin xejn għax-xandir, il-mużika kienet tqila żżejjed u xogħol l-orkestra u l-kanturi mhux ta' kwalità. Mad-daqqa t'għajn nista' ngħid li dan kollu m'għandu l-ebda effett reliġjuż li jitwemmen".
Biss ma setax jingħad l-istess għax-xandiriet tal-iskejjel fuq ir-Rediffusion. Qabel kienu jittellgħu mid-Dipartiment tax-Xandir tal-Iskejjel fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Għalkemm l-Awtorità setgħet tgħaddi r-responsabbiltà għall-produzzjoni ta' dawn il-programmi lill-kuntrattur tagħha, l-Awtorità ħadet responsabbiltà sħiħa u għamlet tajjeb għan-nefqiet kollha għax-Xandiriet tal-Iskejjel li kienu maħsuba l-iktar għall-iskejjel tal-gvern. Wara li l-Awtorità tax-Xandir ħadet dawn il-programmi f'idha, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni xorta baqa' jagħti sehmu. L-Awtorità waqqfet minnufih il-Kumitat Konsultattiv għax-Xandiriet tal-Iskejjel bid-Direttur tal-Edukazzjoni, il-Kavallier J. P. Vassallo O.B.E., bħala l-ewwel chairman. Il-membri l-oħra tal-kumitat konsultattiv iffurmaw għadd ta' kumitati għar-reviżjoni – wieħed għal kull suġġett mgħallem fl-iskejjel – biex iqisu kull ħaġa miktuba qabel tixxandar. Dawn il-membri ma kinux biss surmastijiet, għalliema u spetturi mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni imma kienu wkoll membri tal-Kumitat tal-Union tal-Għalliema Maltija, tal-Għaqda tal-Iskejjel Privati u r-rappreżentanti tal-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof ta' Malta.
Matul is-sena skolastika tal-1962/63, il-programm tax-xandir tal-iskejjel kien magħmul minn skeda ta' 211-il xandira: 39 xandira tal-Ġimgħa filgħodu, 25 programm għall-istages u għal Class 1, 49 programm għal Class 2 u Class 3, 61 programm għal Class 4 u Class 5 u 47 programm għal Class 7 u għal dawk li m'għadhomx jistudjaw. Il-pubblikazzjoni tax-Xandiriet tal-Iskejjel 'The Young Listener' "inbidlet f'pubblikazzjoni isbaħ ... mirquma, b'qoxra meħjuta u stampata fuq karta ta' kwalità aħjar ... u sar ħafna xogħol biex is-semmiegħa jkollhom materjal stampat addattat biex jagħti iktar dettall u materjal dwar ix-xandiriet". Kull xahar, bħala medja, kienu jinbiegħu 23,000 kopja tal-ġurnal u kien jilħaq 81% tal-istudenti fl-iskejjel ta' dak iż-żmien.
Is-snin bikrin - 1961-1971 [Televiżjoni]
Il-jum qabel li l-gvernatur iffirma l-Ordinanza li waqqfet l-Awtorità tax-Xandir Maltija, Rediffusion (Malta) Ltd ingħatat għal ħamsa u għoxrin sena l-jeddijiet esklussivi għax-xandir tar-radju bil-cable filwaqt li twaqqfet kumpanija misjuda minn Rediffusion (Malta) Ltd bl-isem ta' Malta Television Service Ltd bil-jeddijiet tax-xandir għall-ħamsa u għoxrin sena biex fi żmien ħmistax-il xahar toħloq u tħaddem servizz tat-televiżjoni. Malta Television Service Ltd kellha wkoll id-dmir li, fi żmien ħames snin, twaqqaf u tħaddem ix-xandir tar-radju mingħajr cable għall-għaxar snin ta' wara.
Is-servizz tat-televiżjoni beda fl-1962 b'medja ta' 4 sigħat u nofs ta' xandiriet kuljum. 24.4% tax-xandiriet (jew 7 sigħat u 11-il minuta) fil-ġimgħa kienu programmi lokali filwaqt li l-bqija kienu programmi rreġistrati minn qabel impurtati minn barra. Sehem l-Awtorità għax-xandiriet tat-televiżjoni kien iffukat fuq ix-Xandiriet tal-Partiti Politiċi u x-Xandiriet Ministerjali u fuq żewġ programmi: "Ritratt" u "Youth Want to Know". Għalkemm ma nstabet l-ebda dejta dwar l-għadd ta' telespettaturi, fi tmiem is-sena 1963 l-Awtorità rrappurtat li das-servizz il-ġdid kien imfittex ħafna f'Malta u Għawdex u li l-għadd tal-liċenzji tat-televiżjoni mogħtija żdied bil-kbir u li qabeż id-19,000. Sal-aħħar tal-1964 kien hemm 24,490 liċenzja bejn radju u televiżjoni, 39,943 sett tar-Rediffusion u 8,488 liċenzja tar-radju filwaqt li l-għadd ta' settijiet tar-radju mingħajr cable li kienu qed jintużaw, kien stmat li kien madwar l-24,000. Id-dħul tal-gvern mil-liċenzji tar-radju mingħajr cable kiber minn £21,847 fl-1960/61 għal £98,000 fl-1964/65.
Wara l-elezzjoni tal-1962, l-Assemblea Leġiżlattiva kienet magħmula minn ħames partiti politiċi u l-ħin tax-xandiriet kien jinqasam skont is-saħħa fl-Assemblea li kellu kull partit. Fuq ir-radju reġgħu bdew jixxandru x-Xandiriet tal-Partiti Politiċi imma n-negozjati mal-partiti politiċi dwar l-iskema tax-xandir il-ġdida fuq it-televiżjoni ħadu fit-tul. Il-ħin ta' dawn ix-xandiriet kien jinqasam bejn ir-radju u t-televiżjoni bi proporzjon ta' 5:2. Billi s-Servizz tat-Televiżjoni ta' Malta kien għad ma kellux il-faċilitajiet għar-reġistrazzjoni tal-programmi, dax-xandiriet l-ewwel kienu jinkitbu u mbagħad jinqraw f'xandira diretta. Min-naħa l-oħra, l-Awtorità saħqet li kellhom isiru r-rehearsals għax-xandiriet tat-televiżjoni biex l-Awtorità tkun tista' tifhem il-ħin meħtieġ u li l-kelliema kellhom iżommu mal-iskript oriġinali.
Min-naħa teknika, għalkemm ix-xandiriet tal-ħoss kienu ilhom għaddejjin mill-1935, kienet ċara li x-xandara lokali ma tantx kellhom għarfien dwar kif għandhom ixandru u ħafna drabi kellhom jitolbu l-għajnuna tax-xandara barranin—xi ħaġa li kienet tiswa flejjes kbar. Waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza, kien hemm ħidma fil-qrib mat-tim tax-xandiriet minn barra l-istudio tar-RAI biex b'hekk setgħu jixxandru tliet ġrajjiet kbar: l-għoti tad-dokumenti tal-Indipendenza; il-Ftuħ Statali tal-Parlament mill-Altezza Reali, id-Duka ta' Edinburgu; u r-rally tat-tfal tal-iskejjel fl-Arena tal-Indipendenza. L-istess arranġament intuża f'Novembru tal-1967 għaż-żjara tar-Reġina fejn ixxandru direttament b'ħafna dettall ħafna mill-ġrajjiet taż-żjara rjali.
L-ewwel drama Maltija miktuba għat-televiżjoni xxandret nhar it-22 ta' Marzu 1964 u din kienet "biċċa xogħol kumplikata li tiswa ħafna flus u x-xogħol u l-provi meħtieġa anki għall-iktar reċta sempliċi huwa ħafna ikbar milli wieħed jaħseb" (It-Tielet Rapport tas-Sena tal-Awtorità tax-Xandir għas-sena li ntemmet nhar il-31 ta' Marzu 1964). Dan seta' jseħħ biss wara li l-istudios ma baqgħux f'Rediffusion House u "l-programmi mxandra direttament mill-istudios kellhom jieqfu għal ħames ġimgħat", wara li tlestew l-istudios il-ġodda fl-1963 u wara li "produttur b'esperjenza tal-BBC inġieb Malta minn MTV ... għal programm ta' tagħlim u taħriġ ta' tliet xhur".
Min-naħa l-oħra, l-ewwel tim magħmul biss mill-Maltin li kien jaħdem fil-qasam tax-xandir kien it-tim tad-Dipartiment tal-Inġinerija, fosthom l-Inġinier Kap tar-Rediffusion. Fl-1964, id-Dipartiment għadda 22,000 jarda (20,116.80 metru) ta' cable tar-Rediffusion.
L-ewwel regolamenti tax-Xandiriet tas-Servizzi Pubbliku saru fl-1964 bi qbil ma' Rediffusion (Malta) Ltd u MTV u kienu jitkellmu dwar ix-xandiriet tal-Messaġġi tal-Emerġenza u tal-Pulizija, fosthom għadd ta' slogans u filmati qosra li jħeġġu lill-pubbliku jżomm il-bajjiet nodfa, li jiffranka l-ilma u li jobdi r-regolamenti tat-traffiku. L-Avviżi Pubbliċi maħruġa mill-Gvern kienu parti mil-lista maqbula ta' xandiriet ta' kuljum li kellhom jixxandru minn Rediffusion.

L-Awtorità: Marzu tal-1965
Mix-xellug għal-lemin: Is-Sur G. Muscat Azzopardi; Dr. V. A. Mercieca LL.D.; Is-Sur J. A. Manduca (Kap Eżekuttiv); L-Imħallef A. Montanaro-Gauci C.B.E., K.M., LL.D. (Chairman); Is-Sur A. J. Ellul (Segretarju); Dun P. Serracino Inglott B.A., B.D., M.A. (Oxon); Is-Sur J. Vella.
Anki jekk, milli jidher, l-Awtorità tax-Xandir fis-snin bikrin tagħha għamlet kisbiet kbar, "il-klawżoli finanzjarji tal-Ordinanza tax-Xandir ... kellhom ... ftit li xejn setgħa u s-somom mogħtija ta' kull sena lill-Awtorità ... kienu ... ftit wisq. Ħafna mis-setgħat mogħtija lill-Awtorità ... kienu ... negattivi ... filwaqt li kien hemm għadd ta' dispożizzjonijiet oħra fl-Ordinanza li kellhom jinbidlu ... għax kif kienu miktuba, fil-fehma tal-Awtorità, ... kienu ... jew mhux xierqa jew mhux skont il-prinċipji tad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni fejn jidħol ix-xandir" – (Awtorità tax-Xandir 1965-66).
L-Awtorità mhux biss ma kinitx taqbel ma kif jintużaw is-servizzi tax-xandir disponibbli imma kienet issemma' leħinha u toħodha wkoll mal-Gvern għal xi wħud mid-deċiżjonijiet li kien jieħu. L-Att li jemenda l-Att dwar ix-Xandir tal-1966 imressaq mill-Gvern neħħa l-esklussività tal-Awtorità fejn jidħlu s-servizzi tax-xandir tal-ħoss u tat-televiżjoni biex ingħataw ukoll lill-Gvern jew lil "kull persuna, korp jew awtorità li jkollhom liċenzja minn jew skont arranġamenti li jagħmlu mal-Gvern". Din il-ħaġa għadha fis-seħħ sal-lum għax il-Gvern għadu joħroġ il-liċenzji tal-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni li jagħtu servizz ta' xandir pubbliku u kien biss minn ftit snin ilu 'l hawn li ta s-setgħa lill-Awtorità toħroġ il-liċenzji għar-radju diġitali (2007) u għax-xandiriet bis-satellita (2009).
Artiklu ieħor ta' din il-bidla fl-Att dwar ix-Xandir ta wkoll lill-Gvern is-setgħa li jagħżel il-Kap Eżekuttiv u li jiddetta l-kundizzjonijiet tat-tfittxija għall-ħaddiema u tal-ħidma tal-ħaddiema tal-Awtorità. Kien biss fl-1999 li l-Awtorità, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, għażlet il-Kap Eżekuttiv tagħha stess. Anki l-ħatra tal-Awtorità nnifisha kienet tkun għal żmien qasir—għal sitt xhur li mbagħad saru sena u dan l-aħħar saru tliet snin—anki jekk il-Kostituzzjoni tħalli lill-Awtorità tinħatar għal ħames snin.
Il-flus tal-Awtorità—jew aħjar in-nuqqas ta' flus—kienu problema mill-bidu nett. L-Ordinanza tax-Xandir kienet tgħid ċar li t-tariffi tal-liċenzji mħallsa mill-pubbliku kellhom imorru kollha għax-xandir—wara li l-Gvern inaqqas it-tariffa ta' £15,000 għall-ġbir tat-tariffi. Imma dak iż-żmien, l-Awtorità diġà kienet mgħobbija bil-kuntratti li wirtet mat-twaqqif tagħha u kull sena kellha tonfoq mill-inqas £35,000 fuq il-programmi tal-ħoss u tat-televiżjoni u kellha tħallas ir-rata tas-suq lill-kuntratturi tagħha għall-programmi, għall-ħin tax-xandir u għall-faċilitajiet. Fir-Rapport tas-Sena 1965/66, l-Awtorità qalet: "id-dħul ġej ... mit-tariffi tal-liċenzji u mid-dazju fuq is-settijiet tar-radju u tat-televiżjoni mistenni jkompli jikber. It-tariffi tal-liċenzji qed jiżdiedu b'medja ta' £10,000 fis-sena u l-Awtorità qed tbassar li dak id-dħul se jaqbeż il-£120,000 matul is-sena 1966/67".
1971-1981
In-nuqqas ta' qbil ewlieni tal-Awtorità hu li l-istorja ta' kif seħħew wara xulxin il-ġrajjiet ewlenin li wasslu għat-twaqqif tas-Servizzi tax-Xandir f'Malta fl-1961 mhix tajba... għax it-Tmexxija Kolonjali u Rediffusion laħqu ffirmaw il-ftehim li kellhom iwaqqfu s-servizzi tax-xandir ta' Malta qabel twaqqfet l-Awtorità.(Ir-Rapport u l-Kontabbiltà tas-Sena 1971/72 tal-Awtorità tax-Xandir).
Wieħed mill-ftehim kien għat-twaqqif tas-servizz tax-xandiriet mingħajr cable f'Malta—jew kif sar magħruf minn ħafna—Radju Malta. Dan il-ftehim kellu żewġ taqsimiet importanti: l-ewwel waħda kienet li s-servizz kellu jibda fi żmien ħames snin imma mhux iktar tard mid-29 ta' Settembru 1955; u t-tieni li l-operatur, Malta Television Service Ltd, kellu l-jeddijiet esklussivi għal għaxar snin mid-data li l-ftehim ġie ffirmat (ċoè sad-29 ta' Settembru 1971) u wara dak iż-żmien, il-ftehim xorta kien jorbot għal 15-il sena oħra imma mingħajr esklussività.
Ġara li, hi u tinnegozja mal-Gvern dwar il-ġejjieni ta' dan is-servizz, Malta Television Service Ltd għażlet li titlob għal iktar żmien biex tibda x-xandiriet tagħha u għalhekk ix-xandiriet kellhom jibdew f'Novembru tal-1967. Wara sitt xhur, MTV ressqet talba u wara taħditiet mal-Gvern, intlaħaq qbil li l-bidu tax-xandiriet seta' jiddewwem sat-28 ta' Marzu 1969. Din id-data nbidlet għat-28 ta' Marzu tal-1970, imbagħad għat-28 ta' Settembru tal-1970 u fl-aħħar sat-28 ta' Marzu 1971. Wara l-aħħar dewmien, it-taħditiet waqfu għax il-Gvern xtara stazzjon tar-radju li kien se jitwaqqaf mix-xandar Ġermaniż The Deutsche Welle u għax il-Gvern, fl-istess żmien, ta liċenzja għal struttura diplomatika li xxandar is-sinjali tar-radju mill-ġdid minn Malta minn Delimara. Ix-xandiriet ta' prova saru nhar it-23 ta' Lulju 1971.
Dak iż-żmien inħass li l-Awtorità kellha tkun eqreb lejn il-kuntrattur ewlieni tagħha fi Gwardamangia. Tqiesu għadd ta' propjetajiet oħra tal-gvern u nhar it-2 ta' Novembru 1971, mal-ħatra tas-Sur Joseph Grima bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, kariga li kienet ilha ma tinħatar minn Novembru tal-1968, u mal-ħatra ta' Bord ġdid nhar il-31 ta' Marzu 1972, immexxi miċ-chairman il-Kavallier J. P. Vassallo O.B.E., l-Awtorità mexxiet l-ewwel laqgħat tagħha fl-uffiċċji l-ġodda fi Triq Nazzjonali, il-Blata l-Bajda.
Dan kien il-bidu ta' żmien ta' nazzjonalizzazzjoni u l-ewwel bidla laqtet direttament lill-Awtorità tax-Xandir. Meta f'Mejju tal-1972 Malta qalbet għal munita bis-sistema deċimali u ħalliet warajha s-sistema l-qadima ta' pounds, shillings u pence, l-Awtorità xandret 520 riklam bil-ħoss biss u 284 riklam fuq it-televiżjoni fuq is-servizzi nazzjonali. Fuq it-televiżjoni intwerew ukoll għadd ta' filmati ta' tagħlim għall-adulti ta' nofs siegħa b'rabta mal-bidla għall-munita deċimali.

L-Uffiċċji tal-Awtorità fi Triq Nazzjonali, il-Blata l-Bajda
Ritratt mingħajr data taż-żjarat edukattivi tal-iskejjel għand l-Awtorità u għand Radju ta' Malta mas-Sur Laurence Mizzi, Kap ta' Radju Malta (fuq il-lemin)
Waqt in-nuqqas ta' qbil bejn il-Gvern ta' Malta u l-Gvern Brittanniku, ix-xandiriet tal-aħbarijiet, tal-ġrajjiet kurrenti u tal-informazzjoni li kienu jixxandru mill-ġdid fuq l-istazzjon tal-ilsien Ingliż tar-Rediffusion wasslu għal għadd ta' problemi, l-iktar bil-programmi tal-ġrajjiet kurrenti li kienu miftuħa għall-kummenti, għax il-produtturi tal-BBC ma kinux jiżguraw bilanċ fl-argumenti. Fl-istess waqt, l-istazzjonijiet kienu bdew jikkummentaw huma nfushom waqt il-bulettin tal-aħbarijiet u għalhekk għas-semmiegħa ma kienx ċar x'kienu l-fatti u x'kienu l-kummenti. Kien hemm sitwazzjonijiet fejn l-Awtorità lmentat mal-kuntratturi tagħha dwar is-servizzi tal-aħbarijiet, l-iktar meta kienu qed jirrappurtaw xi ġrajjiet politiċi (Awtorità tax-Xandir, 1972/73). Saru għadd ta' laqgħat bejn l-Awtorità u l-kuntratturi tagħha; dejjem skont il-limitazzjonijiet imqiegħda mill-ftehim tax-xandir u mill-Ordinanza tax-Xandir. Biss, l-Awtorità ma kinitx lesta tħalli dawn in-nuqqasijiet ikomplu jittennew mingħajr ma tipprova ssewwi l-problema: (Awtorità tax-Xandir, 1972/73).
Il-kisba l-kbira ta' wara fil-qasam tax-xandir kien it-twaqqif ta' Radju Malta mill-Awtorità bis-setgħat mogħtija lilha minn Taqsima VI tal-Ordinanza tax-Xandir u għalhekk l-Awtorità setgħet tibda s-servizzi tax-xandir tagħha stess. L-istazzjon Radju ta' Malta beda jxandar mill-istudios temporanji fil-Blata l-Bajda nhar it-8 ta' Jannar 1973 u bħala medja kien ixandar il-programmi għal erba' sigħat kuljum [mill-10:00 sa nofsinhar u mill-16:00 sas-18:00 u kellu żewġ bulettini tal-aħbarijiet; mużika; programmi kulturali; programm għan-nisa li jixxandar kuljum; programm dwar Għawdex u programm dwar il-ġrajjiet sportivi lokali u internazzjonali matul tmiem il-ġimgħa]. L-istazzjon kien juża t-trażmettitur ta' Deutsche Welle tan-Nigret. Nafu biċ-ċert li s-sinjal ta' Radju ta' Malta kien jasal sew fi Tripli, f'Tuneż u fi Sqallija kollha (Awtorità tax-Xandir, 1973/74). Saru taħditiet bejn Malta, il-Libja, l-Italja u t-Tuneżija li wasslu biex f'Novembru tal-1973 il-Libja tat it-tagħmir għax-xandir filwaqt li l-Italja tat antenna għal Radju ta' Malta.
Fi żmien sitt ġimgħat minn meta wasal it-tagħmir il-ġdid, Radju ta' Malta beda jxandar iktar fit-tul—minn erba' sigħat għal tnax-il siegħa kuljum u, fl-1 ta' April tal-1974, is-servizz twessa' għal sbatax-il siegħa ta' programmi lokali kuljum.
Fi żmien sena mill-bidu tax-xandiriet ta' Radju ta' Malta 1, l-istruttura diplomatika li xxandar is-sinjali tar-radju ta' Delimara bdiet tintuża mill-Awtorità u Radju ta' Malta 2 beda x-xandiriet tal-mużika u l-aħbarijiet fuq il-frekwenza medja 99.7MHz filwaqt li Radju ta' Malta International beda jxandar fuq 75.5MHz.
Sa tmiem l-1973, l-Awtorità kienet tqis li madwar nofs il-familji intervistati kellhom mill-inqas sett tar-radju (jew fid-dar imqabbad ma-dawl jew fil-karozza jew sett tar-radju li jinġarr); 13% kellhom żewġ settijiet tar-radju, 4% kellhom tliet settijiet tar-radju u 1% kellhom erba' settijiet tar-radju – b'kollox 53,000 familja. 67% tal-familji kellhom sett tar-Rediffusion – 1% inqas mis-settijiet tar-radju b'total ta' 52,400 familja filwaqt li 9% biss tal-popolazzjoni la kellhom sett tar-radju u lanqas tar-Rediffusion. "Riklam tar-Rediffusion fil-gazzetta Commercial Courier tat-8 ta' Ottubru 1973 kien jgħid li '53,833 dar, lukanda u ristorant f'Malta għandhom sett tar-Rediffusion'. Jekk wieħed iqis li bejn 500 u 1,000 minnhom kienu fil-lukandi u r-ristoranti, allura joħroġ ċar li n-numri tal-Awtorità huma bejn 1% u 2% bogħod min-numru eżatt."
Minn dal-istħarriġ li sar ma 1,200 parteċipant, ħareġ ukoll li kien hemm 76,000 ±4,000 sett tar-radju f'Malta u f'Għawdex filwaqt li l-Istatistika tal-Kummerċ ta' Malta maħruġa mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika turi din it-tabella għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni mill-Ġdid tas-settijiet tar-radju bejn l-1964 u l-1973:
Radju Malta beda jxandar nhar l-1 ta' April ta' 1974 bi skeda ppakkjata sew u grazzi għas-suċċess li għamel mas-semmiegħa, xandar l-ispettaklu ta' Cantasud 1974, festival li jittella' kull sena u li kien idur minn post għall-ieħor fin-Nofsinhar tal-Italja u li għall-ewwel darba ittella' Malta. Nhar it-2 ta' Lulju 1974, dan il-festival inġieb Malta u l-kantanti ewlenin kienu Al Bano, Romina Power u Lara St. Paul. Cantasud Malta rebaħ il-Midalja tad-Deheb ta' Cantasud u kiseb 54 vot minn 71 vot għall-aqwa organizzazzjoni fost il-21 post fejn dik is-sena ttella' Cantasud.
Biss, l-istandards tal-programmi mtellgħa mill-Grupp tal-Kumpaniji ta' Rediffusion komplew sejrin għall-agħar. Il-kwalità tal-programmi miġjuba Malta fl-1974 minn Malta Television Service kienet tinħass li kienet agħar minn tas-snin ta' qabel. L-ewwel ftehim kien jitlob mill-inqas 3 sigħat ta' xandir kuljum u 28 siegħa xandir fil-ġimgħa. Sal-1971, is-sigħat tax-xandir ta' kuljum kienu żdiedu biss b'siegħa u għalkemm kien titjib, l-Awtorità ħasset li diż-żieda ma kinitx biżżejjed, l-iktar meta wieħed iqis il-£224,144 f'sussidji diretti li sal-1971 kienet ħallset lill-kuntratturi tagħha. Għas-sjuf tal-1972 u tal-1973, MTV talbet lill-Awtorità tnaqqas is-sigħat tax-xandir tal-programmi tat-televiżjoni matul ix-xhur tas-sajf, anki jekk l-Awtorità kienet qed tħallas iktar biex MTV ittella' l-programmi u tagħti t-tagħmir meħtieġ. F'Mejju tal-1974, il-kuntratturi tal-Awtorità għarrfuha li s-sigħat tax-xandir tal-programmi tat-televiżjoni kienu se jitnaqqsu, tgħid x'tgħid l-Awtorità. F'Lulju tal-1974, Malta Television Services naqqset is-sigħat tax-xandir b'25 minuta kuljum.
Wara l-elezzjoni ġenerali ta' bejn it-12 u l-14 ta' Ġunju tal-1971, il-Gvern għamilha ċara mill-bidu nett dwar il-politika tax-xandir tiegħu. Fl-ewwel diskors tat-tron, il-Gvern għamilha ċara li fil-ġejjieni x-xandir kien se jgħaddi f'id is-settur pubbliku. L-ewwel għemejjel tal-Gvern kienu l-ħatra ta' Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, rwol li kien ilu kważi tliet snin battal għax sal-1999 il-Gvern żamm għalih is-setgħa li jaħtar lill-Kap Eżekuttiv, u ħareġ l-offerti għax-xogħol u l-kundizzjonijiet għax-xogħol għall-ħaddiema tal-Awtorità.
L-Awtorità tax-Xandir qablet mill-bidu nett għall-pjan tal-Gvern li jgħaddi x-xandir f'id is-settur pubbliku u, għal għadd ta' drabi, l-Awtorità offriet is-servizzi tagħha biex tibda t-taħditiet.
It-taħditiet bejn il-Gvern u Rediffusion Group bdew lejn tmiem l-1973. Biss, sa tmiem l-1974, it-taħditiet waqfu għax ma setax jintlaħaq ftehim bejn il-General Workers Union u t-tmexxija tal-kumpanija dwar il-benefiċċji li kull wieħed mill-ħaddiema kellhom jitħallsu talli se jitilfu x-xogħol jekk il-kumpanija ttemm il-ħidma tagħha f'Malta. Dan kien it-tieni nuqqas ta' qbil industrijali bejn il-General Workers Union u Rediffusion Group. L-ewwel wieħed kien nhar is-26 ta' Lulju 1968 bi strike ta' jum.
Nhar l-14 ta' Frar 1975, il-General Workers Union ordnat sit-in strike fl-istabbiliment ta' Rediffusion Group of Companies u dan wassal biex għal ftit tal-jiem, ma kienx hemm servizzi tax-xandir tal-ħoss bil-cable u t-televiżjoni. Nhar id-19 ta' Frar, ix-xandiriet tar-radju u tat-televiżjoni reġgħu tkomplew mill-ħaddiema nfushom li kienu għadhom b'ordni ta' sit-in strike. Nhar l-24 ta' Frar 1974, il-Gvern għadda liġi li tgħid li l-għemil tal-imgħoddi u tal-ġejjieni tal-ħaddiema ta' Rediffusion u MTV kien skont il-liġi. Il-liġi waqqfet ukoll Kunsill tal-Emerġenza magħmul mill-ħaddiema taż-żewġ kumpaniji.
Sa April tal-1975, il-Kunsill tal-Emerġenza kien ħa f'idu wkoll servizzi tal-komunikazzjoni importanti oħra. Fosthom kien hemm l-eks Rediffusion, Malta Television u Radju ta' Malta taħt l-isem il-ġdid ta' Xandir Malta. Xandir Malta kien immexxi mill-kumpanija pubblika TeleMalta li ħadet f'idha wkoll id-Dipartiment tat-Telefown u d-Dipartiment tal-Cable u l-Wireless li qabel kienu jaħdmu għal rashom. Telemalta Corporation kellha titmexxa minn Chairman u mill-Membri tal-Bord maħtura mill-Ministru tal-Iżvilupp u kull taqsima kellha tmexxija għaliha. Sadattant, il-ħaddiema kollha tal-Awtorità u t-tagħmir tax-xandir kollu li l-Awtorità kienet xtrat jew kisbet għaddew f'id il-Kunsill tal-Emerġenza.
Sal-31 ta' Lulju 1975, Xandir Malta saret it-taqsima uffiċjali tax-xandir tal-Korporazzjoni Telemalta. L-Awtorità nħelset mir-responsabbiltajiet kollha li kellha biex ittella' l-programmi u l-ħaddiema u l-assi tekniċi tagħha għaddew kollha għand Xandir Malta, fosthom ir-radju mingħajr cable Radju Malta u t-tliet stazzjonijiet tax-xandir tagħha fuq il-frekwenza medja u fuq il-VHF-FM. L-Awtorità fdat ukoll id-Dipartiment tax-Xandir tal-Iskejjel lit-tmexxija ċentralizzata l-ġdida ta' Telemalta Corporation.
Bil-liġijiet tax-xandir il-ġodda, l-Awtorità reġgħet kisbet ir-rwol ewlieni tagħha bħala 'għassiesa' tax-xandir u l-Korporazzjoni Telemalta saret il-kuntrattur tax-xandir ewlieni tagħha. Il-ħidma ewlenija tagħha kienet tinbet mid-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni (li tiżgura l-imparzjalità fil-kontroversji politiċi u industrijali kif ukoll fejn tidħol il-politika pubblika tal-jum u li r-rappreżentanti tal-partiti politiċi jingħataw aċċess xieraq biex isemmgħu leħinhom fuq ix-xandir); u mid-dispożizzjonijiet tal-Ordinanza tax-Xandir u l-Ftehim tax-Xandir (li kienu jqiegħdu fuq l-Awtorità u fuq il-Kuntrattur tagħha d-dmir li jiżguraw programmi bilanċjati u imparzjali u li ma jħallux li fil-programmi jixxandar kontenut partiġġjan).
Dak iż-żmien kien mitqies li grazzi għal dawn il-bidliet, l-Awtorità tbiegħdet iktar mill-produzzjoni nnifisha u għalhekk, hi u tqis l-ilmenti, ma kinitx qed tagħmilha ta' mħallef, ġurija u avukat difensur kif ġieli kien jingħad qabel. L-ilmenti li kienu jidħlu għand l-Awtorità kienu jintbagħtu lill-kuntrattur għall-kummenti tiegħu u mbagħad l-Awtorità kienet tagħmel l-investigazzjonijiet u tieħu d-deċiżjoni tagħha. "Is-servizz tal-għarbiel tal-Awtorità twessa' għal għadd ta' oqsma tal-programmi u l-Awtorità ta' sikwit kienet tibgħat ir-rapporti biex il-Kuntrattur ikun jista' jqishom. Meta kienu jitqajmu kwistjonijiet importanti, dawn kienu jitressqu quddiem il-Bord biex jitwettaq l-għemil ix-xieraq" (Awtorità tax-Xandir, 1975-1976). Fi kliem eħfef, dan kien ifisser li meta lment jasal għand l-Awtorità, l-Awtorità kienet tgħaddih lill-Kuntrattur tagħha għall-kummenti tiegħu. Il-kummenti mbagħad kienu jintbagħtu lil min ressaq l-ilment u jekk ikun meħtieġ, l-ilment kien jitressaq quddiem il-Bord.
Fi Frar tal-1976, l-Awtorità għamlet kisba oħra għax nediet l-Outside Television Broadcasting wara li xtrat outside broadcasting unit. L-inġiniera ta' Xandir Malta biddlu dan it-tagħmir biex ikun jista' juża t-tielet kamera u biex ikollu żewġ sistemi tal-microwave biex ixandar. Dan it-tagħmir intuża l-ewwel darba għax-xandiriet diretti ta' "Jum il-Baġit" u seta' jkun hemm reġistrazzjoni bil-kummentarji storiċi dwar il-Parlament u l-Palazz tal-President minn ġewwa. Sal-aħħar tas-sena, dan it-tagħmir intuża għal żewġ avvenimenti sportivi (it-Tlielaq taż-Żwiemel mill-Marsa u l-iScramble tal-Muturi mill-Imtarfa); għall-Festival tal-Kanzunetta Maltija; għall-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira mill-Mosta u għall-Elezzjoni Ġenerali tal-1976 fejn inbena studio temporanju b'żewġ kameras fl-MCAST u tqiegħdet it-tielet kamera fiż-żona tal-għadd tal-voti. Ix-xandira tal-Elezzjoni Ġenerali ma qatgħetx matul il-lejl u ntemmet l-għada filgħodu u matulha kien hemm kollegamenti bejn l-istudio tal-kontroll ewlieni tat-TVM, l-istudio tal-MCAST u t-Taqsima tal-Aħbarijiet.
Fost ix-xandiriet minn barra bejn April tal-1976 u Marzu tal-1977 kien hemm:
• il-parata tal-Karnival u ż-żfin ta' Misraħ il-Ħelsien;
• iċ-ċelebrazzjonijiet ta' Jum ir-Repubblika minn barra Bieb il-Belt;
• il-ħalfa tal-President tar-Repubblika l-ġdid mill-Palazz, il-Belt Valletta;
• il-Quddiesa tal-Milied ta' Nofsillejl (li ma xxandritx kollha għax inqata' d-dawl);
• iċ-ċerimonja tal-konsagrazzjoni tal-Arċisqof il-ġdid mill-Katidral tal-Imdina;
• iż-żjara statali tal-Kurunell Gaddafi, il-President tar-Repubblika Għarbija Libjana;
• l-opra mit-"Teatru Aurora" minn Għawdex;
• il-ħatra tad-deputati mexxejja tal-Partit Laburista minn Freedom Hall, il-Marsa;
• id-diskors tal-Prim Ministru lill-Pajjiż, mill-Marsa wkoll;
• il-Kunċert tal-Milied mill-Orkestra tat-Teatru Manoel mill-Belt Valletta;
• il-kunċert orkestrali "Bir Miftuħ" mill-Awditorju tal-Università, Tal-Qroqq; u
• iċ-ċerimonja tal-ftuħ tat-tieni stazzjon tat-televiżjoni mill-istabbiliment tat-TVM [Tivumalta Ltd].
Kisba oħra kienet dik tat-13 ta' Ottubru 1977 – ix-xandira diretta tal-parlament li matulha tkellmu l-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Oppożizzjoni. Nhar is-6 ta' Novembru 1978, il-Parlament reġa' uża l-prerogattiva tiegħu li jħalli lill-kameras tat-televiżjoni jxandru mill-Parlament għal xandira diretta tad-dibattitu dwar il-politika barranija ta' Malta. Din il-ħaġa reġgħet ġrat darbtejn oħra, nhar is-27 u t-28 ta' Jannar 1979, meta s-sessjoni tal-Parlament ġiet irreġistrata u l-biċċa marbuta mal-Baġit fejn tkellmu l-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Oppożizzjoni xandret iktar tard fuq ir-radju u r-radju bil-cable.
F'Jannar tal-1978, is-Servizz bl-Ingliż ta' Cable Radio Two temm ix-xandiriet tiegħu u minfloku bdew jixxandru l-programmi mxandra mill-istazzjoni tar-radju bla cable, Radju ta' Malta Wieħed. Sa Jannar tal-1975, l-għadd ta' semmiegħa li jienu jisimgħu r-Radju u r-Radju bil-Cable kuljum kien ilaħħaq il-282,000 semmiegħa u kienu iktar minn żewġ terzi tal-popolazzjoni Maltija (li kienet għalqet id-9 snin). Radju ta' Malta Wieħed kellu 155,000 semmiegħ filwaqt li Cable Radio One kellu 123,000 semmiegħ. Fl-1979, Radju ta' Malta Tnejn (l-istazzjon li kien idoqq biss il-mużika) temm ix-xandiriet tiegħu u nhar l-14 ta' Diċembru 1979, Radio Malta International qaleb għall-frekwenza VHF/FM. Ix-xandiriet internazzjonali ma komplewx jixxandru għax is-sinjal imxandar ma kienx b'saħħtu biżżejjed biex jasal sal-Italja kontinentali u minfloku bdew tnax-il siegħa ma jaqtgħux ta' xandiriet ta' kuljum bl-Ingliż, bejn it-08:00 u t-20:00, li kienu maħsuba għat-turisti fil-lukandi, fl-appartamenti u fl-istrutturi għall-btajjel li n-numru tagħhom kien qiegħed dejjem jikber.
Barra minn hekk, għall-ewwel darba, Television Malta laqa' lil Monsinjur Ġużeppi Mercieca, l-Arċisqof ta' Malta u lil Monsinjur Nikol Cauchi, l-Isqof ta' Għawdex biex jagħtu taħditiet reliġjużi u pastorali fuq it-televiżjoni għall-Ġimgħa Mqaddsa tal-1979.
Għalkemm il-ftehim uffiċjali bejn l-Awtorità tax-Xandir u r-Rediffusion kien jgħoddu ukoll għall-Korporazzjoni Telemalta (meta ħadet f'idha t-taqsima tax-xandir, Xandir Malta), ma setax jingħad l-istess għall-istazzjonijiet li kienu jxandru b'liċenzja miksuba direttament mingħand il-Gvern. Fil-bidu tal-1979, dawn l-istazzjonijiet kienu: is-Central Mediterranean Relay Station, il-British Forces Broadcasting Service, id-Deutsche Welle Relay Station, TiveMalta Ltd, Leħen il-Ħbiberija u s-Solidarjetà (li mbagħad bidel ismu għal Leħen il-Mediterran u kien immexxi mill-Gvern Malti u l-Gvern Libjan) u Radju Mediterran (li kien immexxi mill-Gvern Malti u l-Gvern Alġerin) u l-ebda wieħed minnhom ma kien ixandar bil-liċenzja tal-Awtorità.
Għalhekk, l-uniċi liġijiet li kienu jorbtu fuq dawn is-servizzi tax-xandir kienu d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni u taqsima waħda tal-Ordinanza [Taqsima 7(2)(a), (ċ) u (ġ)]. Dit-taqsima kienet titħaddet dwar:
• sentiment reliġjuż, gosti tajbin jew deċenza fil-programmi;
• il-ħarsien minn kull ħaġa li tista' tħeġġeġ ir-reati jew id-diżordni jew li tista' tweġġa' s-sentimenti tal-pubbliku jew toffendi lil xi ħadd ħaj; u
• iż-żamma tal-imparzjalità u l-preċiżjoni dovuta fl-aħbarijiet u ż-żamma tal-imparzjalità dwar ħwejjeġ ta' kontroversja politika jew industrijali jew li għandhom x'jaqsmu mal-politika pubblika tal-jum.
Anki jekk l-Awtorità, fejn il-liġi kienet tħalliha tagħmel hekk, minn rajha kienet tgħarbel il-programmi kemm setgħet u kienet tqis l-ilmenti li jidħlulha, l-għemil amministrattiv marbut ma' dawk l-istazzjonijiet seta' jitwettaq biss mill-Gvern.
In-nuqqas ta' qbil ma jaqta' xejn bejn l-Awtorità u l-operaturi tas-servizzi tax-xandir mhux biss baqgħu bejn dawn iż-żewġ naħat imma nfirxu bejn l-operaturi tas-servizzi tax-xandir infushom. Is-sitwazzjoni politika diffiċli ħafna, fejn kellek differenzi kbar u operatur tas-servizz pubbliku wieħed biss taħt il-kontroll tal-Ministru, ma kinitx qagħda ideali, l-iktar meta kienu jidħlu fiha wkoll l-imsieħba soċjali. Eżempju ta' dan kienet is-sitwazzjoni l-ġdida li sabet ruħha fiha l-Awtorità f'Novembru tal-1979 wara d-direttivi li ħarġet il-General Workers Union. L-union ordnat bojkot mix-xandara tal-attivitajiet uffiċjali kollha ta' xi Membri tal-Parlament – direttiva uffiċjali, u kultant mhux uffiċjali, li ngħatat għadd ta' drabi matul is-snin.
Din id-direttiva laqtet lill-Awtorità u/jew lill-kuntratturi tas-servizzi tagħha minnufih għax il-kuntratturi ma setgħux jagħtu programmi kompluti u imparzjali bħal, ngħidu aħna, l-aħbarijiet ta' kuljum; programmi tal-ġrajjiet kurrenti (Mill-Ġurnali tal-Lum – ħarsa lejn l-editorjal tal-ġurnali tal-jum) u r-rapporti parlamentari (Mill-Parlament – rapport dwar il-ħidma parlamentari li kien jixxandar kull meta l-parlament ikun qed jiltaqa') u x-xandiriet tal-programmi politiċi li l-Awtorità tax-Xandir kienet ittella' kull sena. Ħafna drabi dan kien iwassal biex, qabel jintlaħaq ftehim, il-programmi ma kinux jixxandru għal xi żmien, is-sensiliet kienu jitħassru u kien hemm għadd ta' kawżi quddiem il-qorti qed jistennew li jinqatgħu.
1981-1990
Is-sena 1981 bdiet bil-ħatra nhar il-21 ta' Jannar tas-Sur Francis S Carbone bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, rwol li kien tħalla battal għal għadd ta' snin. Is-Sur Antoine Ellul, is-Segretarju tal-Awtorità ngħata dmirijiet oħra mas-servizz pubbliku għal ftit taż-żmien.
Matul daż-żmien seħħew żewġ ġrajjiet kbar li wasslu għal interess kbir mill-pubbliku: l-ewwel xandiriet tat-televiżjoni bil-kulur nhar it-8 ta' Lulju 1981 u l-ewwel xandiriet tar-radju minn barra minn xtutna tal-Partit Nazzjonalista. F'nofs Novembru tal-1981, il-General Workers Union u l-Malta Labour Party ressqu lment kull wieħed mal-Awtorità għax qiesu li dawk ix-xandiriet minn barra l-pajjiż kienu qed joħolqu żbilanċ. Fir-Rapport tas-Sena, l-Awtorità saħqet li ma kellha l-ebda setgħa biex twaqqaf dawn ix-xandiriet u, billi ma kienx hemm kworum dak iż-żmien, ma kien hemm xejn li setgħet tagħmel.
Is-sena 1982 kienet sena mimlija kawżi quddiem il-Qorti, kollha marbuta mal-għamla tal-Bord. Matul is-sena ta' qabel, nhar is-16 ta' Diċembru 1981, żewġ membri tal-Bord bagħtu r-riżenja tagħhom lill-President tar-Repubblika. Għalkemm l-Awtorità xorta kienet għadha mwaqqfa, ma setgħet tieħu l-ebda deċiżjoni għax ma kienx hemm kworum. Il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili kkonfermat dil-ħaġa fis-sentenza li tat f'Mejju tal-1982 li fiha qalet li Artiklu 123(2) kien jgħid li malli Kummissjoni (f'dal-każ, l-Awtorità) titwaqqaf mill-Kostituzzjoni, tista' tibqa' taħdem anki jekk ikun hemm xi membri mhux maħtura.
Taqsima 3(5) tal-Ordinanza tax-Xandir kienet tgħid li l-għadd ta' Membri, għajr iċ-Chairman, m'għandhomx ikunu inqas minn erbgħa u mhux iktar minn sitta filwaqt li l-Ewwel Skeda tal-Ordinanza kienet tgħid li l-kworum jintlaħaq bi tliet Membri flimkien maċ-Chairman. Mill-1964, l-għadd ta' Membri maħtura fil-Bord tal-Awtorità kien dejjem l-inqas mitlub mil-liġi.
Għalkemm il-ħatra tal-membri tal-Awtorità kienet tintemm nhar l-20 ta' Lulju 1982, il-ħatra tat-tliet membri li kien fadal fil-Bord ittawlet sal-aħħar tas-sena. Fis-sentenza tal-Qorti tal-Appell, filwaqt li l-qorti kkonfermat is-sentenza tal-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili (fejn qalet li l-Awtorità kienet għadha maħtura anki jekk ma kienx hemm biżżejjed membri), il-Qorti tal-Appell qieset li wara l-20 ta' Lulju 1982, l-Awtorità ma kinitx maħtura kif titlob il-Kostituzzjoni u l-fatt li lill-membri ttawlitilhom il-ħatra, ma kienx ifisser li l-Awtorità reġgħet inħatret. Minħabba f'hekk l-Awtorità ma setgħetx tibqa' konvenuta fil-kawża tagħha stess. Id-dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni li tgħid li ċ-Chairman huwa r-rappreżentant tal-Awtorità ma setgħetx tintuża għax l-Awtorità nnifisha ma kinitx maħtura.
Biex tinstab soluzzjoni għal dil-kwistjoni fix-xandir minħabba l-għadd ta' bojkots imsejħa, l-Att dwar Indħil Barrani, Att Numru XI tal-1982, daħal fis-seħħ dakinhar li ġie ppubblikat fl-1 ta' Settembru 1982. Min-naħa l-oħra, ix-xandiriet minn Sqallija ġew sospiżi nhar it-3 ta' Awwissu 1982. Għalkemm ma kienx reat li tisma' x-xandiriet minn barra, ix-xandiriet miċ-ċittadini Maltin minn barra minn xtutna lejn Malta saru reat li stajt tittella' l-qorti minħabba fihom. Ix-xandiriet lejn il-pajjiż miċ-ċittadini tiegħu mxandra minn pajjiżi ġirien dak iż-żmien kienu, u għadhom, xi ħaġa tas-soltu, mhux biss fil-Komunità Ekonomika Ewropea (illum magħrufa bħala l-Unjoni Ewropea) imma madwar id-dinja kollha – bħal, ngħidu aħna, Radio Luxembourg.
Mill-bidu tal-1983 sal-1986, l-Awtorità tax-Xandir ma nħatritx. Il-kontrolli fuq ix-xandir matul dak iż-żmien kienu inqas ċari għax f'Marzu tal-1983, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir inħatar ukoll Chairman tal-Korporazzjoni TeleMalta, kumpanija li kienet kuntrattur tax-xandir tal-Awtorità tax-Xandir. F'Ottubru tal-1983, Cable Radio 2 u Radju ta' Malta ngħaqdu f'kumpanija waħda.
Għat-tliet snin ta' wara, saru sforzi kbar biex jintlaħaq ftehim dwar il-kriżi fil-qasam tax-xandir. Fl-1 ta' Jannar 1984, il-Partit Nazzjonalista neħħa l-bojkot li kien żamm għal 23 xahar fuq il-prodotti riklamati fuq il-mezzi tax-xandir. Din il-ħaġa wasslet biex il-General Workers Union tneħħi d-direttivi tagħha biex il-ħaddiema ta' Xandir Malta jibbojkotjaw l-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista u, lejn l-aħħar tas-sena, b'turija ta' rieda tajba, neħħiet ukoll il-bojkot li kellha kontra l-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Dr Josie Muscat.
Biss, dan kollu ma wassalx biex jitneħħew it-tensjonijiet kollha ta' dak iż-żmien. Nhar id-19 ta' Frar 1985, il-Qorti Kostituzzjonali tat sentenza dwar il-każ imressaq f'Novembru tal-1979 mill-Partit Nazzjonalista dwar għadd ta' nuqqasijiet minn Xandir Malta. Il-Qorti amret lil Xandir Malta biex fi żmien jumejn tax-xogħol ixandar li l-Qorti sabet l-ilmenti msemmija bħala veri u ġustifikati. Madankollu, nhar id-19 ta' April 1985, il-Kap Eżekuttiv ta' Xandir Malta tella' l-ewwel programm ta' kull xahar tiegħu "Il-Kap tax-Xandir Iwieġeb", programm li kiseb ħafna kritika, l-iktar mill-Parlament. Fl-10 ta' Lulju, fil-Parlament insaħaq li "anki jekk kien programm informattiv, il-Mexxej ta' Xandir Malta ma kellux jitħaddet dwar suġġetti kontroversjali".
Il-bidla seħħet fis-seduta tal-Parlament tal-10 ta' Lulju 1985 meta twaqqaf Kumitat Ristrett bl-approvazzjoni unanima tal-Parlament u b'membri maħtura miż-żewġ naħat tal-Kamra biex jifhem id-dispożizzjonijiet ta' ċerti liġijiet bil-għan li jsaħħaħ il-proċess demokratiku f'Malta u meta fit-18 ta' Lulju 1986, inħatret l-Awtorità tax-Xandir (mill-ġdid, għal sena biss). Nhar l-1 ta' Ottubru, is-Sur F. X. Carbone ħalla r-rwol li kellu bħala Chairman tal-Korporazzjoni EneMalta (li kienet magħrufa bħala l-Korporazzjoni TeleMalta) u żamm ir-rwol ta' Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir. Wara l-Elezzjoni Ġenerali ta' Mejju, f'Lulju tal-1987 is-Sur Antoine Ellul inħatar bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir. Bejn l-1961 u l-1981, is-Sur Ellul kien ħadem mal-Awtorità f'għadd ta' rwoli.
Importanti nsemmu l-Memorandum "Il-Knisja u x-Xandir f'Malta" li tressaq lill-Awtorità tax-Xandir nhar it-23 ta' Ottubru 1986 mill-Uffiċċju tal-Istampa tal-Kurja tal-Arċisqof. Fid-dokument il-Kurja talbet li l-Knisja tissemma fl-aħbarijiet u li jerġa' jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv tax-Xandiriet Reliġjużi b'konsultazzjoni mal-Arċisqof ta' Malta.
Fil-bidu tas-snin tmenin, il-każijiet tal-qorti marbuta mal-ħatra, l-għamla, il-kworum u l-proċeduri tal-Awtorità kienu komuni ħafna. Barra minn hekk, il-fatt li l-Awtorità għamlet tliet snin u nofs mhux maħtura bejn l-1983 u Lulju tal-1986, wassal biex il-ħidma regolarja u l-ħidmiet l-oħra tal-Awtorità ma setgħux jitwettqu. Il-bilanċ u l-imparzjalità ma kinux baqgħu mħarsa u r-regolatur li kien twaqqaf apposta biex jiżgura l-ħarsien tagħhom ma setax jiżgura t-twettiq tad-dispożizzjonijiet tax-xandir tal-Kostituzzjoni.
It-tmiem tad-deċennju wassal ukoll għal xi bidliet mixtieqa fis-sistemi tax-xandir. Cable Radio, li kienet ilha xxandar f'Malta għal 53 sena, xandret l-aħħar programm tagħha nhar il-31 ta' Jannar 1989 filwaqt li fl-istess xahar, kien hemm sejħa pubblika biex jitwaqqaf Servizz tat-Televiżjoni bil-Cable għall-Gżejjer Maltin.
F'Settembru tal-1990 tnediet White Paper bil-proposti tal-Gvern għat-twaqqif tal-pluraliżmu fix-xandir. Fil-White Paper kienu jissemmew il-ħolqien ta' stazzjonijiet oħra tar-radju, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell komunitarju, il-ħolqien ta' servizz tat-televiżjoni bil-cable u qafas legali apposta għat-teknoloġiji l-ġodda.
1991 - 1999
L-Att dwar ix-Xandir il-ġdid ġie ppubblikat nhar it-8 ta' Marzu 1991. L-att ġie approvat wara 22 seduta parlamentari u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju tal-1991. Biss, f'April tal-1991, il-Gvern offra u mbagħad ħareġ liċenzji tar-radju lill-Partit Nazzjonalista, lill-Malta Labour Party u lill-Knisja Kattolika taħt l-Ordinanza dwar it-Telegrafija mingħajr Fili; dawn kienu jiswew sal-31 ta' Diċembru tal-1992. Nhar it-3 ta' Ġunju 1991, il-Gvern iffirmat ftehim ma' Melita Cable Television Ltd fejn taha esklussività għal 15-il sena biex tniedi u tħaddem servizz ta' televiżjoni bil-cable u s-servizz kellu jerġa' jxandar l-istazzjonijiet li l-kumpanija tirċievi bl-aerial u bis-satellita. Dakinhar stess, l-Awtorità tax-Xandir ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-istazzjonijiet tar-radju nazzjonali li kellhom jingħataw għal tmien snin. Is-sistema tal-cable f'Malta bdiet tinbena fil-ħarifa tal-1991 filwaqt li Għawdex beda jitqabbad mas-sistema fl-1995. Sal-1 ta' Jannar 1996, l-għadd ta' djar li setgħu jintlaħqu bis-servizz tal-cable kien 145,371 filwaqt li 51,500 (ċoè 35%) minnhom kienu abbonati mas-servizz.

Il-ħruġ tal-liċenzji għall-ewwel stazzjonijiet tar-radju kummerċjali: Island Sound, Radio One Live, Bay Radio [7 ta' Novembru 1991]
F'nofs Awwissu tal-1991, Super One Radio, l-istazzjoni tar-radju tal-Partit Laburista, kien l-ewwel stazzjon li beda jxandar 24 siegħa kuljum. Radio 101, l-istazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, beda jxandar f'Settembru tal-1991 filwaqt li l-istazzjon tal-Knisja, RTK, beda jxandar nhar l-14 ta' Marzu 1992.
Sas-7 ta' Novembru 1991, l-Awtorità kienet ħarġet tliet liċenzji mill-ħames applikazzjonijiet li daħlulha. Il-liċenzji nħarġu lil Island Sound (li beda jxandar nhar is-6 ta' Marzu 1992), lil Radio One Live u lil Bay Radio (li beda jxandar nhar l-10 ta' Marzu 1992). Smash Radio kien l-aħħar stazzjon li kiseb liċenzja mill-ewwel grupp ta' frekwenzi li ngħataw.
Fl-aħħar tas-sena, l-Awtorità waqqfet ukoll servizzi tar-radju tal-komunità għal erba' snin li kellhom ixandru f'raġġ ta' 2.5km minn postijiet partikolari. L-ewwel żewġ stazzjonijiet tar-radju tal-komunità kienu Radju Rona, li beda jxandar nhar il-15 ta' April 1993 min-Naxxar u Radju għall-Providenza li xandar bejn l-20 u l-25 ta' Diċembru 1993 mis-Siġġiewi bil-għan li jxandar il-wegħdiet marbuta mal-attivitajiet mużikali biex jiġbor il-flus għar-residenti tad-Dar tal-Providenza. Għalkemm Radju Rona, li beda b'ħeġġa kbira, għalaq wara xahrejn, Radju għall-Providenza u Radju għar-Restawr (li kiseb liċenzja s-sena ta' wara għar-restawr ta' biċċa mill-faċċata tal-knisja tal-Mosta) kienu sodisfatti bir-riżultati li kisbu matul ix-xandiriet tagħhom.
F'Ġunju tal-1992, l-Awtorità ħarġet sejħa għaż-żewġ frekwenzi VHF/FM nazzjonali l-oħra li kienet għadha ma ħarġitx liċenzja għalihom. Daħlu tliet applikazzjonijiet u għalhekk, għall-ewwel darba, kien hemm kompetizzjoni għal-liċenzji minħabba l-għadd limitat ta' frekwenzi tar-radju li setgħu joħorġu liċenzji għalihom. Radio Calypso ngħata l-ewwel liċenzja, għax kien se jxandar minn Għawdex u wiegħed li se jaqsam iktar tagħrif dwar Għawdex mal-bqija tal-Maltin. Għal-liċenzja l-oħra kien hemm kompetizzjoni kbira.
Fl-1993 seħħet xi ħaġa interessanti li wasslet biex l-Awtorità toħroġ liċenzja tax-xandir bir-radju lil UNIMAS Ltd. Wara taħditiet iebsin bejn l-Awtorità u d-detenturi taż-żewġ applikazzjonijiet l -oħra (l-Università ta' Malta u l-Moviment Azzjoni Soċjali), intlaħaq ftehim għat-twaqqif ta' kumpanija (UNIMAS Ltd) li kellha tikseb liċenzja biex iż-żewġ għaqdiet itellgħu l-programmi tagħhom fuq l-istess frekwenza FM. Ix-xandiriet tar-Radju tal-Università bdew f'Awwisu tal-1994 filwaqt li Radju MAS beda jxandar f'Ottubru 1994.
Fi Frar tal-1997, il-Gvern ħareġ żewġ liċenzji VHF-FM lil PBS Ltd u lill-Alternattiva Demokratika. Fl-aħħar tas-sena, l-Awtorità ħarġet liċenzja lil FM Bronja, it-tielet stazzjon tar-radju f'id ix-xandar tas-servizz pubbliku. Min-naħa l-oħra, l-Alternattiva Demokratika kellha ċċedi l-liċenzja tar-radju tal-komunità tagħha u minflokha, nhar is-6 ta' Mejju 1998, Capital Radio kiseb liċenzja biex ixandar.
Il-liġi tax-xandir il-ġdida ħasbet ukoll għal stazzjonijiet tat-televiżjoni ġodda għax-xandar tas-servizz pubbliku. Nhar is-27 ta' Settembru 1991 twaqqfet kumpanija ġdida u l-ħidma kollha ta' Xandir Malta għaddiet għand is-servizz il-ġdid, TVM, li kien f'id il-kumpanija pubblika Public Broadcasting Services Ltd. Il-kumpanija pubblika kisbet Radju ta' Malta 1 fuq 999 MW u Radju ta' Malta 2 fuq 93.7 FM li kienu diġà qed ixandru.
F'Ġunju tal-1993, il-Parlament bidel taqsima 10(5) tal-Att dwar ix-Xandir. Il-verżjoni oriġinali ma kinitx tħalli lil servizz tax-xandir ikollu iktar minn liċenzja waħda u għalhekk, stazzjon tar-radju ma setax jikseb ukoll liċenzja ta' stazzjon tat-televiżjoni mingħajr ma jċedi l-kontroll fuq il-kumpanija li kellha liċenzja għas-servizz tar-radju. Il-bidla wasslet biex għaqda, bniedem jew kumpanija setgħu jkunu responsabbli editorjalment għal mhux iktar minn servizz tar-radju u mhux iktar minn servizz tat-televiżjoni. Nhar it-22 ta' Frar 1993, il-Gvern ta lill-Awtorità l-istazzjonijiet UHF 21 u 29 li għalihom l-Awtorità kienet diġà daħlitilha applikazzjoni mill-Malta Labour Party għax-xandiriet tat-televiżjoni.
Iż-żewġ stazzjonijiet mogħtija kienu jiġu mxekkla mill-istazzjonijiet Taljani Canale 5 u TVR Sicilia u l-Gvern kellu jqajjem punt mal-awtoritajiet Taljani biex ma jkomplux ixandru fuq dawk iż-żewġ stazzjonijiet tat-televiżjoni li kienu missu lil Malta bil-Konvenzjoni ta' Stokkolma. Nhar l-20 ta' Awwissu 1993, il-Malta Labour Party beda jxandar xandiriet ta' prova tat-televiżjoni mingħajr permess fuq l-istazzjon UHF 43. Nhar il-25 ta' Frar 1994, Super One Television kiseb liċenzja biex ixandar fuq stazzjon 20 bi trażmettitur ta' 100 watt mill-antenna ta' Ħal Għargħur tal-Awtorità u sistema ta' repeaters biex jilħaq il-pajjiż kollu. Super One Television beda jxandar ukoll fuq il-cable fl-aħħar tliet xhur tal-1994.
Nhar is-27 ta' Ottubru 1994 inħarġet it-tieni liċenzja tax-xandir tat-televiżjoni lil Smash Communications Ltd, biex il-kumpanija tkun tista' tibda xxandar Smash TV bil-cable. Ix-xandiriet bdew nhar id-19 ta' Novembru 1994. Fl-aħħar tliet xhur tal-1994, il-kumpanija tal-cable nediet stazzjon ieħor bl-isem ta' Max Plus.
Il-White Paper ta' Settembru tal-1990 u l-Att dwar ix-Xandir taw bidu għall-pluraliżmu fix-xandir u għalqu għalkollox il-monopolju fix-xandir. L-Awtorità tqabbdet bit-twaqqif ta' stazzjon tat-televiżjoni tal-komunità ġdid, Channel 12, li kellha tħaddem hi u bi stazzjon tat-tagħlim li kellu jitħaddem mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni b'konsultazzjoni mal-Awtorità. Xandir Malta tneħħa minn taħt il-kappa tal-Korporazzjoni Telemalta u beda jagħmel parti minn kumpanija b'resposabbiltà limitata – Public Broadcasting Services Ltd. It-tneħħija tal-limitazzjonijiet fuq ix-xandir, li kienet tat monopolju fix-xandir lis-servizz pubbliku, flimkien mal-miġja ta' sistema tat-televiżjoni bil-cable u l-għadd dejjem jikber ta' stazzjonijiet tar-radju FM fl-1992, wasslu biex l-Awtorità tkun teħtieġ post ikbar minn dak li kellha l-Blata l-Bajda u li kien qdiha sa mill-1971. Kien ċar ħafna li ma kinux addattati għal dawn il-ħtiġijiet il-ġodda fosthom spazju għal studio għat-taħriġ u għat-televiżjoni, biżżejjed spazju għall-uffiċċji u għat-tagħmir tekniku, kmamar apposta għall-editing tal-programmi lokali u post għall-kompjuters meħtieġa biex jinflew ir-rapporti tal-ħidma u l-istħarriġ tax-xandir.
Wara li l-Awtorità qatgħetha li tibni uffiċċji u studios addattati għall-ħtiġijiet tagħha, kien hemm proċess twil għall-għażla u x-xiri tal-post meħtieġ kif ukoll għat-tħejjija u l-approvazzjoni tal-faċilitajiet mibnija għal dawn l-għanijiet. F'Marzu tal-1994, beda x-xogħol tal-bini fuq binja ġdida għall-uffiċċji fi Triq Mile End, il-Ħamrun u sa Settembru tal-1995, l-Awtorità kienet bdiet tuża l-uffiċċji l-ġodda tagħha. Sa dak iż-żmien, l-istudio tat-televiżjoni ta' kważi 100 metru kwadru, li fil-biċċa l-kbira tiegħu kien taħt l-art, kien wasal biex jitlesta u kellu jintuża mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni tal-komunità tal-Awtorità (Channel 12). L-istazzjon beda jxandar nhar id-29 ta' Settembru 1996 bħala stazzjon tal-cable u kien immexxi għalkollox mill-Awtorità tax-Xandir.
Wara t-tnedija tiegħu, Channel 12 beda jaqsam il-ħaddiema u r-riżorsi tekniċi tiegħu mal-għaqdiet li kienu jaħdmu għall-kisbiet soċjali u kulturali u għalhekk il-Kunsilli Lokali u l-għaqdiet filtantropiċi kellhom għadd kbir ta' programmi fl-iskedi tal-istazzjon. Infatti, fil-ftit żmien li dam jeżisti Channel 12, l-Outside Broadcasting Unit li ngħata minn Melita Cable Ltd bħala parti mid-dmirijiet imqiegħda fuqha biex tkun tista' tikseb liċenzja esklussiva għal 15-il sena, intuża biex jittellgħu 18.6% (337 siegħa) tal-programmi kollha li xxandru fuq l-istazzjon.
Fl-1997, it-tnaqqis fil-baġit tal-Awtorità minħabba li l-politika tal-Gvern li xtaq jonfoq inqas fuq ix-xandir pubbliku wassal biex l-Awtorità ma tkunx tista' tkompli żżomm l-istazzjon tal-komunità. Billi l-Awtorità xtaqet tiżgura li r-riżorsi għax-xandir li kellha jibqgħu għall-pubbliku, wara t-taħditiet ta' Marzu mal-Prim Ministru dwar it-tnaqqis fl-infiq fuq il-qasam tax-xandir pubbliku, bdiet minnufih it-taħditiet ma' PBS Ltd. Meta PBS Ltd uriet li ma xtaqitx titħaddet dwar l-offerta, l-Awtorità daħlet fi ftehim ma' Melita Cable Television Ltd fejn l-Awtorità kisbet dak kollu li xtaqet. Melita Cable nħallet mill-ftehim wara li l-Prim Ministru qal li l-ftehim milħuq ma kienx fl-interess pubbliku. Ftit wara, il-PBS bagħtet offerta li kienet tixbah ħafna lill-offerta li kienet ċaħdet qabel u wara taħditiet bejn l-Awtorità u l-istazzjon tax-xandir nazzjonali, intlaħaq ftehim.
Channel 12, l-istazzjon tal-komunità tal-cable li beda jxandar taħt il-kontroll tal-Awtorità tax-Xandir nhar id-29 ta' Settembru 1996, nhar is-16 ta' Jannar 1998 beda jagħmel parti minn Public Broadcasting Services Ltd.
F'Lulju tal-1997, il-Gvern ta erba' stazzjonijiet UHF tat-televiżjoni lill-Awtorità biex toħroġ il-liċenzji lix-xandara privati li xtaqu jxandru għall-pajjiż kollu. Wara li tqies kollox, l-Awtorità tat permess lill-Partit Nazzjonalista biex jagħmel xandiriet ta' prova fuq l-Istazzjon 50 tal-UHF. Nhar l-20 ta' Marzu 1998, Net TV kiseb liċenzja tax-xandir. Stazzjon 42 ngħata lil Smash Communications Ltd li diġà kienet qed ixxandar bil-cable.
F'Awwissu tal-1999, Max Media Entertainment Ltd ressqet applikazzjoni uffiċjali għal servizz ġdid tat-televiżjoni bl-isem Max Plus. L-istazzjon kellu jxandar biss bil-cable u ngħata stazzjon 18 ta' dan is-servizz. Fl-istess xahar, tressqet ukoll applikazzjoni uffiċjali minn kumpanija ġdida bl-isem ta' www.travel biex tikseb liċenzja għax-xandir diġitali bis-satellita barra minn xtutna u għal servizz tax-xandir bil-kontenut HTML interattiv diġitali. L-applikazzjoni ngħaddiet lill-Ministeru tat-Trasport u l-Komunikazzjoni u l-Awtorità kisbet tweġiba li l-istazzjon kien ingħata permess biex jibda x-xandiriet ta' prova.
Nhar l-1 ta' Jannar 1999, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, l-Awtorità għażlet il-Kap Eżekuttiv tagħha stess.
Matul l-ewwel perjodu tal-pluraliżmu fix-xandir, l-Awtorità tax-Xandir ħadmet biex twaqqaf is-servizzi marbuta mal-liċenzji li tat. Għalkemm dejjem żammet mad-dmirijiet li l-liġi u l-Kostituzzjoni qiegħdu fuqha, l-Awtorità kienet pragmatika u ma żammitx daqshekk idejha fejn jidħlu xi nuqqasijiet li fehmet li setgħu jseħħu sakemm dawn is-servizzi jibdew jaħdmu kif suppost. Dan iż-żmien tal-bidu dam sa madwar tmiem is-sena 1994. Għalkemm l-Awtorità saħqet li l-pluraliżmu kellu jwassal għal għażla wiesgħa ta' programmi ta' kwalità tajba għall-pubbliku, l-Awtorità bdiet taħdem fuq għadd ta' inizjattivi biex ittejjeb il-kwalità tax-xandir.
Wara l-ftuħ tas-suq tax-xandir tal-midja, fost l-ewwel inizjattivi kien hemm dawn:
• 18 ta' Frar 1993: Seminar – Linji Gwida għall-Programmi tal-Ġrajjiet Kurrenti bil-kelliem ewlieni Dr Massimo Fichera, id-Direttur Ġenerali ta' Euronews
• 11 ta' Ġunju 1993: Seminar – L-Effetti tal-Pluraliżmu fix-Xandir
• 18 ta' Frar 1994: Seminar – Il-Bilanċ u l-Imparzjalità fix-Xandir
• Bejn is-7 u t-18 ta' Marzu 1994: Taħriġ dwar il-ġurnaliżmu fix-xandir imtella' flimkien mal-Awtorità, The Strickland Foundation u l-Fondazzjoni Thomson
• 5 ta' Mejju 1995: Seminar – Ir-Rwol tal-Awtorità tax-Xandir f'Soċjetà Demokratika
• 30 ta' Mejju 1996: Seminar – Ir-Rwol tar-Riklami fil-Politika tax-Xandir b'taħdita mill-Professur Dr. Bernd-Peter Lange, Direttur Ġenerali tal-Istitut tal-Midja Ewropew. Wara dan is-seminar kien hemm żewġ seminars oħra bid-diskussjoni ta' nofstanhar kull wieħed fejn il-membri tat-tmexxija tal-istazzjonijiet u l-aġenziji tar-riklami setgħu jiċċekkjaw abbozz ta' liġi dwar ir-riklami li kienet ħejjiet l-Awtorità
• 27 ta' Awwissu 1999: Seminar – Ix-Xandir tat-Televiżjoni f'Malta
Maż-żmien, l-Awtorità ħarġet għadd ta' pubblikazzjonijiet marbuta max-xandir. L-ewwel pubblikazzjoni kienet "The Young Listener" għad-Dipartiment tax-Xandir tal-Iskejjel tal-Awtorità tax-Xandir, li x-xogħol fuqha sar id f'id mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Warajha kien hemm pubblikazzjoni li tiġbor fiha dak li ħareġ minn għadd ta' konferenzi mtella' mill-Awtorità bejn l-1993 u l-1995. Minħabba li sal-1999, qatt ma kien sar stħarriġ kwalitattiv fuq skala nazzjonali biex l-Awtorità tifhem l-effetti tax-xandir fuq l-għadd ta' oqsma tas-soċjetà Maltija, l-Awtorità fasslet pjan ta' 3 snin. Il-pjan kien jiġbor fih it-tmexxija ta' stħarriġ kwalitattiv li kellu jsir kull sena dwar l-effetti li xi parti jew partijiet tax-xandir jafu jkollhom fuq xi oqsma partikolari tas-soċjetà. Għalhekk l-Awtorità talbet dan it-tiftix kwalitattiv li ġej:
• L-Adoloxxenti u x-Xandir; Joe Grixti, 1999, fittex u qies l-effetti li l-vjolenza, is-sess, ir-riklami, il-prodotti murija fil-programmi u l-istrateġiji tal-programmi kellhom fuq il-ħsieb jew l-imġiba tal-adoloxxenti taħt l-14-il sena.
• Il-Pluraliżmu fix-Xandir f'Malta: Għaxar Snin Wara – Ħarsa Kwalitattiva; Marika Fsadni, 2003, fittxet l-effett tal-pluraliżmu fix-xandir fuq il-kontenut tal-programmi, l-istandards tax-xandir u x-xandar pubbliku.
• Ix-Xandir u l-Konsumatur Żagħżugħ; Joe Grixti; 2004, fittex l-effetti tal-midja lokali u dinjija fuq il-kultura taż-żgħażagħ Maltin
• Programmi ta' Kwalità Għat-Tfal; Aquilina, Axiak, DeBono, Muscat Azzopardi; 2007; riżultati tat-tiftix u linji gwida għall-kontenut bil-ħoss u bl-istampi għall-programmi tat-tfal miġjuba minn ħidma id f'id bejn l-Awtorità u l-Kummissarju tat-Tfal
• Il-Liġijiet tax-Xandir f'Malta: Dokumenti Importanti; Aquilina & Axiak, 2007; l-Ewwel Volum fis-Sensiela tal-Istudji dwar ix-Xandir;
• Maltese Broadcast Consumer Profile: An Analytical assessment 1999-2006; Mario Axiak, 2008; Broadcasting Studies Series Vol. 2 u
• Gender Issues in News Bulletins: A Comparative Analysis between Malta, Cyprus and Ireland; Joanna Spiteri, 2008; Broadcasting Studies Series Vol. 3.
Fl-1994 l-Awtorità bdiet inizjattiva oħra biex ittejjeb il-kwalità tax-xandir billi ħabbret kompetizzjoni tal-programmi tar-radju u tat-televiżjoni bil-ħsieb li tkun kompetizzjoni li tittella' kull sena bl-għanijiet li:
• trawwem kompetizzjoni sabiħa bejn ix-xandara li jxandru fuq l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni.
• turi li tapprezza u tippremja t-talent.
• tgħolli l-livell tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju u fl-istess ħin ittejjeb l-istatus tal-produtturi tal-programmi.
Din il-kompetizzjoni ttellgħet kull sena għal disa' snin bejn l-1995 u l-2003 u kienet popolari ħafna mal-istazzjonijiet lokali tar-radju u tat-televiżjoni. Kull programm kien jikkompeti għall-Aqwa Programm f'waħda mill-kategoriji. Għalkemm il-produtturi nfushom kienu ħerqana ħafna li jirbħu dawn il-premjijiet, il-premjijiet mhux dejjem ingħataw għax ma kienx hemm programmi tal-kwalità mixtieqa. Il-kompetizzjoni bdiet fl-1995 b'sitt kategoriji għall-programmi tar-radju u tat-televiżjoni u sal-2003 kienet tgħodd ħdax-il kategorija. Kien hemm ukoll Premju għall-Għarfien dwar il-Ġens fuq ix-Xandir u Premju għall-Użu Tajjeb tal-Ilsien Malti. Premju speċjali għas-servizz mill-aqwa lill-industrija tax-xandir ingħata lil Charles Arrigo (1995) u lil Charles Clews (1997).
Filwaqt li min-naħa minnhom l-Awtorità riedet iżżid il-kompetizzjoni u xtaqet tgħin lill-programmi u lill-produtturi Maltin b'għadd ta' inizjattivi, xtaqet tiżgura wkoll li setgħet taħdem kemm jista' jkun tajjeb għall-interess pubbliku. Artiklu 33 tal-Att dwar ix-Xandir jgħid: "L-Awtorità tista' taħtar jew tinkariga kull organu bħala kumitat konsultattiv biex jagħti parir lill-Awtorità u lil kull min jagħti servizzi ta' xandir f'Malta, fuq ħwejjeġ ta' tagħlim u reliġjużi, fuq livell ta' kondotta fir-reklamar ta' oġġetti jew servizzi, u fuq dawk il-ħwejjeġ l-oħra li l-Awtorità tista" tiddeċiedi".
Fl-1999 l-Awtorità ħatret ħames kumitati konsultattivi biex jgħinuha tifhem kif għandha ġġib ruħha dwar għadd ta' suġġetti tax-xandir:
• Teknoloġija tax-Xandir – biex jagħti l-pariri lill-Awtorità dwar it-tekonoloġija tax-xandir il-ġdida; biex jissuġġerixxi meta għandu jiddaħħal fis-seħħ ix-xandir diġitali u biex jagħti l-pariri lill-Awtorità dwar ir-regoli li għandha toħloq għal din it-teknoloġjija l-ġdida.
• Kwalità u Etika fix-Xandir – biex jagħti l-pariri u jtejjeb l-istandards tal-programmi fuq ix-xandir pubbliku u privat b'linji gwida għall-programmi bl-għan li jkunu ta' gosti tajbin u diċenti.
• Riklami u Kwistjonijiet Ekonomiċi oħra – biex jagħtu l-pariri fuq kif għandu jinbidel il-Kodiċi Għar-Riklamar u t-Telexiri (It-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, Kapitlu 350) biex jiżgura ħarsien xieraq lill-konsumaturi u biex joħloq kodiċi tal-etika fir-riklami għax-xandir.
• Aħbarijiet u Ġrajjiet Kurrenti – biex ifassal pjan ġenerali għat-titjib tal-programmi tal-aħbarijiet u l-ġrajjiet kurrenti li qed jixxandru bħalissa fuq is-servizzi tax-xandir pubbliċi u privati b'bidla fil-kodiċi tal-istandards u l-imġibiet għall-kisba ta' proċessi ġurnalistiċi aħjar.
• Kwistjonijiet ta' Ġens fix-Xandir – biex jagħti l-pariri dwar it-tnedija u l-bidla fil-linji gwida fejn jidħlu l-kwistjonijiet dwar il-ġens fil-kontenut tal-programmi, il-ħolqien tal-kunċett ta' opportunitajiet indaqs fl-għoti jew fit-tiġdid tal-liċenzji tax-xandir u l-ħolqien ta' database li tiġbor fiha lista ta' esperti, bilanċjata bejn il-ġnus, biex il-produtturi tal-programmi tal-aħbarijiet u l-ġrajjiet kurrenti jkunu jistgħu jużawha.
Sal-aħħar tal-1999, l-Awtorità setgħet, fost ħwejjeġ oħra:
• tiżgura kif suppost iż-żamma tal-imparzjalità dovuta fejn jidħlu ħwejjeġ ta' kontroversja politika jew industrijali jew li għandhom x'jaqsmu mal-politika pubblika tal-jum;
• tqassam b'mod ġust l-aċċess u l-ħin għax-xandir ma' nies ġejjin minn partiti politiċi differenti billi ttella' x-xandiriet politiċi tagħha stess;
• tagħmilha ta' regolatur għax-xandir bil-ħoss u x-xandir tat-televiżjoni;
• tfassal abbozz ta' liġi għall-approvazzjoni mill-Parlament u mill-Gvern;
• tagħti l-liċenzji tar-radju u tat-televiżjoni, kemm fuq skala nazzjonali kif ukoll fuq skala komunitarja;
• iżżomm għajnejha fuq l-istazzjonijiet tax-xandir u tirregola l-ħidma tagħhom b'rabta mad-dmirijiet imqiegħda fuqhom bil-liġi jew bil-liċenzja;
• tiżgura li jkun hemm firxa wiesgħa ta' servizzi tax-xandir li jolqtu ħafna gosti u interessi;
• tiżgura kompetizzjoni ġusta u tajba għall-għoti ta' dawn is-servizzi;
• ittella' kampanji ta' tagħlim għall-pubbliku fuq ix-xandir;
• ittella' seminars dwar ix-xandir ta' kull sena u tagħti għotjiet għar-riċerka kwalitattiva u kwantitattiva dwar suġġetti marbuta max-xandir;
• toħloq database għad-diversità biex ix-xandara jkunu jistgħu jużawha; u
• tfassal standards għax-xandir għal għadd ta' oqsma tax-xandir.
Fejn jidħlu r-relazzjonijiet internazzjonali, l-Awtorità tax-Xandir dejjem ħadmet fil-qrib ħafna mal-gruppi tar-regolaturi tax-xandir u gruppi internazzjonali oħra u tellgħet ħafna konferenzi internazzjonali f'Malta. Fost dawn il-gruppi kien hemm is-Summit Dinji għar-Regolaturi, l-Għaqda Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni; l-UNESCO; l-Għaqda tax-Xandara Ewropea (EBU); l-Għaqda tax-Xandara tal-Commonwealth (CBA); il-Kunsill tal-Ewropa (COE); il-Pjattaforma Ewropea tal-Awtoritajiet Regolatorji (EPRA); il-Forum tat-Televiżjoni u l-Films Ewropew u x-Xirka Mediterranja tal-Awtoritajiet Regolarji (MNRA).
Fil-fatt, fl-1995 waqt laqgħa li kienet qed titmexxa Malta, l-Awtorità kienet waħda mill-membri li waqqfet il-Pjattaforma Ewropea tal-Awtoritajiet Regolatorji (ERPA) bl-għanijiet ewlenin:
• li tkun forum għad-diskussjonijiet u t-taħditiet informali bejn l-awtoritajiet regolatorji tax-xandir;
• biex tkun forum fejn tinqasam l-informazzjoni dwar il-problemi fir-regolamenti marbuta max-xandir nazzjonali u Ewropew; u
• biex tkun post għad-diskussjonijiet biex ikunu jistgħu jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi legali marbuta mal-interpretazzjoni u t-twettiq tar-regolamenti tax-xandir.
L-Awtorità u l-Membri tagħha, kif ukoll xi wħud mill-ħaddiema tagħha, għamlu għadd ta' żjarat biex jifhmu kif jaħdmu entitajiet oħra. Fost il-ħafna entitajiet li żaru kien hemm BBC Worldwide Television, il-Conseil Supérieur de l'Audiovisuel (CSA) Franċiż u l-Istitut Ewropew tal-Midja.
2000 - 2011
L-ewwel għaxar snin tal-millenju l-ġdid ġabu sfidi ġodda għall-Awtorità tax-Xandir bħalma ġabu d-deċennji ta' qabel. Fl-1999 l-Awtorità bdiet proċess ta' aġġornament kbir fid-Dipartiment tal-Moniteraġġ u l-ewwel u t-tieni fażi tal-programm tal-IT tal-Awtorità kienu twettqu sa tmiem is-sena 2000. Fosthom kien hemm it-tnedija tas-sit tal-internet f'Mejju tal-1999 u s-sistema l-ġdida tal-kompjuters tal-Awtorità (l-ewwel fażi). Imbagħad inħolqot database apposta (fit-tieni fażi) biex id-Dipartiment tal-Moniteraġġ jaħdem aħjar. Din kienet importanti ħafna għax dan ix-xogħol joqrob ħafna lejn ir-rwol mogħti lill-Awtorità mill-Kostituzzjoni. Għat-tielet fażi, l-Awtorità xtaqet toħloq arkivji diġitali ċentralizzati biex iżommu kopja ta' kull xandiriet tar-radju u tat-televiżjoni. Il-ħidma fuq dan il-proġett bdiet fl-2006 b'sejħa għall-kuntratturi interessati, abbozz tas-sistemi tekniċi meħtieġa u abbozz ta' dokument ta' sejħa għall-offerti.
Sas-snin 90, skont l-Ordinanza tal-1961, l-Awtorità tax-Xandir kellha tistrieħ fuq id-digrieti tal-qorti biex iżżomm il-bilanċ u l-imparzjalità u, ħafna drabi, il-Gvern seta' jħassar ir-rikors mitlub mill-Awtorità. Maż-żmien, l-Awtorità nediet sistema fejn l-istazzjonijiet li jkun tressaq ilment dwarhom kienu jissejħu għal smigħ fejn iż-żewġ naħat tal-ilment setgħu jressqu l-każ tagħhom quddiem l-Awtorità u mbagħad l-Awtorità tagħti d-deċiżjoni tagħha. Fl-Att dwar ix-Xandir tal-1991, il-leġiżlatur kompla jibni fuq din id-drawwa. Għalkemm kull deċiżjoni tal-Awtorità setgħet tiġi appellata quddiem il-qorti, l-Awtorità setgħet toħroġ ir-regolament tagħha dwar is-smigħ pubbliku. Nhar l-1 ta' Settembru 2000, dawn ir-regolamenti ġew ippubblikati f'Avviż Legali 161 (Kodiċi għall-Investigazzjoni u għad-Determinazzjoni tal-Ilmenti) u Avviż Legali 162 (Regolamenti tal-2000 dwar il-Proċedura Amministrattiva Speċjali). Saru wkoll xi bidliet fl-Att dwar ix-Xandir biex ikun żgurat li kull multa mogħtija tiġi mħallsa qabel xi ħadd ikun jista' jappella deċiżjoni tal-Awtorità quddiem il-qrati.
Il-Kumitati Konsultattivi mwaqqfa mill-Awtorità fl-1999 malajr urew xi jsarrfu. Sal-2001, il-Kumitat Konsultattiv Riklami u Kwistjonijiet Ekonomiċi Oħra fix-Xandir ħareġ tliet ġabriet ta' Linji Gwida: ir-riklami tax-xorb alkoħoliku, ir-riklami tal-Mediċini, Trattamenti, l-Istqarrijiet dwar is-Saħħa, in-Nutrizzjoni u s-Supplimenti tad-Dieta u r-riklami tas-Servizzi u l-Prodotti Finanzjarji. Il-Kumitat Konsultattiv Kwalità u Etika fix-Xandir ħareġ linji gwida dwar ir-rappurtaġġ etiku tat-traġedji u l-użu tajjeb tal-Ilsien Malti fix-xandir u wettaq riċerka kwalitattiva bl-isem Programmi tat-Televiżjoni ta' Kwalità – dokument li nħareġ għall-konsultazzjoni pubblika u kiseb reazzjonijiet tajbin ħafna minn firxa wiesgħa ta' nies. Il-Kumitat Konsultattiv Aħbarijiet u Ġrajjiet Kurrenti ħejja abbozz ta' rapport għall-bidla fil-Kodiċi tal-programmi tal-Aħbarijiet u l-Ġrajjiet Kurrenti, li mbagħad daħal fis-seħħ fl-2002. Il-Kumitat Konsultattiv Kwistjonijiet ta' Ġens fuq ix-Xandir, f'isem l-Awtorità tella' kors ta' taħriġ ta' ġimagħtejn ma' Radio Telefis Éireann, Dublin fuq is-suġġett tal-Għarfien tal-Ġens fix-Xandir għal erbatax-il ħaddiem ta' għadd ta' stazzjonijiet lokali. Dan ġara wara li l-Awtorità rnexxielha tikseb dan il-post grazzi għall-Programm tal-Unjoni Ewropea Leonardo da Vinci. Għall-ewwel darba, ingħata premju għall-Għarfien tal-Ġens fix-Xandir.
Nhar l-1 ta' Awwissu 2000, l-Awtorità tal-Komunikazzjoni Maltija twaqqfet b'Att XVIII tas-sena 2000 biex tkun regolatur għall-komunikazzjoni diġitali, għal xi oqsma tal-ħarsien tad-dejta fil-komunikazzjoni diġitali, għas-servizzi tal-posta, għall-kummerċ elettroniku u għal oqsma oħra bħal dawn fil-qasam tal-komunikazzjoni. L-Awtorità tax-Xandir u l-Awtorità tal-Komunikazzjoni Maltija bdew jaħdmu flimkien mill-qrib u nhar it-30 ta' Lulju 2004, id-Dipartiment tat-Telegrafija mingħajr Fili – il-konsulent tekniku tal-Awtorità tax-Xandir – beda jagħmel parti minn din l-Awtorità l-ġdida. Il-liċenzji tal-frekwenzi waqgħu taħt l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni.
Matul l-2004, minħabba nuqqas ta' flus, l-Awtorità kellha ssawwar mill-ġdid jew ittemm xi wħud mill-attivitajiet tagħha. L-għoti tal-Premjijiet tal-Programmi tar-radju u t-televiżjoni, li l-Awtorità kienet ittella' kull sena, ma sarx, l-Awtorità ma ħatret l-ebda Kumitat Konsultattiv u ma kien hemm l-ebda inizjattiva ġdida marbuta mar-riċerka kwalitattiva (Awtorità tax-Xandir, 2004). Anki jekk l-Awtorità ma kinitx f'qagħda finanzjarja li taħtar il-kumitati konsultattivi tagħha, xorta bdiet taħdem biex twaqqaf rabtiet ġodda ma' aġenziji oħra tal-gvern.
L-Awtorità tax-Xandir kompliet taħdem fil-qrib mal-Akkademja tal-Malti biex ittejjeb il-livell tal-Malti mitkellem u miktub fuq ix-xandir. Dan għamlitu b'lista ta' kliem marbut mal-informatika li kellhom jintużaw mix-xandara matul ix-xandiriet. Malli nħatar għall-ewwel darba l-Kummissarju għat-Tfal, l-Awtorità waqqfet sottokumitat bil-għan li tibdel il-Kodiċi tax-Xandir għall-Ħarsien tan-Nies Taħt l-Età billi tiffoka l-iktar fuq il-ħolqien ta' linji gwida għall-programmi ta' kwalità għat-tfal. L-Awtorità waqqfet ukoll sottokumitat ieħor mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nies biex tagħmilha eħfef li ż-żewġ naħat jaħdmu flimkien fuq ħwejjeġ li jolqtu liż-żewġ għaqdiet. Wara kummenti mill-Kummissjaru tat-Tfal, l-Aġenzija Appoġġ, l-Għaqda tal-Psikologi Maltin u l-Għaqda tal-Ħaddiema Soċjali Maltin, l-Awtorità biddlet il-Linji Gwida għall-Wiri ta' Nies Vulnerabbli fix-Xandir tagħha. Dawn kienu daħlu fis-seħħ l-ewwel darba wara li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b'Diżabbiltà (KNPD) kienet ilmentat mal-Awtorità tax-Xandir li n-nies b'diżabbiltà kienu qed jiġu preġudikati b'għadd ta' programmi għall-ġbir tal-flus. Permezz tal-Kumitat Konsultattiv Kwalità u Etika flimkien mal-KNPD, fl-2004 l-Awtorità nediet dak il-Kodiċi.
L-Awtorità reġgħet ma kinitx maħtura bejn April u Ġunju u Ottubru u Diċembru tal-2005. Matul dawk iż-żminijiet ma kien hemm l-ebda Chairman jew Membri tal-Bord maħtura. L-istess Awtorità reġgħet inħatret nhar l-24 ta' Ġunju għal tliet xhur bl-istess membri, bil-ħatra datata b'lura għall-1 ta' April. L-istess ġara nhar it-22 ta' Diċembru tal-2005 fejn l-Awtorità reġgħet inħatret b'ħatra datata b'lura għall-1 ta' Ottubru 2005.
Fl-2006 l-Awtorità waqqfet kumitat konsultattiv għar-riklami tal-prodotti mediċinali u tat-trattamenti mediċinali bl-għan li toħloq linji gwida biex jgħinu lix-xandara tat-televiżjoni u r-radju jifhmu aħjar id-dispożizzjonijiet legali ta' dal-qasam kif ukoll biex ifasslu kodiċi ta' etika dwar dak li jista' jitqies bħala mġiba etika aċċettabbli għax-xandir. Il-Kumitat kien magħmul minn rappreżentant tad-Direttur Ġenerali tas-Saħħa, rappreżentant tal-Kunsill Mediku, rappreżentant tal-Kunsill tal-Ispiżjara, rappreżentant tal-Kunsill tal-Professjonijiet Marbuta mal-Mediċina, rappreżentant tal-Awtorità tal-Mediċini u rappreżentant tal-Kunsill tal-Konsumatur.
Minħabba l-istennija għal bidliet kbar fit-teknoloġija diġitali, il-bidla mix-xandir analogue għal radju diġitali u xandir bi stampa ta' kwalità għolja, il-pjattaformi tal-midja l-ġodda u l-liċenzji tax-xandir bis-satellita, fost bidliet oħra, matul l-2006 l-Awtorità nediet l-ewwel Pjan Kummerċjali għall-2007-2009 u approvat Stqarrija tal-Għanijiet u Stqarrija tal-Ħidma għall-Għanijiet tagħha. Matul dis-sena, l-Awtorità u l-Awtorità tal-Komunikazzjoni Maltija waqqfu Kumitat għall-Istazzjonijiet tar-Radju tal-Komunità biex ifassal politika għat-tqassim tal-frekwenzi u għaż-żoni milħuqa minn dawn l-istazzjonijiet kif ukoll biex jifhem x'bidliet jeħtieġu jsiru fl-Att dwar ix-Xandir, fl-Att biex Jirregola l-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u fir-Regolamenti dwar in-Networks u s-Servizzi ta' Komunikazzjonijiet. Matul dik l-istess sena, l-Awtorità u l-Awtorità tal-Komunikazzjoni Maltija fasslu l-pariri tagħhom lill-Gvern b'rabta mal-bidliet teknoloġiċi li kienu seħħew fis-servizz tat-televiżjoni diġitali mxandra mill-art kif ukoll dwar il-ħtieġa ta' stazzjonijiet li għandhom dejjem jixxandru u l-ħtieġa li dejjem jixxandru stazzjonijiet bi programmi tal-interess ġenerali.
Nhar il-11 ta' Lulju 2008, l-Awtorità tat l-ewwel liċenzja għax-xandir bis-satellita lil BuzzTV Ltd. Dak iż-żmien, il-Ministru responsabbli mill-komunikazzjoni biss kellu s-setgħa joħroġ liċenzja bħal din sakemm ma kienx ikun għadda dal-irwol lill-Awtorità tax-Xandir. Il-Ministru tal-Infrastruttura, it-Trasport u l-Komunikazzjoni ħareġ Avviż Legali 175 tal-2008 fejn ta s-setgħa lill-Awtorità tax-Xandir biex f'isem il-Gvern toħroġ liċenzja lil dil-kumpanija biex ixxandar servizz tat-televiżjoni bis-sinjal kien jintbagħat lis-satellita mill-Islovenja. Buzz TV, li kien stazzjon ġenerali, temm ix-xandiriet tiegħu f'Lulju tal-2009. Is-sidien qalu li dan sar minħabba problemi tekniċi u bidla fis-servizz li jibgħat is-sinjal lis-satellita u għax riedu jibdlu d-dehra tal-istazzjon minħabba li ma tantx kellu xandiriet. L-Awtorità ħadet lura l-liċenzja mingħand dan l-istazzjon nhar is-7 ta' Diċembru 2009.
F'Lulju tal-2009, l-Att dwar ix-Xandir inbidel biex jiżdiedu regoli iktar dettaljati għall-għoti tal-liċenzji għas-servizzi tar-radju u tat-televiżjoni li jxandru bis-satellita. U fl-2010, għall-ewwel darba, l-Awtorità ħarġet l-ewwel liċenzja għax-xandiriet bis-satellita lill-kumpanija Belġjana "Icon Europe". Il-liċenzja ngħatat għal għadd ta' stazzjonijiet tat-televiżjoni tas-satellita li jxandru programmi bit-tema (sittax-il stazzjon fosthom stazzjon tat-telexiri) maħsuba għall-komunità li titkellem bit-Tork fl-Asja Ċentrali, fl-Ewropa Ċentrali u fl-Ewropa tal-Lvant.
Ix-xandiriet ta' prova tal-ewwel pjattaforma tar-radju diġitali bdew nhar l-1 ta' Lulju 2008 u fl-1 ta' Ottubru tal-istess sena, l-Awtorità ħarġet liċenzja tax-xandir għal erba' snin lil DigiB Networks Ltd li diġà kienet kisbet liċenzja mingħand l-Awtorità tal-Komunikazzjoni Maltija għal xi frekwenzi tax-xandir bir-radju. Il-pjattaforma bdiet ixxandar mill-ġdid għadd ta' stazzjonijiet tar-radju barranin flimkien ma' xandira diretta ta' kważi l-istazzjonijiet tar-radju lokali kollha. Sal-aħħar tas-sena, l-ewwel stazzjon tar-radju tal-komunità, Christian Light Radio, kien kiseb ukoll liċenzja mingħand l-Awtorità biex ixandar direttament fuq din il-pjattaforma DAB+.
Nhar l-1 ta' Mejju 2004, Malta saret pajjiż Membru tal-Unjoni Ewropea. Dak iż-żmien Malta kienet qed timxi bis-sħiħ mad-Direttiva Televiżjoni Mingħajr Fruntieri tal-Unjoni Ewropea. L-għan ta' din id-Direttiva kien il-ħarsien tas-swieq lokali għall-industrija tax-xandir tal-ewwel Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. Biss, minħabba ż-żieda tal-għaxar Stati Membri l-ġodda fl-2004, l-Unjoni Ewropea malajr fehmet li kellha tibdel id-Direttiva Televiżjoni Mingħajr Fruntieri. Minflok ma bdiet timbotta għal kwalità tal-programmi aħjar bir-regolamenti, id-Direttiva l-ġdida – id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva – imbuttat għal programmi ta' kwalità billi neħħiet xi regolamenti tax-xandir (ngħidu aħna, setgħu jintwerew xi prodotti b'għan kummerċjali fil-programmi) u għalhekk il-programmi Ewropej setgħu jkunu iktar kompetittivi fis-suq internazzjonali.
Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva tal-Unjoni Ewropea (Direttiva 2007/65/KE) daħlet fis-seħħ uffiċjalment nhar il-11 ta' Diċembru 2007 u kellha tiddaħħal fil-liġi tal-Istati Membri sal-15 ta' Diċembru 2009. Il-proċess tal-implimentazzjoni tad-direttiva AVMS beda fl-20 ta' Novembru 2007 b'konferenza għall-persuni interessati bl-isem ta' The New Media Landscape: Audiovisual Media Services Without Frontiers, imtella' mill-Forum Malti fl-Ewropa flimkien ma' TAIEX u l-Uffiċċju tal-Istampa tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura. Nhar it-3 ta' Settembru tal-2008, il-Ministru responsabbli mix-xandir ħatar Grupp ta' Ħidma dwar id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva u ħareġ dokument għall-konsultazzjoni fuq kif id-Direttiva għandha tiddaħħal fil-liġi ta' Malta. Il-Grupp ta' Ħidma temm xogħlu nhar is-26 ta' Jannar 2009 u bagħat ir-rapport tiegħu lill-Ministru responsabbli. Nhar l-4 ta' Ġunju 2010, id-Direttiva AVMS iddaħħlet fl-Att dwar ix-Xandir, Kap. 350 tal-Liġijiet ta' Malta b'Att IV tal-2010 u bl-Avviżi Legali 320-326.
Fi Frar tal-2009, il-Ministru tal-Infrastruttura, it-Trasport u l-Komunikazzjoni flimkien mal-Awtorità tax-Xandir u l-Awtorità tal-Komunikazzjoni Maltija nieda Dokument bil-Politika u l-Istrateġija għax-Xandir Diġitali li jolqot l-Għanijiet tal-Interess Ġenerali u li kien ifisser il-bidliet mistennija fil-bidla mix-xandir analogue għax-xandir diġitali. Twaqqfet pjattaforma diġitali ġdida għall-istazzjonijiet li jxandru bla ħlas u ngħataw liċenzji tax-xorta multiplex lix-xandar tal-istat, ċoè PBS Ltd bħala l-operatur ta' din il-pjattaforma diġitali li kienet se xxandar sa sitt stazzjonijiet fosthom TVM u Education 22 li meqjusa li huma de facto stazzjonijiet li jilħqu l-għan li jxandru programmi għall-interess ġenerali tal-pubbliku. Nhar il-21 ta' Ġunju 2011, fil-Gazzetta tal-Gvern ħareġ Avviż Legali 240 tal-2011 li kien fih il-kriterji li għandhom jidħlu fis-seħħ meta jiġu biex jintgħażlu s-servizzi tat-televiżjoni li jilħqu l-għan li jxandru programmi għall-interess ġenerali tal-pubbliku fuq il-pjattaforma diġitali li xxandar bla ħlas. Is-sinjal analogue intefa nhar il-31 ta' Ottubru 2011.
Il-Ħamsin Anniversarju mit-Twaqqif tal-Awtorità fl-2011

Dis-sena nfakkru l-50 sena anniversarju tal-Awtorità tax-Xandir li twaqqfet nhar id-29 ta' Settembru 1961, meta l-Ordinanza tax-Xandir, Ordinanza XX tal-1961, iddaħħlet fis-seħħ mill-Ammiral Sir Guy Grantham. L-Awtorità tax-Xandir Maltija, kif kienet magħrufa dak iż-żmien, ħadet post il-Bord tax-Xandir tal-Gvern u fl-1964, l-Awtorità nbidlet f'awtorità Kostituzzjonali u biddlet isimha għall-Awtorità tax-Xandir.
Kien iż-żmien ta' qabel l-Indipendenza. Is-servizzi tar-radju kienu ilhom ixandru mill-1935, mit-twaqqif tal-kumpanija Broadcast Relay (Service) Malta Ltd li fl-1955 bidlet isimha għal Rediffusion Malta Ltd. Mit-28 ta' Settembru 1961 'il quddiem, dil-kumpanija kellha wkoll id-dmir li tniedi kull xorta ta' servizz ta' xandir ġdid, fosthom it-televiżjoni. Tant hu hekk li l-ewwel xandiriet tat-televiżjoni bdew sena wara t-twaqqif tal-Awtorità tax-Xandir Maltija.
Mill-bidu nett tagħha, l-għan ewlieni tal-Awtorità tax-Xandir kien li tirregola x-xandir biex tiżgura l-imparzjalità u l-bilanċ fix-xandiriet tal-ħoss u tat-televiżjoni. Fl-1964, wara l-Indipendenza, l-Awtorità ngħatat l-awtonomija tagħha grazzi għal Artikli 118 u 119 tal-Kostituzzjoni ta' Malta.
F'Settembru tal-1990, ħarġet White Paper bil-proposti għal qafas regolatorju ġdid biex jiddaħħal il-pluraliżmu fix-xandir tas-servizzi tar-radju u tat-televiżjoni f'Malta. Abbozz tal-Att dwar ix-Xandir tressaq quddiem il-Parlament nhar it-8 ta' Marzu 1991. L-att il-ġdid għadda mill-Parlament wara 22 seduta u daħal fis-seħħ nhar l-1 ta' Ġunju tal-1991. L-Ordinanza tax-Xandir tal-1961, li kienet il-liġi tax-xandir għat-30 sena ta' qabel, tneħħiet u minflokha daħal l-Att dwar ix-Xandir tal-1991 li ta bidu għall-pluraliżmu fix-xandir.