Dwar l-Awtorità tax-Xandir

L-Awtorità tax-Xandir twaqqfet fl-1961 bil-għan li żżomm għajnejha fuq u tirregola x-xandiriet tar-Radju u tat-Televiżjoni mxandra mill-gżejjer Maltin. L-Awtorità hija entità indipendenti mwaqqfa bil-liġi u magħmula minn Chairman u erba' membri oħra maħtura mill-President ta' Malta, skont il-parir tal-Prim Ministru wara konsultazzjoni mal-Mexxej tal-Oppożizzjoni.

L-Awtorità tax-Xandir iżżomm għajnejha fuq l-istazzjonijiet tax-xandir lokali kollha u tara li qed jaqdu d-dmirijiet legali, li jkollhom il-liċenzji kollha meħtieġa u li juru l-imparzjalità meħtieġa, kemm fejn jidħlu l-kontroversji politiċi u industrijali kif ukoll fejn tidħol il-politika pubblika tal-jum. L-Awtorità għandha tiżgura wkoll li l-partiti politiċi differenti jingħataw aċċess xieraq biex isemmgħu leħinhom fuq ix-xandir. L-Awtorità tax-Xandir tiżgura li s-servizzi tax-xandir lokali jkunu magħmula minn xandiriet pubbliċi, privati u xandiriet tal-komunità bi programmi varjati u li jolqtu kemm jista' jkun suġġetti biex ikunu addattati għall-interessi u l-gosti ta' kulħadd.

L-għan tal-Awtorità tax-Xandir hu tirregola s-servizzi tax-xandir lokali b'modi flessibbli ħalli jrawmu l-kreattività u programmi ta' kwalità aħjar u jgħinu lill-pubbliku Malti jifhem aħjar kif il-valuri komuni u d-differenzi tiegħu jinsġu l-karattru uniku tiegħu.