TVM - Malta Eurovision Song Contest 2026 - 17 ta' Jannar 2026

Deċiżjoni għal ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS dwar reklami li xxandru waqt il-Malta Eurovision Song Contest 2026 nhar is-17 ta’ Jannar 2026

 

Il-Bord kellu quddiemu lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS, ibbażat fuq reklami li xxandru waqt il-Malta Eurovision Song Contest 2026 nhar is-17 ta’ Jannar 2026. 

Is-smigħ ta’ dan l-ilment ġie skedat għal nhar il-21 ta’ Jannar 2026 fejn dehru Dr Michael Piccinino bħala editur u rappreżentant legali għall-Partit Nazzjonalista, flimkien ma’ Dr David Bonello, avukat u s-Sur Hertain Cachia, student tal-liġi. Għal PBS dehru l-Inġ. Keith Chetcuti bħala Kap Eżekuttiv, l-Inġ. Charles Dalli bħala editur, assistiti minn Dr Mark Vassallo, avukat. 

Dr Michael Piccinino qal li l-Partit Nazzjonalista qed jilmenta li fost reklami oħra li joħorġu fuq il-PBS, kien hemm wieħed partikolari. Dr Piccinino qara traskrizzjoni ta’ dan ir-reklam li jibda “Gvern li jżomm kelmtu...”. Kompla li matul it-30 sekonda li kien ilu għaddej dan ir-reklam, ma tingħata ebda informazzjoni dwar x’qed jagħmel il-Gvern jew kif qed iżomm kelmtu l-Gvern. Dr Michael Piccinino saħaq li jekk il-Gvern żammx kelmtu hija diskussjoni politika u mhux informazzjoni. Qal li jekk fuq stazzjon pubbliku jkollok statements assoluti fejn jinġiebu anzjani u żgħażagħ, u fejn evidentement qed titwassal promozzjoni politika, dan ikun reklam politiku. 

Dr Michael Piccinino tenna li dan imur lil ‘hinn mill-parametri ta’ reklam u li dan jikkonfermah il-kontenut tax-xandira. Semma wkoll in-numru ta’ drabi li dan ir-reklam ixxandar u li qal li dan ixxandar b’mod regolari. Skont hu, il-Malta Eurovision Song Contest 2026 rawh madwar 300,000 ruħ u allura madwar 4 jew 5 darbiet, ċioè s-segwitu kien ferm ogħla.

Dr Mark Vassallo wieġeb li dan kien reklam ta’ madwar 19-il sekonda li ħareġ xi 9 darbiet fuq medda ta’ tlett ijiem. Qal li din iċ-ċirkostanza ma għandhiex x’taqsam mal-ispots tal-baġit li jdumu jiġu mxandra għal medda ta’ żmien; iżda fl-istess waqt spjega wkoll li bħall-budget spots, dawn huma public service announcements ukoll. 

Qal li l-PBS għandu obbligu jxandar public service announcements bħala milestones li jikkonċernaw il-wegħdiet elettorali u dan skont il-liċenzja tal-Gvern. Qal ukoll li r-reklam jagħti wkoll kuntest u semma diversi eżempji. 

Dr Michael Piccinino rribatta li obbligu li jixxandar public service announcement huwa biss meta l-istess reklam ikun wieħed legali. Semma li l-kliem fir-reklam kienu “Gvern li żamm kelmtu” u li din hija xi ħaġa selettiva meta l-wegħdiet elettorali mwettqa biss jiġu mxandra. Għalhekk, il-kunċett ta’ milestones, jitkellem biss dwar wegħdiet elettorali mwettqa u jinjora dawk li m’humiex. 

Dr Mark Vassallo qal li Artiklu 21A tal-Kap.350, jagħti dritt lil terzi sabiex jagħmel ilment u li hu qed jassumi li l-ilment qed jirreferi għal-Artiklu 13(2)(f) li jirreferi għall-ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrijali li għandhom x’jaqsmu ma’public policy kurrenti u kompla li f’dan il-każ m’hawnx ħwejjeġ ta’ kontroversja politika. 

Dr Michael Piccinino innega dan u qal li hija kontroversja għax il-Gvern ma jżommx kelmtu, allura teżisti l-kontroversja. 

Dr Mark Vassallo kompla li huwa d-dritt tal-Gvern li jżomm il-Poplu nfurmat. Ikkonkluda li ma jistax jifhem għaliex sar dan l-ilment meta l-istazzjon wettaq l-obbligu tiegħu. Staqsa jekk xi ħadd tgħaddilux minn moħħu l-kelma “kontroversja politika jew industrijali”.

Dr Michael Piccinino qal li l-intenzjoni tar-reklam ma kienx li jikkumplimenta lill-Gvern u li dan ixxandar tliet darbiet waqt viewership li hu altru minn dak viewership regolari. Dwar il-public service announcements, Dr Michael Piccinino qal li dan mhux dritt assolut u li l-editur xorta obbligat jara li r-reklam huwa legali; anke meta mibgħut mill-gvern. Dr Michael Piccinino qal li mhux minnu li għax hemm obbligu ma jridx isir skrutinju u li anzi, huwa obbligu tal-editur li jiskrutinja kwalunkwe kontenut. Dwar il-kontroversja qal li din teżisti tassew, tant li Manoel Island għadu mhux park nazzjonali kif imwiegħed. Skont hu, jekk il-Gvern iżommx kelmtu jew le hija xi ħaġa suġġettiva. Ikkonkluda li “inwettqu għalik” hija slogan jew buzzword politika matul żmien li ma kienx hemm skeda politika. Semma li f’każ li jintlaqa’ l-ilment, għall-fini ta’ rimedju wieħed irid jikkunsidra li saru 9 reklami ta’ 19 -il sekonda ‘l wieħed li jammontaw għal 171 sekonda fejn il-viewership kien ferm ogħla b’madwar 6 darbiet iżjed mill-viewership regolari. 

Meta l-partijiet ħallew is-smigħ, il-Bord għadda sabiex janalizza s-sottomissjonijiet hekk kif imressqa minnhom. 

Il-Bord ma jqisx li r-reklam li dwaru sar l-ilment jilħaq grad li jimmerita li jintlaqa’ dan l-ilment. 

 

Smigħ 1_26 Ilment 5

Ref.: 02/26

2 ta’ Frar 2026