Deċiżjoni għal ilment imressaq minn Dr Michael Piccinino kontra ONE dwar dritt ta’ risposta rigward rapport fl-aħbarijiet ta’ ONE News tat-18 ta’ Diċembru 2025
Il-Bord kellu quddiemu lment imressaq personalment minn Dr Michael Piccinino kontra ONE dwar dritt ta’ risposta kif imxandra fuq ONE News nhar it-18 ta’ Diċembru 2025.
Minħabba li l-Bord ma kienx kostitwit, is-smigħ ta’ dan l-ilment ġie skedat 21 ta’ Jannar 2026 fejn dehru Dr Michael Piccinino u s-Sur Hertian Cachia, student tal-liġi. Għal ONE deher is-Sur Josef Caruana bħala l-Kap tal-Aħbarijiet ta’ ONE.
Matul is-smigħ, Dr Michael Piccinino spjega li fit-18 ta’ Diċembru 2025, ONE News tellgħu storja “Piccinino jieħu job fl-istamperija ....” u ssemma wkoll li se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni u affarijiet interni tal-partit. Qal li dan intiż sabiex iwassal messaġġ li jgħid li qed jieħu l-paga għax ta sapport lil Dr Alex Borg.
Dr Michael Piccinino qal li kien wieġeb li hu ilu reġistrat bħala Kap ta’ NET Media u kien għalhekk li qed jieħu salarju. Qal li l-liġi titkellem bl-iżjed mod ċar dwar kif għandha tiġi rappurtata right of reply u ċioè biex jiġi mwieġeb dak magħdud fuq persuna. Qal li l-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 titkellem fuq drittijiet ta’ risposta u li hija liġi mhux gwida. Qal li f’każ li l-istazzjon ikun irid jikkumenta jagħmel dan wara li jkun qara t-test sħiħ tar-risposta. Qal ukoll li l-prinċipju li tiġi mxandra r-risposta fl-ewwel parti tar-rapport huwa l-obbligu legali u kummenti oħra jsiru wara biex ma jippreġudikawx lis-semmiegħ. Qara wkoll ir-rapport li xxandar fuq ONE News fid-19 ta’ Diċembru 2025 u spjega li dak imxandar kien fattwalment skorrett u wkoll irrilevanti. Kompla li l-istazzjon ma kkonferma qatt li huwa l-editur reġistrat mad-DOI, mal-Kummissarju tal-Pulizija u mal-entitajiet li wieħed irid jirreġistra magħhom għaliex qal li fattwalment huwa reġistrat ma’ dawn l-entitatjiet fosthom id-DOI.
Dr Michael Piccinino qal ukoll li r-rapport sar ukoll wara telefonata li saret lilu u li minkejja dan, xorta waħda r-rapport ta’ ONE ma kienx fattwali ma’ dak li ġie diskuss. Qal li l-liġi tistabbilixxi kif trid tixxandar dritt ta’ risposta u li importanti ħafna li jkun sar wara li tkun inqrat ir-risposta mibgħuta. Qal li ONE News irraporta l-istorja imħallta bil-kummenti fil-bidu tar-rapport u ma rrapurtax id-dritt ta’ risposta fil-bidu tar-rapport. Kompla li l-intenzjoni tal-leġislatur hija li jkun hemm risposta u jekk irid, l-istazzjon jista’ jgħaddi kumment wara. Apparti hekk Dr Michael Piccinino għamel referenza għall-intenzjoni. Qal li din ma toħroġx mill-liġi iżda tajjeb li wieħed jinnotaha.
Is-Sur Josef Caruana wieġeb li meta rċieva r-risposta għokritu għajnejh u li ma dehrlux li Dr Piccinino kien reġistrat bħala editur. Qal li iżda madanakollu d-dritt ta’ risposta ma ġiex imċaħħad. Biss spjega li permezz tat-telefon huwa kien staqsa fuq il-ħlas tiegħu fejn Dr Michael Piccinino qal li mhux imħallas bħala editur. Qal ukoll li ma jistax jifhem għaliex l-ordni tagħmel daqstant importanza. Qal li fil-fatt ONE News irrapurtaw id-dritt ta’ risposta fil-bulettin tad-19 ta’ Diċembru kelma b’kelma u għaldaqstant iħoss li l-liġi ma nkisret fl-ebda ħin.
Dr Michael Piccinino nsista li l-ordni ta’ kif tixxandar dritt ta’ risposta hija skont il-liġi u li mhux hekk biss, anke l-kummenti u r-rapporti huma obbligati jimxu ma’ dak li huwa veritier.
Is-Sur Josef Caruana wieġeb li skont l-informazzjoni li ngħataw ma teżisti ebda pożizzjoni bħala editur ta’ NET Media.
Wara li l-partijiet ħallew is-smigħ, il-Bord għadda sabiex jiddiskuti s-sottomissjonijiet imressqa.
Il-Bord irrefera għat-test tal-liġi li huwa ċar dwar is-sekwenza ta’ kif għandha tiġi mxandra risposta. Għalhekk il-Bord qed jilqa’ dan l-ilment u a tenur ta’ Art.41(7) ta’ Kap.350, jordna l-qari ta’ dan is-sunt fi żmien jumejn mid-data ta’ din id-deċiżjoni matul il-bulettin tal-aħbarijiet:
“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir laqa’ lment imressaq minn Dr Michael Piccinino kontra ONE dwar xandira tad-19 ta’ Diċembru 2025, matul liema xandira l-Bord iħoss li minkejja li r-risposta ta’ Dr Piccinino ġiet moqrija fit-totalità tagħha u testwalment kif mitlub minnu, din ixxandret wara kummenti tal-editur kontra dak li jitlob b’mod mandatorju rekwiżit fir-regolamenti dwar id-dritt ta’ risposta. Minħabba t-trapass taż-żmien li l-Bord ma kellux kontroll fuqu u minħabba li d-dritt ta’ risposta diġà ġiet moqrija testwalment l-għada, il-Bord ordna biss il-qari ta’ dan is-sunt”.
Smigħ 1_26 Ilment 4
Ref.: 29/25
2 ta’ Frar 2026