Deċiżjoni rigward ilment imressaq mill-Onor. Deputat Toni Bezzina kontra l-aħbarijiet ta’ ONE, minħabba nuqqas ta’ rappurtaġġ dwar il-konklużjoni tal-investigazzjoni mill-Kummissarju tal-istandards fil-konfront tal-Perit Bezzina
Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu lment imressaq mill-Onor. Deputat Toni Bezzina kontra ONE dwar in-nuqqas ta’ xandir tad-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Istandards fir-rigward tal-akkużi fil-konfront tal-lanjant li ma kienx qed jimxi mar-regoli tal-kuntratt tal-impjieg tiegħu fis-settur pubbliku.
Dr Michael Piccinino, bħala r-rapprezentant legali tal-lanjant, kiteb li ONE News kien xandar diversi allegazzjonijiet dwar l-Onor. Deputat Toni Bezzina u dan b’rabta ma’ investigazzjoni li kien qed jagħmel il-Kummissarju tal-Istandards. Fl-email li bagħat lill-istazzjon fis-7 ta’ Ġunju 2025, hu qal li l-lanjant kien diġà talab lill-istazzjon ixandar dritt tar-risposta hekk kif mibgħut nhar il-21 ta’ Jannar 2025, iżda l-istazzjon naqas milli jagħmel dan. Qal ukoll li ġaladarba l-allegazzjonijiet ġew mistħarrġa mill-Kummissarju tal-Istandards u la ħareġ rapport dwar dan, il-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE kienet dovuta tinforma lill-pubbliku bl-eżitu tal-kwistjoni, iżda naqset milli tagħmel hekk. Qal ukoll li hu kien bagħat tfakkira nhar il-11 ta’ Ġunju 2025.
Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir organizza s-smigħ għal nhar it-3 ta’ Lulju 2025 li għalih attendew l-Onor. Deputat Toni Bezzina assistit minn Dr Michael Piccinino u Dr Ramona Attard bħala rappreżentanta legali ta’ ONE flimkien mas-Sur Josef Caruana, editur ta’ ONE.
Dr Ramona Attard infurmat lill-Bord li taf dwar in-natura tal-ilment u n-nuqqas ta’ rappurtaġġ sar bi żvista. Qalet li m’hix se tikkontesta l-punt dwar nuqqas ta’ rappurtaġġ u li ma tafx kienx hemm korrispondenza minn qabel u jekk hemmx rikjesta biex isir rimedju. Qalet li minkejja li l-aħbarijiet ta’ NET TV imxew bl-istess mod dwar il-każ tal-Onor. Carmelo Abela li ma rrapurtawx ir-riżultat tal-investigazzjoni, kompliet li mhix se tidħol f’dan il-mertu fir-rigward ta’ dan il-każ.
Dr Michael Piccinino wieġeb li hu bagħat email fis-7 ta’ Ġunju 2025 u tfakkira fil-11 ta’ Ġunju 2025 u ta eżempji tal-allegazzjonijiet imxandra mill-istazzjon fuq il-lanjant.
Dr Ramona Attard baqgħet issostni li dan kien bi żvista u li l-ilment kien fuq nuqqas ta’ rappurtaġġ. Qalet li l-istazzjon lest jirrimedja.
Wara li l-partijiet ħallew is-seduta, l-Bord tal-Awtorità tax-Xandir iddiskuta dan il-ilment u rrikonoxxa li l-istazzjon kien irreġistra ammissjoni.
Għalhekk il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir qed tordna lill-istazzjon ONE sabiex mhux aktar tard minn jumejn mid-data ta’ din id-deċiżjoni, ixandar rappurtaġġ dwar l-eżitu tad-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-istandards, wara allegazzjonijiet fil-konfront tal-Onor. Deputat Toni Bezzina. Inoltre l-Bord tal-Awtorità tax-Xandir qed jordna li jinqara s-sunt li jmiss qabel ir-rappurtaġġ tagħha entro jumejn mid-data ta’ din id-deċiżjoni:
“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir laqa’ ilment imressaq mill-Onor. Deputat Toni Bezzina kontra ONE, datat 7 ta’ Ġunju 2025. L-ilment kien jirrigwarda nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-konklużjonijiet tal-Kummisarju tal-Istandards wara l-investigazzjoni tal-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu. Il-Bord ħa konjizzjoni li l-investigazzjoni kienet irrappurtata fuq ONE, ħa nota ukoll tal-fatt illi l-konklużjonijiet ma ġewx rappurtati u qed jordna li jiġu rappurtati mill-istazzjon ONE sa mhux aktar tard minn jumejn mid-data ta’ din id-deċiżjoni.”
Smigħ 5_25
Ref.: 4/25
8 ta’ Lulju 2025