Media Release 26/07
Akkuża fir-rigward tal-Programm “Xarabank” fuq TVM
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Esekuttiv dwar il-programm “Xarabank” li xxandar fuq TVM fis-27 t’April, 2007.
F’din l-akkuża ġie allegat li f’dan il-programm kien hemm ksur tal-paragrafi 4, 9, 24 u 25 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
L-Awtorità nnotat illi f’dan il-programm il-preżentatur ma tax l-istess importanza għall-attivitajiet kulturali kollha li saret referenza għalihom. L-Awtorità nnutat ukoll illi fil-każ tal-kunċert ta’ Olivia Lewis, il-preżentatur mar ferm lil hinn minn dak li huwa aċċettabbli fit-tħabbira ta’ attivitaċ kulturali. Fil-fatt, l-Awtorità minn dejjem inkoraġġit lill-producers ta’ progammi li jħabbru attivitajiet ta’ natura kulturali fil-mezzi tax-xandir. Iżda fil-każ ta’ dan il-kunċert il-preżentatur nqeda bil-programm Xarabank biex ikun jistaċ jagħti bosta reklami b’ħabi lil dan il-kunċert li l-kumpanija Where’s Everybody kellha rabta miegħu u dan kollu sar mingħajr ebda forma ta’ separazzjoni bejn il-kontenut editorjali u dak reklamatorju. Terġaċ n-numru tat-telefon minfejn setgħu jinxtraw il-biljetti li kien qed jidher fuq l-iscreen tat-televiżjoni waqt il-programm Xarabank kien tal-Where’s Everybody stess, numru li fil-fatt deher anke aktar minn darba, u li mhix prassi tas-soltu li jaddotta l-programm Xarabank peress li s-soltu, skond il-proċedura, meta l-preżentatur kważi fl-aħħarnett tal-programm jippermetti lill-organizzaturi ta’ avvenimenti kulturali jħabbruha, rari li jidher n-numru tat-telefon minfejn ikunu jistgħu jinxtraw il-biljetti fil-każ ta’ dawk l-attivitajiet kulturali. Jidher għalhekk li kien hemm inkonsistenza voluta mill-kumpanija Where’s Everybody intiża biss biex tipprovdi numru ta’ reklami b’xejn lill-attività kummerċjali li l-istess kumpanija kellha interess fiha u dan b’kuntrarju għall-attivitajiet kulturali l-oħra li tħabbru fl-aħħar tal-programm. Terġa’ f’dan il-programm il-ħin ta’ tnax-il minuta permess mil-liġi ta’ reklamar f’siegħa orarja ma ġiex rispettat.
Għal dawn ir-raġunijiet, l-Awtorità ddeċidiet li waqt il-programm Xarabank tas-27 t’April, 2007 kien hemm nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-kontenut editorjali tal-programm u r-reklami kummerċjali u li kien hemm ukoll reklamar b’ħabi peress il-varji reklami tal-kunċert ta’ Olivia Lewis ma xxandrux fil-batch tar-reklami iżda waqt il-programm innifsu.
Wara li l-Awtorità rat l-artikolu 41 tal-Att dwar ix-Xandir, il-paragrafi 4 u 9 tal-Att u l-Ħames Skeda tal-Att dwar ix-Xandir u kkonstatat ukoll li l-programmi Xarabank instab diversi drabi oħra fil-passat li kiser l-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità iddeċidiet li timponi penali amministrattiva fl-ammont ta’ sitt mitt Lira Maltija (LM600), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar. L-Awtorità idderiġiet lill-istazzjon TVM biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin prinċipali ta’ l-aħbarijiet ta’ TVM.
Mario Axiak 20 ta’ Ġunju, 2007
Kap Komunikazzjoni u Riċerka
Awtorita’ tax-Xandir