Stqarrija għall-Istampa
9 ta’ Novembru 2020
PR 16/20
L-Awtorità tax-Xandir toffri sponsor għat-30 Edizzjoni tal-Malta Journalism Awards
Waqt ċerimonja qasira li saret fl-uffiċċini tal-Awtorità tax-Xandir dalgħodu, is-Sur Nigel Mifsud Segretarju Ġenerali tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, iltaqa’ maċ-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir is-Sur Frank V. Farrugia, biex jirċievi sponsor bħala parti mit-30 Edizzjoni tal-Malta Journalism Awards ta’ din is-sena. Dan seħħ wara diskussjonijiet li l-Awtorità tax-Xandir kellha anki b’mod virtwali f’dawn l-aħħar xhur mal-uffiċjali tal-IĠM fejn fost l-oħrajn ġie diskuss il-kontribut u l-appoġġ tal-Awtorità f’dan ir-rigward għal dawn l-aħħar 18-il sena. Iċ-Chairman tal-Awtorità, is-Sur Frank V. Farrugia, saħaq dwar l-importanza tal-ġurnaliżmu u l-isponsor jgħin b’mod tanġibbli biex jintlaħaq dan il-għan, filwaqt li enfasizza l-importanza għal taħriġ kontinwu biex itejjeb il-livell u jintlaħqu standards għoljin u professjonali. Is-Sur Farrugia rrefera għaż-żminijiet li qed ngħixu fihom bħalissa u kemm hu importanti li jiġu rappurtati aħbarijiet fattwali, filwaqt li awgura kull suċċess lill-IĠM fil-ħidma tagħhom kif ukoll għas-serata tal-Premjazzjoni.
Is-Sur Nigel Mifsud, Segretarju Ġenerali tal-IĠM, qal li l-Awtorità kienet ta’ spalla għal dawn l-Awards li ilhom isiru 30 sena u rringrazzja lill-Awtorità li reġgħet uriet l-appoġġ. Is-Sur Mifsud saħaq kemm hu importanti mhux biss li jkun rikonoxxut ix-xogħol tal-ġurnalisti iżda kif kien diġà diskuss mal-Awtorità jeħtieġ l-investiment fil-kwalità tal-ġurnaliżmu f’Malta. Żied li din is-sena kien hemm rappreżentanza mill-Media Houses kollha u rekord ta’ sottomissjonijiet u dan juri r-rieda tal-ġurnalisti. Is-Sur Mifsud qal li għalhekk bil-kollaborazzjoni tal-Awtorità tax-Xandir ikunu jistgħu jiġu żviluppati aspetti edukattivi għall-ġurnalisti biex jibqa’ jitjieb il-livell tal-ġurnaliżmu f’Malta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Joanna Spiteri qalet li l-Awtorità tagħraf l-impenn u r-rikonoxximent tal-ġurnalisti u dan huwa parti mill-isponsor li l-Awtorità tagħti lill-IĠM iżda ma tridx tieqaf hemm u għalhekk l-Awtorità se tkun qed toffri taħriġ għaliex il-ġurnaliżmu mhux biss importanti f’soċjetà demokratika, imma wkoll importanti li jkun hemm professjonalità mhux biss fir-rigward ta’ kwalità iżda minħabba li l-Awtorità għandha l-obbligu lejn it-telespettatur u trid tara li min ikun qed joffri s-servizz ta’ ġurnaliżmu jrid jipprovdi xogħol tajjeb lil min ikun qed isegwih.
The event was streamed live and is available online: https://www.facebook.com/BroadcastingAuthorityMalta


