Ċirkulari 12/20
Lill-istazzjonijiet kollha tar-Radju
Xogħlijiet fuq it-Torri tal-Għargħur
L-Awtorità tixtieq tavża li nhar l-Erbgħa 4 ta’ Novembru 2020, ser tkun qed tagħmel xi xogħol ta’ manutenzjoni fuq it-Torri tal-Għargħur u għaldaqstant xi servizzi ser ikollhom interruzzjonijiet jew ikun hemm qtugħ fit-trażmissjoni tar-radju.
Biex tnaqqas l-impatt għal dan ix-xogħol, filwaqt li tissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħha, l-Awtorità beħsiebha tuża l-antenni ta’ riserva li hemm imwaħħla f’partijiet oħra fuq dan l-istess Torri b’valuri ta’ trażmissjoni inqas. Minħabba f’hekk il-firxa tas-sinjal tat-trażmissjoni madwar Malta u Għawdex jaf jintlaħaq inqas. Dan l-intervent għandu r-riskji tiegħu u allura jista’ jkun hemm ċirkustanzi fejn it-trażmissjonijiet mit-Torri jkollhom jintfew kompletament għal perjodu qasir waqt il-manutenzjoni.
Dan il-pjan ta’ manutenzjoni ser inaqqas is-saħħa tas-sinjal tat-trażmissjoni għall-ħabta tan-12:30 u jerġa’ jiġi kollox lura għan-normal fl-16:00. Nixtiequ navżawkom li l-aħjar li jkun hemm preżenti l-persuni tekniċi tagħkom ġewwa l-Għargħur f’12:00, sabiex isiru t-tibdiliet neċessarji ladarba jkollna l-ordni min-naħa tal-ħaddiema tagħna.
Filwaqt li nirringrazzjawkom tal-kooperazzjoni tagħkom, nixtiequ ngħarrfukom li din il-manutenzjoni ser issir sabiex nassiguraw kontinwità vijabbli għas-snin li ġejjin tat-Torri tal-Għargħur. Napprezzaw ukoll li tinfurmaw lill-produtturi u preżentaturi tagħkom biex ikunu mgħarrfa b’dan u hekk is-semmiegħa tagħkom ikunu wkoll infurmati.