Ċirkulari 02/22
Ċirkulari lill-istazzjonijiet tar-radju
Xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq it-Torri tal-Għargħur
Minħabba xogħlijiet urġenti ta’ manutenzjoni fuq it-Torri tal-Għargħur, l-Awtorità tixtieq tavża li nhar it-Tnejn 17 ta’ Jannar 2022 u nhar l-Erbgħa 19 ta’ Jannar 2022 ser ikunu qed isiru dawn ix-xogħlijiet jekk it-temp jippermetti. Għaldaqstant xi servizzi ser ikollhom interruzzjonijiet jew ikun hemm qtugħ fit-trażmissjoni tar-radju.
Biex tnaqqas l-impatt għal dan ix-xogħol, filwaqt li tħares is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħha, l-Awtorità se tkun qed tuża l-antenna ta’ riżerva biex il-qtugħ fit-trażmissjoni tkun mill-inqas. Iżda jista’ jkun hemm waqtiet fejn it-trażmissjonijiet mit-Torri jkollhom jintfew kompletament għal perjodu qasir waqt il-manutenzjoni.
Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni ser isiru nhar it-Tnejn 17 ta’ Jannar 2022 bejn id-09:00 u l-12:00 u nhar l-Erbgħa 19 ta’ Jannar 2022 bejn l-12:00 u l-16:00. Nixtiequ navżawkom li l-aħjar li jkun hemm preżenti l-persuni tekniċi tagħkom fis-sit tal-Għargħur fit-08:30, sabiex isiru l-arranġamenti meħtieġa qabel ma jibda jsir dan ix-xogħol ta’ manutenzjoni.
Filwaqt li nirringrazzjawkom tal-kooperazzjoni tagħkom, nixtiequ ngħarrfukom li din il-manutenzjoni ser issir sabiex nassiguraw titjib fuq l-istat tat-Torri tal-Għargħur. Nitolbukom sabiex tgħarrfu lill-produtturi u lill-preżentaturi tagħkom biex ikunu mgħarrfa b’dan u hekk jinfurmaw lis-semmiegħa tagħhom ukoll.
Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
14 ta’ Jannar 2022
Ref : 15/61