Stqarrija għall-Istampa
Nru. 01/19
Spazju ġdid fuq ir-radju għall-kandidati għall-Parlament Ewropew
Bil-ħsieb li l-kandidati kollha ikollhom aktar opportunitajiet biex jikkomunikaw il-messaġġ tagħhom lill-elettorat, l-Awtorità tax-Xandir, bis-saħħa ta’ Paragrafu 1 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, ħadet l-inizjattiva li, għall-ewwel darba f’elezzjoni, tawtorizza l-istazzjonijiet tar-radju nazzjonali jagħtu spazju lill-kandidati li se jikkontestaw għall-Parlament Ewropew, billi jilqgħu minn għandhom talbiet għal reklamar bi ħlas ta’ laqgħat ta’ informazzjoni li jkunu ser itellgħu jew jorganizzaw.
Din l-iskema tibda bi prova mill-1 ta’ Frar 2019 u tispiċċa fit-28 ta’ Frar. Wara tmiem l-ewwel xahar l-Awtorità se tkun qed tikkunsidra t-tiġdid tal-iskema skont il-każ. Din l-iskema se tkun qed titħaddem b’ċerti kundizzjonijiet ta’ garanzija u trasparenza li ġew ikkomunikati bħala Direttiva lill-istazzjonijiet tar-radju nazzjonali kollha.
F’kumment, l-Awtorità stqarret li “Iktar ma’ l-iskema, bil-kollaborazzjoni ta’ kulħadd, titħaddem tajjeb, hemm aktar possibilità li tiġġedded għax-xhur ta’ wara. Abbużi u immanuvrar strateġiku, fost oħrajn, li jimminaw l-iskop u l-ispirtu ta’ din l-inizjattiva, ċertament ma jgħinux”.
Dawk il-kandidati interessati, għandhom jikkomunikaw direttament ma’ l-istazzjon jew stazzjonijiet fejn jixtiequ jippromwovu l-l-laqgħat ta’ informazzjoni tagħhom. Id-dettalji ta’ l-iskema huma wkoll disponibbli pubblikament fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tax-Xandir.
28 ta’ Jannar 2019