Media Release 40/08
Akkuża fir-rigward tal-Programm “Ħadd Għalik”
L- Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programm Ħadd Għalik li xxandar fuq TVM fit-30 ta’ Diċembru, 2007.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir minħabba reklamar b’ħabi tal-prodotti ta’ ditta partikolari fir-rokna ta’ l-ikel.
Wara li l-Awtorita' semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon u rat il-filmat relattiv, hija kkonkludiet li kien hemm reklamar b’ingann u nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-parti informattiva u l-parti reklamatorja meta deher l-isem ta’ ditta partikolari fl-isfond ta’ l-istampa.
Wara li rat l-artikolu 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir u l-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-istess Att, sabet li kien hemm ksur ta’ l-Att dwar ix-Xandir, iżda peress li din kienet l-ewwel darba li nstab li kien hemm ksur f’dan il-programm, l-Awtorita' ddeċidiet li għandha twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward tal-Aħbarijiet ta’ TVM
L- Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar item ta’ l-aħbarijiet li xxandar fuq TVM fit-23 ta’ Marzu, 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li semgħet il-partijiet u rat il-video tal-programm in kwistjoni, l-Awtorità sabet li meta l-kelliem ta’ kumpanija partikolari li tbiegħ il-propjeta’ kien uża l-kelma “aħna”, kien identifika l-kumpanija tieghu bħala l-kumpanija lokali responsabbli għall-offerti vantaġġużi. Dan apparti l-fatt li l-istess kelliem kien identifikat bħala chairman tal-kumpanija in kwistjoni meta ttellgħet caption b’dawn id-dettalji.
Għalhekk, l-Awtorità sabet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u wara li rat l-artiklu 41 tal-Ħames Skeda u l-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità ddeċidiet li timponi penali amministrattiva fl-ammont ta’ elf, mija u erbgħa w sittin Ewro (€1,164), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar.
L-Awtorita' ddiriġiet lill-istazzjon biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin prinċipali ta’ l-aħbarijiet ta’ TVM mhux aktar tard minn nhar il-Erbgħa, 30 ta’ April, 2008.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “Flimkien”
L- Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programmi Flimkien li xxandru fuq TVM fil-11 u fit-12 ta’ Marzu, 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafi 4, 9, 13, 25, 31, 34, 43 u 44 tat-Tielet Skeda dwar l-Att dwar ix-Xandir u ċirkolarijiet 20/05 u 42/07 dwar sponsorship.
Wara li semgħet il-partijiet u rat il-filmat, l-Awtorità sabet li kien hemm ksur tal-liġi peress li xxandru l-ismijiet ta’ l-isponsors barra l-ħin preskritt, ma ngħatawx il-prezzijiet tal-sms’s, kien hemm nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-partijiet reklamatorji u dawk informattivi, ingħata indikazzjoni waqt it-telebejgħ ta’ fejn jinsabu x-showrooms bil-prodotti, kien hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-cooling off period, saru referenzi għall-ħwienet fejn dehru prodotti mingħajr prezzijiet u ġie eċċedut l-ammont ta’ reklamar li hu permess f’siegħa orarja.
Wara li semgħet il-partijiet u rat il-filmat, l-Awtorità sabet li kien hemm ksur tal-liġi u peress li din ma kinitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ ksur simili f’dan il-programm, u wara li rat l-artikolu 41 u l-paragrafi 4, 9, 13, 25, 31, 34, 43 u 44 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorita’ ddeċidiet li timponi penali amministrattiva fl-ammont ta’ elf, mija u erbgħa w sittin Ewro (€1,164), ekwivalenti għal ħames mitt Lira Maltija (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar.
L-Awtorita' qed tidderiġi lill-istazzjon biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin prinċipali ta’ l-aħbarijiet sa mhux aktar tard minn nhar il-Erbgħa, 30 ta’ April 2008.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “Teletubi”
L- Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programmi Teletubi li xxandru fuq One TV fit-30 ta’ Marzu u fis-6 ta’ April, 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur ta’ l-artikolu 13 (2)(a) ta’ l-Att dwar ix-Xandir fiż-żewġ programmi, u fil-programm tat- 30 ta’ Marzu, 2008, ksur ukoll tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir u paragrafu 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika ta’ l-2007 dwar il-Prezzijiet tat-Telefonati u sms’s fuq il-Mezzi tax-Xandir.
L-Awtorità sabet li fiż-żewġ programmi intuża lingwaġġ baxx u vulgari u l-Awtorità kienet tal-fehma li għalkemm il-programmi kienu satiriċi ma setgħetx taċċetta din il-kwalità ta’ lingwaġġ li kien jaqbez kull limitu. L-Awtorita’ nnutat li din is-sena stess dan il-programm ġa’ nstab ħati ta’ akkuża simili iżda xorta ma kkonformax mal-liġi.
L-Awtorità għalhekk sabet l-istazzjon ħati ta’ l-akkużi miġjuba kontrih u ddeċidiet li timponi penali amministrattiva fl-ammont ta’ elf, mija u erbgħa w sittin Ewro (€1,164), ekwivalenti għal ħames mitt Lira Maltija (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar.
L-Awtorita' ddiriġiet lill-istazzjon biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin prinċipali ta’ l-aħbarijiet ta’ One TV mhux aktar tard minn nhar il-Erbgħa, 30 ta’ April, 2008.
Akkuża fir-rigward tal-Programm Teleshopping: Model Elegance
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programm Teleshopping: Model Elegance li xxandar fuq One TV fl-4 ta’ April, 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafi 34, 43 u 44 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir peress li ngħataw l-indirizzi u l-ħinijiet tal-ftuħ taż-żewġ ħwienet ta’ Modern & Elegance u ma ngħatax id-dritt tal-cooling off period.
Wara li rat il-filmat tal-programm u l-paragrafi 34, 43 u 44 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità sabet li kien hemm ksur tar-regolamenti, iżda peress li din kienet l-ewwel darba li dan il-programm instab ħati, l-Awtorità ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “B’Xortik Ma’ Robert”
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “B’Xortik Ma’ Robert” li xxandar fuq One TV fl-1 ta’ April, 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafi 4, 9, 13, 25, 31, 34, 40, 41 u 44 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, tal-paragrafi 3.2 u 10.1 (iii) tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika ta’ l-2007 dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir u taċ-Ċirkolari 57/07 dwar Nuqqas ta’ Separazzjoni u Reklamar b’Ħabi.
Wara li semgħet il-Kap Eżekuttiv u rat il-filmat tal-programm, l-Awtorità sabet li kien hemm nuqqas ta’ separazzjoni bejn l-element informattiv, reklamar li eċċeda l-ammont stabbilit f’siegħa orarja, reklamar li ma sarx fi breaks stabbiliti, telebejgħ li kien twil anqas minn 15-il minuta, nuqqas ta’ prezzijiet u cooling-off period, offerta diretta mhux ċara u fukar żejjed fuq il-premjijiet.
L-Awtorità kkonstatat ukoll li r-regolamenti kienu jistipulaw illi l-premju li jingħata kellu jkun wieħed sħih u li l-promozzjoni tal-ktieb tat-tisjir kellu jitqies bħala reklamr b’ħabi.
Għalhekk, wara li qiset l-akkuża miġjuba kontra l-istazzjon, l-Awtorità kkonkludiet illi din ġiet ippruvata, iżda peress li din kienet l-ewwel darba li dan il-programm instab ħati ta’ ksur ta’ l-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità ddeċidiet li għandha twiddeb l-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward ta’ iTV
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programmi li xxandru fit-3, 5 u 7 ta’ Marzu, 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li waqt it-trasmissjonijiet bejn is-7.00 a.m. u s-7.00 p.m. fil-ġranet imsemmija, l-istazzjon kiser il-paragrafi 31 u 34 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, peress li waqt it-telebejgħ intwerew l-oġġetti fil-ħanut u ngħatat indikazzjoni ta’ fejn jinstab l-istabbiliment u ma saritx distinzjoni bejn ir-regolamenti li japplikaw għar-reklamar kummerċjali u dawk tat- telebejgħ.
Wara li semgħet lill-Kap Eżekuttiv u l-istazzjon u rat il-video tal-programm, l-Awtorità rriżultalha li l-istazzjon ma kienx għamel offerta diretta u wara li rat l-artiklu 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir u l-paragrafu 31 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità ddeċidiet li timponi penali amministrattiva fl-ammont ta’ elf, mija u erbgħa w sittin Ewro (€1,164), ekwivalenti għal ħames mitt Lira Maltija (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar.
Mario Axiak M.B.A.
Kap Riċerka u Komunikazzjoni 2 9 ta’ April 2008
Awtorita’ tax-Xandir