Min Aħna

Dr Joanna Spiteri

Dr Joanna Spiteri, B.A. Hons. (Communication Studies), M.A., Ph.D - Kap Eżekuttiv

Fl-1998 is-Sinjura Joanna Spiteri kisbet il-lawrja B.A. (Hons) fl-Istudji fil-Komunikazzjoni mill-Università ta' Malta. It-teżi tagħha kienet titħaddet dwar il-bidliet li l-ġurnaliżmu stampat Malti ra mis-snin 80 'il quddiem. Wara li kisbet l-ewwel lawrja tagħha, ħadmet bħala ġurnalista mal-kamra tal-aħbarijiet ta' Public Broadcasting Services Ltd fejn tellgħet għadd ta' rappurtaġġi lokali u barranin għar-radju u għat-televiżjoni. Kienet tieħu ħsieb ukoll ir-rappurtaġġi tas-seduti tal-Parlament. Matul is-sentejn li għamlet taħdem ma' PBS Ltd, ippreżentat u tellgħet programmi dwar il-ġrajjiet kurrenti fuq TVM u Radju Malta. Tnejn minn dawn il-programmi rebħu l-Premjijiet tal-Programmi tal-Awtorità tax-Xandir. Matul dawk is-sentejn, tellgħet u ppreżentat sensiela ta' programmi dwar il-ħidmiet tal-għaqdiet volontarji u t-tagħlim tal-adulti fuq Channel 12. Fl-1999 ingħaqdet mal-Awtorità tax-Xandir bħala Supervisor fid-Dipartiment tal-Monitoraġġ tal-Programmi. Hi u taħdem f'dax-xogħol, studjat biex kisbet il-lawrja tal-Master's fl-Arti mill-Università ta' Malta. Kitbet it-teżi tagħha dwar kif l-aħbarijiet jitħaddtu dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-ġens. Il-ħidma tagħha fil-kwistjonijiet marbuta mal-ġens wasslet biex l-Awtorità ħatritha bħala Chairperson tal-Kumitat tal-Ugwaljanza tal-Awtorità tax-Xandir biex titkellem f'isem il-post tax-xogħol tagħha mal-Kummissjoni tal-Promozzjoni tal-Ugwaljanza. Fl-2004 fasslet il-Linji Gwida għall-Ugwaljanza tal-Ġens u għall-Wiri tal-Ġens fix-Xandir tal-Awtorità tax-Xandir. Tat sehemha f'għadd ta' proġetti marbuta mal-kwistjoni tal-ġens fix-xandir fosthom billi tellgħet f'Malta proġett tal-UE bl-isem ta' "Portraying Politics: a Toolkit on Gender and Television" u mexxiet lill-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir biex jgħinu lil Dr Brenda Murphy, il-koordinatur nazzjonali, fil-proġett Global Media Monitoring Project. Fl-2001 ħadet sehem f'taħriġ imtella' minn RTÉ, id-dipartiment tal-aħbarijiet tax-Xandir Pubbliku Irlandiż. Dax-xogħol joħroġ mir-riċerka tagħha fuq il-kwistjonijiet marbuta mal-aħbarijiet u l-ġens.

Kompliet l-istudji tagħha għal Dottorat ġewwa l-Università ta' Stirling, l-Iskozja. Hemm studjat l-imparzjalità fl-aħbarijiet b'rabta mas-sitwazzjoni tax-xandir tat-televiżjoni ġewwa Malta, ir-rwol tax-xandar pubbliku u r-rwol tal-Awtorità tax-Xandir biex tinħoloq atmosfera imparzjali fejn jidħol ix-xandir tat-televiżjoni.

 

lura