Proċedura Dwar l-Ilmenti

Proċedura dwar l-ilmenti 

1.0      L-Awtorità tax-Xandir u l-Bord

1.1      L-Awtorità tax-Xandir hija Awtorità Kostituzzjonali ffurmata skont Art. 118 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u skont Kapitolu 350 tal-liġijiet ta’ Malta.

1.2      Kull min iħoss li għandu jilmenta dwar xandira fuq stazzjon partikolari għandu jikkonforma mal-L.S. 350.06 u jilmenta quddiem il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir.

 

2.0      It-tħaddim tal-Proċedura

Lil min jiġi ndirizzat ilment

2.1      Il-lanjant (min jilmenta) għandu jindirizza l-ilment tiegħu lix-xandar fuq l-indirizz uffiċjali li jinsab fuq is-sit tal-Awtorità tax-Xandir u jżomm lill-Bord tal-Awtorità kkupjat fuq complaints.ba@ba.org.mt jew jibgħat ittra fl-indirizz postali tal-Awtorità tax-Xandir. 

2.2      Ix-xandar għandu l-obbligu li jaġġorna dan l-indirizz jekk ikun mibdul u għaldaqstant l-Awtorità tax-Xandir tqis kwalunkwe komunikazzjoni elettronika riċevuta minnha fejn ikun hemm inkluż l-indirizz elenkat, bħala riċevuta minnu. Fil-każ ta’ ittri, il-lanjant għandu jaċċerta li dawn jintbagħtu b’posta reġistrata. 

2.3      Huwa d-dmir tax-xandar li jkollu l-indirizz elettroniku aġġornat u faċilment aċċessibbli fuq il-mezzi tiegħu, tali indirizz għandu jiġi kkomunikat fi żmien ta’ mhux iżjed minn jumejn meta mibdul.

 

3.0      Tweġiba tal-ilment

3.1      Ix-xandar għandu d-dritt iwieġeb ilment fi żmien 3 ijiem minn meta jirċevih. 

3.2      Jekk il-lanjant iħoss li għandu jkompli jindirizza l-ilment wara li jirċievi r-risposta, għandu sa massimu ta’ 15-il jum mid-data li fiha jkun irċieva r-risposta tax-xandar jew minn meta jingħata r-rimedju għal dak l-ilment biex jagħmel dan. 

3.3      F’każ li x-xandar ma jweġibx għall-komunikat tal-lanjant, dan għandu 18-il jum minn meta jkun għamel l-ilment max-xandar sabiex jitlob lill-Bord tal-Awtorità tax-Xandir jorganizza smigħ pubbliku. F’dan l-istadju l-ilment jiġi meqjus bħala lment uffiċjali.

4.0      Skedar ta’ smigħ ta’ lment

4.1      Is-Segretarju tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, wara li jkun ikkonsulta mal-Bord, jgħarraf lill-partijiet (il-lanjant u x-xandar) bid-data u ħin tas-seduta. 

4.2      Fi żmien 72 siegħa, minn din l-istedina, sakemm mhux ordnat mod ieħor mill-Bord, il-partijiet għandhom jibagħtu kwalunkwe dokumenti li jixtiequ jirreferu għalihom matul is-smigħ, lista ta’ kelliema tal-fatti li jeħtieġu sa massimu ta’ 3 persuni, kif ukoll kwalunkwe punti preliminari. Din l-informazzjoni għandha tintbagħat fuq complaints.ba@ba.org.mt jew tiġi mwassla fl-indirizz tal-Awtorità tax-Xandir, indirizzata lis-Segretarju tal-Bord. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Bord ma jilqax dokumenti[1] matul is-smigħ, ma jismax kelliema tal-fatti rilevanti u ma jikkunsidrax punti preliminari mhux imressqa jew li jkunu differenti minn dawk imressqa. 

4.3      Is-seduta tinżamm strettament fid-data kkomunikata lill-partijiet. 

4.4      Il-komunikazzjoni għandha tintbagħat permezz ta’ email kif ukoll permezz ta’ ittra li titqassam bl-idejn lix-xandar. Stante li l-lanjant ikun ressaq l-ilment permezz ta’ email, il-Bord jassumi li d-dettalji tas-smigħ jistgħu jiġu notifikati fuq l-istess indirizz. 

 

5.0      Talbiet ta’ differiment

5.1      Il-Bord jista’ jilqa’ talba għal differiment tas-smigħ f’każi eċċezzjonali u dan isir biss darba għal kull parti. Il-Bord jista’ wkoll jistaqsi għall-prova ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li ma jistgħux jirrigwardjaw nuqqas ta’ disponibbiltà tal-persuna li takkumpanja jew tirrapreżenta lil xi parti. 

5.2      Il-Bord jagħmel ħiltu sabiex jaċċerta li s-seduti jinstemgħu sa mhux aktar minn 30 jum mill-ilment uffiċjali u ma għandux jintlaqa’ l-ebda differiment jekk ma jkunx possibbli għall-Bord li jakkomoda smigħ matul il-perjodu msemmi.

5.3      Rikjesti għall-kunsiderazzjoni tad-differiment jiġu aċċettati biss jekk l-istess rikjesti jaslu għand l-Awtorità tax-Xandir sa 48 siegħa qabel is-smigħ għajr għal każijiet eċċezzjonali li dwarhom il-Bord jista’ jitlob kjarifika. Il-Bord mhux obbligat li jilqa’ ftehim bejn il-partijiet għal differiment.

 

6.0      Karatteristiċi ta’ seduti tas-smigħ

6.1      Lanjant u/jew xandar jista’ jiġi akkumpanjat jew rappreżentat minn persuna oħra tal-fiduċja tiegħu nkluż avukat.

6.2      Is-smigħ tal-ilmenti tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir taħt il-Liġi Sussidjarja 350.06, huma pubbliċi, iżda l-lanjant u/jew ix-xandar għandhom id-dritt jitolbu smigħ privat f’każijiet meta ma jkunx fl-interess tal-każ mismugħ li d-dettalji tal-istess isiru fil-pubbliku. Talbiet simili jridu jkunu ben motivati sabiex jintlaqgħu mill-Bord. Dawn it-talbiet għandhom jintbagħtu fi żmien 72 siegħa minn meta jittressaq l-ilment uffiċjali u jinkludu l-informazzjoni bħad-dokumenti, kelliema tal-fatti u punti preliminari.

6.3      Il-partijiet għandhom jaċċertaw li jattendu fil-ħin u lebsin ilbies xieraq. 

6.4      Persuni oħra (apparti dawk imsemmija f’punt 6.1) li jattendu għall-ilment iridu jidentifikaw ruħhom mas-Segretarju tal-Bord u jridu jipproduċu dokument tal-identità (karta tal-identità, liċenzja jew passaport) validu sabiex jitħallew isegwu s-smigħ.

6.5      Is-smigħ jinstema’ xorta jekk ir-rappreżentant tax-xandar ma jkunx attenda fil-ħin stipulat jew jekk iħalli s-smigħ qabel jintemm. L-ilment jiġi skartat jekk il-lanjant ma jattendix is-smigħ fil-ħin. 

6.6      Il-ħin ta’ stennija sabiex jibda smigħ jekk xi parti ma tkunx preżenti fil-ħin appuntat ikun ta’ 10 minuti mis-sejħa tas-seduta.

6.7      Il-Bord jippermetti kemm smigħ kif ukoll xhieda online meta rikjesta, dejjem għal raġuni valida. Madankollu, kwalunkwe diffikultajiet tekniċi ma jimpedux lill-Bord milli jsegwi l-proċedura skont il-paragrafu ta’ qabel dan.

 

7.0      L-andament tas-seduta tas-smigħ

7.1      Iċ-Chairman jiftaħ is-smigħ billi jistieden lil-lanjant jagħti introduzzjoni qasira ta’ mhux aktar minn 3 minuti, li fiha l-lanjant jispjega n-natura tal-ilment. 

7.2      Din tkun segwita mir-risposta qasira ta’ mhux aktar minn 3 minuti, tax-xandar. 

7.3      Wara li l-Bord jisma’ lil persuna waħda minn kull parti, jgħaddi sabiex jistedinhom iressqu dawk il-kelliema tal-fatti riferiti sa 72 siegħa mill-ilment uffiċjali, fl-istess ordni. Ir-responsabbiltà li jittressqu x-xhieda indikati mill-partijiet, hija tal-istess parti, li għandhom javżawhom bid-data u ħin u jistednuhom jattendu s-smigħ sabiex jagħtu l-fatti li huma jafu bihom fuq il-mertu tal-każ. 

7.4      Is-smigħ jagħlaq bis-sottomissjonijiet finali minn persuna waħda minn kull parti li ma għandhomx ikunu ta’ aktar minn 10 minuti għal kull parti u meta jinħass il-bżonn b’domandi li l-membri tal-Bord jistgħu jagħmlu lil kwalunkwe parti. 

7.5      Il-Bord jista’ jisma’ sottomissjonijiet għal ħin itwal, kif ukoll jordna li s-smigħ ikompli f’seduta oħra. 

7.6      Il-proċedura tas-smigħ tal-ilmenti ma tippermettix verbalizzar mill-partijiet. 

7.7      Membri tal-pubbliku jew persuni oħra li jakkumpanjaw lill-partijiet u li ma jkunux mistiedna jindirizzaw lill-Bord, ma jitħallewx jidħlu għas-smigħ jekk dan ikun diġà beda filwaqt li ma jistgħux jgħaddu kummenti dwar dak li jkun qed jingħad. 

7.8      Iċ-Chairman jista’ jistieden lil kwalunkwe persuna sabiex toħroġ mis-smigħ f’każ ta’ nuqqas ta’ bon ordni, interruzzjonijiet jew f’każ ta’ lbies mhux diċenti.

7.9      L-ilment għandu jiġi deċiż f’seduta waħda. Huwa biss f’każi eċċezzjonali u meta biss permess mill-Bord li s-smigħ jitkompla f’seduta oħra. Madankollu l-Bord ma għandu qatt jippermetti aktar minn 2 seduti sabiex jingħalaq smigħ.

7.10    Il-Bord jista’ jordna lil kwalunkwe parti sabiex sussegwentement għal xi xhieda li tkun ingħatat, tressaq stqarrija ġuramentata ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ xi kelliem tal-fatti. F’dak il-każ, il-kopja oriġinali tal-istqarrija ġuramentata għandha tittieħed fiżikament lill-Awtorità tax-Xandir fi żmien 3 ijiem minn meta rikjesta. Fin-nuqqas ta’ dan il-Bord jiskarta dak kollu li jkun xehed fuqu dak il-kelliem.

7.11    Wara li jintemm is-smigħ u li jallontanaw il-partijiet, il-Bord jgħaddi sabiex jiddiskuti l-ilment u jiddeċiedi dwaru. Id-deċiżjoni għandha tiġi mibgħuta lill-partijiet u tittella’ fuq is-sit tal-Awtorità fi żmien mhux iżjed tard minn 15-il jum mill-aħħar seduta.

7.12    Reġistrazzjoni tas-smigħ mhux permessibbli.

 

8.0      Smigħ urġenti

8.1      Il-proċedura tas-smigħ ma tapplikax għal smigħ urġenti. 

8.2      Matul perjodu ta’ direttiva jew meta l-lanjant iħoss li l-ilment għandu jinstema’ b’mod urġenti, għandha tiġi indikata b’mod ċara l-urġenza fis-suġġett tal-email jew l-ittra. 

8.3      Jekk il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir jilqa’ l-urġenza, jista’ jiddispensa mir-risposta tax-xandar jew jistabbilixxi perjodu iqsar għall-istess. 

8.4      F’każ ta’ ilment urġenti, ma jiġux milqugħa rikjesti għal differiment.

8.5      F’dawn il-każi, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir għandha tkun ippubblikata fi żmien ta’ mhux iktar minn 5 ijiem ta’ xogħol minn meta tingħata.

 

9.0      Liġi Sussidjarja 350.07

9.1      Din il-proċedura ma tapplikax għall-akkużi maħruġa ai termini tal-L.S.350.07 għajr meta l-ilment ikun assistit bl-akkuża skont Art. 4 tal-L.S.350.07. 

9.2      F’dan il-każ il-Kap Eżekuttiv jew ir-rappreżentant tiegħu jitkellem wara l-lanjant u qabel ix-xandar, filwaqt li kwalunkwe dokumenti jew xhieda, dawn iridu jiġu notifikati lill-partijiet skont il-proċedura.

April, 2026


 


[1] Dokumenti “tinkludi filmati, ritratti, screenshots u informazzjoni diġitali”