Akkużi

Stqarrija Nru: 67/08

 

Akkuża fir-Rigward tal-Programm “Puss in Boots” fuq TVM

L-Awtorità kellha quddiema akkuża li l-programm Puss in Boots ta’ l-1 ta’ Ottubru, 2008, kiser il-paragrafi 13 u 20(c) tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, peress li kien hemm promozzjoni ta’ l-isponsor permezz ta’ caption u reklamar ieħor li xxandar wara anqas minn 20 minuta ta’ kontenut.

Wara li l-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon, l-Awtorità sabet li l-programm kien ta’ nofs siegħa u li r-regola rigward l-20 minuta ma kellhiex tapplika u għalhekk l-Awtorità dehrilha li ma kellhiex tipproċedi bil-każ.

 

Akkuża fir-Rigward tal-Programm “Ħajja” fuq TVM

L-Awtorità kellha quddiema akkuża li l-programm Ħajja tat-2 ta’ Ottubru, 2008, kiser il-paragrafi 13 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir kif interpretat permezz ta’ ċirkulari 20/05 u sussegwentament ċirkulari 42/07 dwar sponsorship, peress li ħarġet caption reklamatorja qabel 20 minuta ta’ kontenut.

Wara li l-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon, l-Awtorità sabet li l-programm kien ta’ nofs siegħa u li r-regola rigward l-20 minuta ma kellhiex tapplika u għalhekk l-Awtorità dehrilha li ma kellhiex tipproċedi bil-każ.

 

Akkuża fir-Rigward tal-Programm “Klinika” fuq TVM

L-Awtorità kellha quddiema akkuża li l-programm Klinika ta’ l-1 ta’ Ottubru, 2008, kiser il-paragrafu 20(c) tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir peress li ngħataw credits eċċessivi.

Wara li l-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon, l-Awtorità sabet li l-credits ma kienux eċċessivi u għalhekk l-Awtorità dehrilha li ma kellhiex tipproċedi bil-każ.

 

Akkużi fir-Rigward it-Teleshopping fil-Programm “12.05” fuq TVM

L-Awtorità kellha quddiema żewġ akkużi rigward il-programmi 12.05 tat-3 u tal-21 ta’ Ottubru, 2008, dwar ksur tal-paragrafu 31 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir u fil-każ tal-programm tal-21 t’Ottubru, 2008, tal-paragrafi 34 u 43 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir u paragrafu 2 tal-Kodiċi tax-Xandir dwar l-Użu Tajjeb tal-Ilsien Malti fil-Mezzi tax-Xandir, peress li ma ngħatatx offerta diretta, kien hemm reklamar tal-istabbiliment, ma ngħatawx il-prezzijiet tal-ħwejjeġ offruti u saru żbalji fl-ortografija.

Wara li l-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon, hija sabet li l-akkużi ġew ippruvati u peress li din kienet l-ewwel darba li l-programm instab ħati ta’ dan il-ksur, l-Awtorità ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jkunx hemm ripetizzjoni.

 

Akkuża fir-Rigward tal-Programm “Paqpaq” fuq TVM

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li l-programm Paqpaq tas-6 t’Ottubru, 2008 kiser il-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir peress li sar reklamar b’ħabi ta’ Gordon’s Motor Dealer u ta’ Yacht Atlantis 54.

Wara li l-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon, l-Awtorità sabet li l-akkuża ma kinitx ġustifikata u ddeċidiet li ma kellhiex tipproċedi bil-każ. 

 

Akkuża fir-Rigward tal-Programm “Għal Kulħadd” fuq TVM

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li l-programmi Għal Kulħadd tal-5 u tad-19 ta’ Ottubru, 2008, kisru l-paragrafi 4, 9 u 20(c) tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, u fil-każ tal-programm tal-5 ta’ Ottubru, 2008, il-paragrafu 2 tal-Kodiċi tax-Xandir dwar l-Użu Tajjeb tal-Ilsien Malti fil-Mezzi tax-Xandir, peress li ngħataw l-indirizzi ta’ ditti kummerċjali, sar reklamar b’ħabi u dehru żbalji ortografiċi.

Wara li l-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon, hija sabet li l-liġi kienet inkissret, iżda peress li din kienet l-ewwel darba li l-programm instab ħati ta’ ksur tal-liġi, l-Awtorità ddeċidiet li għandha twiddeb lill-istazzjon biex dan il-ksur ma jirrepetix ruhu.

 

Akkuża fir-Rigward tal-Promozzjoni għall-Programm

 “Charles, John u Bilħaqq Janice” fuq TVM

 

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li l-filmat promozzjonali tal-programm Charles, John u Bilhaqq Janice tad- 29 ta’ Settembru, 2008, kiser il-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir peress li dehret tabella bl-isem ta’ ħanut.

Wara li l-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon u rat video tas-silta promozzjonali, l-Awtorità dehrilha li t-tabella kienet inċidentali u ddeċidiet li ma kienx hemm każ.

 

Mario Axiak                                                                                                                                                              5 ta’ Diċembru, 2008

Kap Riċerka u Komunikazzjoni

Awtorità tax-Xandir