Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti

Stqarrija għall-Istampa 57/08

 

L-Awtorita' tax-Xandir flimkien mal-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti ħatru Kumitat li se jkun ippresedut minn Dr Ray Fabri u li se jkollu bħala membri lil Dr Charles Briffa, lis-Sur Trevor Zahra u lis-Sur Charles Flores. Is-Segretarju tal-Kumitat se jkun is-Sur Jean Pierre Caligari.

It-termini ta’ referenza, kif approvati mill-Awtorita' u mill-Kunsill Nazzjonali, huma dawn li ġejjin:

1. Jidentifika l-problemi fl-użu tal-Malti f’sezzjonijiet differenti tax-xandir u jissuġġerixxi miżuri kif dawn jistgħu jiġu megħluba fi żmien qasir li ma jiħux aktar minn erba’ xhur. Eżempji ta’ problemi tipiċi huma l-kitba fl-iscrolls, il-pronunzja, u l-użu tan-numri. B’’sezzjoniijiet’ għandu jinftiehem, pereżempju, is-sezzjoni tal-ħabbara/preżentaturi, tal-qarrejja tal-aħbarijiet, tal-ġurnalisti, tal-grafiċi, tad-dj’s, u tal-aġenziji tar-riklamar. 

2. Jixpruna lill-kumitati tekniċi tal-Kunsill biex jaġġornaw iż-żewġ dokumenti tal-Linji Gwida li jittrattaw l-ismijiet tal-ibliet u l-irħula, u t-terminoloġija tal-informatika sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru, 2008.

3. Jidentifika u jikkuntattja korpi li jistgħu jkunu ta’ għajnuna professjonali u finanzjarja fit-twettiq ta’ dawn il-miżuri.

4. Jitkellem ma’ rappreżentanti mill-qasam tal-mużika biex isib modi kif il-mużika bil-Malti tkun aktar preżenti fix-xandir.

5. Jitkellem ma’ rappreżentanti mill-aġenziji tar-reklami biex jiżgura li jkun hemm konsistenza fl-użu tal-Malti fir-reklamar.

6. Jagħmel elenku tar-riżorsi li jistgħu jgħinu lix-xandara jħaddmu l-Malti tajjeb (eż. lista ta’ kotba u kitbiet).

7. Jelenka problemi oħra li s-soluzzjoni tagħhom tista’ tieħu fit-tul; pereżempju jesplora x’jista’ jsir biex studenti fid-Dipartiment tal-Komunikazzjoni fl-Università jkollhom preparazzjoni tajba fl-użu tal-ilsien Malti, u diskussjoni dwar kif għandu jinbidel il-Kodiċi tax-Xandir dwar l-Użu Tajjeb tal-Ilsien Malti.

Filwaqt li l-Awtorita’ u l-Kunsill Nazzjonali jirringrazzjaw lill-President u l-Membri ta’ dan il-Kumitat, huma jawgurawlhom ħidma fejjieda fl-interess ta’ l-użu tajjeb ta’ l-ilsien Malti fil-mezzi tax-xandir.

 

Mario Axiak B.A. (Hons.),M.B.A.                                                                                                                                   14 t’Awwissu 2008

Kap Komunikazzjoni u Riċerka                                                                                                                                     Ref 73/01

Awtorita' tax-Xandir