Media Release: 51/07
Akkuża fir-rigward ta’ Deal or No Deal fuq TVM
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar il-programm "Deal or No Deal" li xxandar fuq TVM fit-8 t'Ottubru, 2007.
Fl-akkuża ġie allegat li għall-ħabta tas-18.50 ixxandar reklam għall-Fair Play Bingo u dan bi ksur tal-paragrafu 5.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta' Reklamar u Direttivi ta' l-2007 dwar Reklamar dwar Logħob ta' l-Azzard fuq is-Servizzi tax-Xandir.
Wara li l-Awtorità rat ir-reklam u semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonkludiet li l-akkuża ġiet ippruvata. Peress li din kienet l-ewwel darba li sar ksur tal-paragrafu 5.1 hawn fuq imsemmi, l-Awtorità ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkużi fir-rigward tal-Programm "Xarabank" fuq TVM
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar il-programmi "Xarabank" li xxandru fuq TVM fit-12 u d-19 t'Ottubru, 2007.
Fl-akkuża ġie allegat li f'dawn il-programmi kien hemm ksur tal-paragrafi 4, 9 u 13 tat-Tielet Skeda ta' l-Att dwar ix-Xandir kif ukoll tal-paragrafu 4.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika ta' l-2007 dwar it-Tmexxija ta' Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta' Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir.
Wara li l-Awtorità rat iż-żewġ filmati u semgħet kemm il-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon hija kkonkludiet li fiż-żewġ programmi l-oġġett li kien ser jingħata bħala premju deher ferm aktar minn sebà sekondi u fl-ebda ħin ma setà jingħad li dak l-istess oġġett deher b'mod inċidentali.
Għalhekk l-Awtorità ddeċidiet li timponi penali amministrattiva fl-ammont ta' ħames mitt Lira Maltija (Lm500) fil-każ taż-żewġ akkużi u dan wara li rat l-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir u l-paragrafi 4.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika ta' l-2007 dwar it-Tmexxija ta' Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta' Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir. Din il-penali għandha titħallas fi żmien xahar.
L-Awtorità ordnat li sunt ta' din id-deċiżjoni tinqara fil-bulettin prinċipali ta' l-aħbarijiet ta' TVM mhux aktar tard minn nhar is-Sibt 17 ta' Novembru, 2007.
Akkuża fir-rigward tal-Programm "Tele Tubi" fuq One TV
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar il-programm "Tele Tubi" li xxandar fuq One TV fit-28 t'Ottubru 2007.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur ta' l-artikolu 13(2)(a) ta' l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorità rat il-filmat relattiv u semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon hija kkonkludiet li l-akkuża ġiet ippruvata u li b'mod ġenerali l-programm ma kienx addattat għat-tfal. Għalhekk wara li l-Awtorità kkonsidrat li din kienet l-ewwel darba li dan il-programm instab ħati tad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija, hija ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward tar-reklam "Fair Play Bingo" fuq One TV
L-Awtorià kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar ir-reklam Fair Play Bingo ta' l-10 t'Ottubru, 2007 fuq One TV.
Fl-akkuża ġie allegat li f'dan il-programm kien hemm ksur tal-paragrafu 5.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta' Reklamr u Direttivi ta' l-2007 dwar Reklamar dwar Logħob ta' l-Ażżard fuq is-Servizzi tax-Xandir.
Wara li l-Awtorità rat ir-reklam relattiv u semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon hija kkonkludiet li l-akkuża ġiet ippruvata. Peress li din kienet l-ewwel darba li sar tali ksur l-Awtorità iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward ta’ reklam ta' "Fair Play Bingo" fuq Radju Super Radio
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar ir-reklam tal-Fair Play Bingo tat-22 t'Ottubru, 2007 fuq Radju Super One.
Fl-akkuża ġie allegat li f'dan il-programm kien hemm ksur tal-paragrafu 5.2 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta' Reklamar u Direttivi ta' l-2007 dwar Reklamar dwar Logħob ta' l-Azzard fuq is-Servizzi tax-Xandir.
L-Awtorità nnutat illi l-istazzjon minkejja li kien debitament notifikat naqas li jidher għas-seduta. Wara li l-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u rat ir-reklam in kwistjoni hija kkonkludiet li l-akkuża ġiet ippruvata. Peress li din kienet l-ewwel darba li sar ksur ta' l-imsemmija Ħtiġijiet, l-Awtorità ddeċidiet li twiddbeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward tal-Programm "Bonġu" fuq TVM
L-Awtorià kellha quddiemha akkuża tal-programm "Bonġu" li xxandar fuq TVM fis-17 t'Ottubru, 2007.
Fl-akkuża ġie allegat li għall-ħabta ta' l-9.55a.m. ixxandar reklam għall-Fair Play Bingo u dan bi ksur tal-paragrafu 5.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta' Reklamr u Direttivi ta' l-2007 dwar Reklamar dwar Logħob ta' l-Ażżard fuq is-Servizzi tax-Xandir.
Wara li l-Awtorità rat ir-reklam relattiv u semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon hija kkonkludiet li l-akkuża ġiet ippruvata. Peress li din kienet l-ewwel darba li sar tali ksur l-Awtorità iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “Sellili” fuq NET TV
L-Awtorita’ kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar il-programm "Sellili" tad-9 t'Ottubru, 2007 fuq NET TV.
Fl-akkuża ġie allegat li f'dan il-programm kien hemm ksur tal-paragrafu 5.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta' Reklamar u Direttivi ta' l-2007 dwar Reklamar dwar Logħob ta' l-Azzard fuq is-Servizzi tax-Xandir.
Wara li l-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon u rat ir-reklam in kwistjoni hija kkonkludiet li l-akkuża ġiet approvata. Peress li din kienet l-ewwel darba li sar ksur ta' l-imsemmija Ħtiġijiet, l-Awtorità ddeċidiet li twiddbeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Mario Axiak M.B.A 15 ta' Ottubru, 2007
Kap, Komunikazzjoni u Riċerka Ref: 65/01, 63/01, 64/01