PBS Ltd. vs Awtorita' tax-Xandir

Media Release 49/07

 

PBS Ltd. vs Awtorita' tax-Xandir


Fis-26 ta’ Ġunju 2002 il-Kap Eżekuttiv ta’ l-Awtorita' tax-Xandir akkuża lil TVM bi ksur tad-direttiva biex jixxandru spots tal-Partit Laburista bħala rimedju għall-ispots imxandra mill-Malta-EU Information Centre (M.I.C.) peress li TVM kien naqas li jxandar dawk l-ispots tal-Partit Laburista.

Wara li l-Awtorita' semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon, hija sabet lill-kumpanija PBS Ltd. ħatja ta’ l-akkuża u mponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ tlett elef Lira Maltija. Il-PBS Ltd. ħallset dik il-penali iżda bdiet proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-impożizzjoni ta’ dik il-penali.

Permezz ta’ sentenza mogħtija fid-29 t’April 2005, PBS Ltd tilfet il-kawża bl-ispejjeż kontra tagħha. PBS Ltd. appellat minn din is-sentenza u lbieraħ instema’ l-appell quddiem il-Qorti ta’ l-Appell.

Irriżulta illi PBS Ltd. naqset li tħallas l-ispejjeż konnessi mas-smigħ ta’ l-appell u b’hekk il-Qorti ta’ l-Appell iddikjarat li ma setgħetx tibda bis-smigħ ta’ l-appell. B’hekk, is-sentenza li ngħatat mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fid-29 ta’ April 2005 favur l-Awtorita' tax-Xandir saret finali u għalhekk il-penali amministrattiva li weħlet u li ħalset PBS Ltd. lill-Awtorita' fl-2002 ġiet konfermata.


Mario Axiak                                                                                                                                                             6 ta’ Novembru 2007
Kap Riċerka u Komunikazzjoni                                                                                                                                Ref 124/02   
Awtorita' tax-Xandir