Media Release 48/07
L-Awtorita' tax-Xandir tirreferi għall-kummenti li għamel il-preżentatur Lou Bondi waqt il-programm Bondi Plus li ttella’ fuq l-istazzjon tat-televiżjoni pubbliku nhar it-Tnejn, 22 t’Ottubru, kummenti dwar id-deċiżjoni ta’ l-Awtorita' tax-Xandir li ma tapprovax is-suġġett tal-programm li kien bi ħsiebu jxandar l-preżentatur dakinhar, jiġifieri it-tweġiba tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni għad-diskors tal-Budget. Peress li l-preżentatur għawweġ ċerti fatti kif kien jaqbel lilu, l-Awtorita' tixtieq tiċċara dan li ġej:
i) f’Settembru li għadda, meta l-Awtorita' kienet infurmat lill-istazzjon li kienet qed tapprova l-iskeda tal-programmi proposta għall-istaġun li qegħdin fih, l-Awtorita' kienet ukoll ħarġet direttiva lill-istazzjon, bis-saħħa ta’ Artiklu 15 ta’ l-Att dwar ix-Xandir, li tobbliga lill-istazzjon li jinnotifikha bil-quddiem, kull xahar, bis-suġġetti li kellhom jiġu ttrattati fil-programmi kollha ta’ ġrajjiet kurrenti mtella’ mill-istess stazzjon. L-istazzjon ġie mgħarraf ukoll li l-Awtorita' kienet tkun disposta tikkunsidra tibdil fis-suġġetti proposti sakemm tiġi avżata 24 siegħa qabel. Din id-direttiva l-Awtorita' ħarġitha sabiex, f’perijodu pre-elettorali, jiġi assigurat li jkun hemm bilanċ xieraq fl-għażla tas-suġġetti tul medda ta’ programmi;
ii) bil-kemm laħaq beda l-istaġun, li l-istazzjon instab ħati li kiser din id-direttiva meta dan ma infurmax lill-Awtorita' fiż-żmien meħtieġ li l-preżentatur tal-programm Bondi Plus kien biddel is-suġġett notifikat għall-edizzjoni ta’ nhar it-Tnejn, 8 t’Ottubru u minfloku indirizza suġġett ieħor, jiġifieri il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista;
iii) għalkemm kien ilu magħruf li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni kellu jagħti t-tweġiba għad diskors tal-Budget nhar it-Tnejn li għadda, kien biss nhar is-Sibt, 22 t’Ottubru li l-Awtorita' ġiet mgħarrfa mill-istazzjon li l-preżentatur tal-programm Bondi Plus kien qed jipproponi li jbiddel is-suġġett li kien diġa’ ġie nnotifikat u minfloku jindirizza suġġett ieħor, jiġifieri t-tweġiba tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni għad-diskors tal-Budget. Dakinhar stess ukoll, il-Kap Esekuttiv ta’ l-Awtorita' ġie mgħarraf mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista li l-Partit, għal raġunijiet li fl-opinjoni ta’ l-istess Partit kienu ġustifikati, ma kienx bi ħsiebu jibgħat rappreżentant tiegħu għall-programm. F’dawn iċ-ċirkostanzi, u mingħajr ma ġiet imbuttatta minn ħadd, l-Awtorita' deherilha li programm li kellu jindirizza t-tweġiba ta’ l-Oppożizzjoni dwar id-diskors tal-Budget mingħajr rappreżentant ta’ l-istess Oppożizzjoni qatt ma seta’ jilħaq l-imparzjalita’ rikjesta mill-Kostituzzjoni ta’ Malta u għalhekk ma approvatx il-bidla fis-suġġett propost mill-preżentatur, dan anki wara li l-Awtorita' fehmet li ma kienx hemm xi tentattiv mill-Oppożizzjoni biex tevita d-diskussjoni dwar il-Budget fuq il-mezzi tax-xandir;
iv) kienet għalhekk tal-mistħija l-istqarrija ta’ Lou Bondi meta xebbah din id-deċiżjoni ta’ l-Awtorita' tax-Xandir ma’ l-aġir ta’ reġim f’pajjiż Afrikan, reġim li taħtu dejjem tinstema’ qanpiena waħda fil-mezzi tax-xandir, meta d-deċiżjoni in kwistjoni ta’ l-Awtorita' tax-Xandir ittieħdet propju għax ma kienx se jinstema’ l-leħen ta’ min kien l-aktar involut;
v) it-tixbieha li għoġbu jagħmel l-preżentatur bejn l-azzjoni li ħadet l-Awtorita' f’dan il-każ partikolari u l-azzjoni li kienet ħadet, jew attwalment ma ħaditx, meta f’Novembru 2006 kienet ittellgħet edizzjoni ta’ Bondi Plus dwar l-esplorazzjoni taż-żejt fejn kien preżenti biss kelliem għall-Oppożizzjoni meta Ministru tal-Gvern kien irrifjuta li jieħu parti, kienet waħda mhux f’lokha. Il-preżentatur jaf ben tajjeb li dak iż-żmien l-Awtorita' ma kienitx tkun taf minn qabel dwar is-suġġett li kien se jiġi ttrattat u dwar min kien se jipparteċipa. Lanqas ma kienet sitwazzjoni komparabbli mal-każ preżenti;
vi) fl-aħħarnett, l-Awtorita' tixtieq tagħmilha ċara li mhux minnu, kif implika l-preżentatur, li l-Awtorita' ħadet deċiżjoni fis-sens li kull meta xi politiku jirrifjuta li jieħu parti f’xi programm ta’ ġrajjiet kurrenti, il-programm għandu jitħassar. Anzi, kif jgħidu r-regolamenti ta’ l-Awtorita' li kkwota l-istess preżentatur, l-Awtorita' tesiġi li meta xi persuna ma taċċettax stedina biex tipparteċipa fi programm, dan m’għandux jitħassar awtomatikament. Iqumu xi każijiet iżda, bħal każ in kwistjoni, meta jkun jidher ċar li l-provvedimenti tal-Kostituzzjoni dwar l-imparzjalita’ ikunu se jinkisru b’mod lampanti u għalhekk ikun jinħtieġ issir eċċezzjoni. Fil-każ ta’ l-istazzjon pubbliku, dawn is-sitwazzjonijiet għandu jagħarafhom l-istazzjon nnifsu mingħajr il-ħtieġa ta’ intervent regolatorju.
Mario Axiak M.B.A. 24 t’Ottubru 2007
Kap Komunikazzjoni u Riċerka Ref 68/00
Awtorita' tax-Xandir