Media Release 47/07
Akkuża fir-rigward ta’ TVM
Nagħmel referenza għad-direttiva mogħtija mill-Awtorità tax-Xandir lil PBS Ltd. fit-12 ta’ Settembru 2007 dwar l-iskeda ta’ TVM.
Il-Kap Eżekuttiv akkuża lill-istazzjon li kien hemm ksur ta’ l-artikolu 15 ta’ l-Att dwar ix-Xandir, Kapitolu 350 tal-Liġijiet ta’ Malta, billi PBS Ltd. naqas li jinforma lill-Awtorità b’tibdil fis-suġġett tal-programm Bondi Plus ta’ nhar it-Tnejn, 8 t’Ottubru 2007 fi żmien 24 siegħa qabel ma beda l-programm ta’ Bondi Plus. Għalhekk il-Kap Eżekuttiv ħareġ din l-akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. sabiex ikun jista’ jwieġeb talli naqas li jsegwi direttiva ta’ l-Awtorità mogħtija skond il-liġi.
Wara li semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon, l-Awtorità kkonkludiet li PBS Ltd. naqas li jinforma lill-Awtorità bit-tibdil tas-suġġett tal-programm Bondi Plus li skond l-informazzjoni li kellu l-Kap Eżekuttiv dan il-programm kellu jitratta dwar il-ħajja wara l-mewt u mhux il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. L-Awtorità wkoll osservat li din l-akkuża ma kinitx dwar il-kontenut tal-programm peress li l-istess preżentatur qal waqt il-programm li kien se jibbilanċja dan il-programm meta ssir il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista.
Peress li l-akkuża ġiet ippruvata, wara li l-Awtorità rat l-artikoli 15 u 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir u l-Ħames Skeda tiegħu, hija mponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ elfejn Lira Maltija (Lm2,000/€4568.75) iżda in vista taċ-ċirkostanzi tal-każ l-Awtorità ddeċidiet li tissospendi l-imsemmija penali għal żmien sena. L-Awtorità għamlitha ċara ma’ PBS Ltd. illi jekk fi żmien sena jkun hemm ksur ieħor ta’ direttiva ta’ l-Awtorità minn PBS Ltd., din il-kumpanija jkollha tħallas l-imsemmija penali amministrattiva ta’ elfejn Lira Maltija kif ukoll penali amministrattiva oħra għal ksur l-ieħor li jista’ jsir f’din is-sena u, fil-każ tat-tieni ksur, il-massimu tal-piena tista’ titla’ sa ħmistax-il elf Lira Maltija. L-Awtorità dderiġiet lil PBS Ltd. li jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin ta’ l-aħbarijiet prinċipali ta’ TVM mhux aktar tard minn nhar is-Sibt, 20 t’Ottubru 2007.
Żewġ Ilmenti tal-Partit Azzjoni Nazzjonali fil-Konfront ta’ TVM
L-Awtorità kellha quddiemha żewġ ilmenti ta’ Azzjoni Nazzjonali fil-konfront ta’ l-aħbarijiet ta’ TVM u tal-programm Reporter. Iż-żewġ ilmenti kienu indirizzati lil PBS Ltd. u kienu datati rispettivament 19 u 22 ta’ Settembru 2007. Permezz ta’ ittra datata 22 ta’ Settembru 2007 li waslet għand l-Awtorità fil-25 ta’ Settembru 2007, il-partit Azzjoni Nazzjonali rrefera ż-żewġ ilmenti li kellu fil-konfront ta’ TVM lill-Awtorità.
Fiż-żewġ ilmenti l-Azzjoni Nazzjonali tilmenta illi qed tiġi diskriminata b’mod sistematiku mill-istazzjon tax-xandir pubbliku u dan peress li d-diskors ta’ Dr Josie Muscat ta’ l-10 t’Awissu 2007 f’Birzebbugia ma kienx ġie mxandar, waqt il-bullettin ta’ l-aħbarijiet tad-9 ta’ Settembru il-ġurnalist ta’ TVM qal li dik kienet l-ewwel attivita’ politika tal-partit Azzjoni Nazzjonali meta dan ma kienx il-każ, u li TVM injora wkoll id-diskors ta’ Dr Josie Muscat waqt attivita’ politika f’Għawdex fis-16 ta’ Settembru 2007. Fl-aħħarnett, Azzjoni Nazzjonali lmenta li konferenza ta’ l-aħbarijiet u stqarrija tal-21 ta’ Settembru 2007 ma ġewx rappurtati fil-bullettin ta’ l-aħbarijiet ta’ TVM u li fil-programm Reporter ħadd ma kien ġie mistieden mill-Azzjoni Nazzjonali.
Fis-sottomissjonijiet verbali li saru quddiem l-Awtorità rriżulta li TVM kien rapporta l-attivitajiet ta’ l-Azzjoni Nazzjonali fid-9 ta’ Ġunju, 9 ta’ Settembru, 30 ta’ Settembru u 7 t’Ottubru 2007. Irriżulta wkoll li l-aħbar tad-9 ta’ Ġunju 2007, meta ġie mniedi l-Azzjoni Nazzjonali, ngħatat bħala l-ewwel item u damet tliet minuti u 49 sekonda u li l-attivitajiet ta’ l-10 t’Awissu u tal-21 ta’ Settembru ma ġewx rapportati. TVM ammetta li żbalja meta qal li l-attivita’ tad-9 ta’ Settembru kienet l-ewwel attivita’ politika tal-partit Azzjoni Nazzjonali meta dan ma kienx il-każ.
Ġie kkonstatat għalhekk li minn sitt attivitajiet ta’ Azzjoni Nazzjonali, erbgħa ġew rapportati, tnejn ma ġewx rapportati u f’waħda minn dawk rapportati kien hemm żball fiha. L-Azzjoni Nazzjonali saħqet li leħenha kien qed jiġi ċċensurat fil-mezzi ta’ xandir pubbliku iżda għal dan l-ilment l-istazzjon pubbliku wieġeb li l-kriterji li jintużaw f’rappurtaġġ ta’ l-aħbarijiet huma:
a) illi l-attivita’ jrid ikollha valur t’aħbar u, fin-nuqqas, din ma tixxandarx;
b) li biex aħbar tiġi rapportata l-istazjon irid ikollu r-riżorsi meħtieġa biex jagħmel dan; u
c) fil-każ ta’ l-attivitajiet li jsiru mill-partiti politiċi nhar ta’ Ħadd dawn normalment jiġu rappurtati.
L-Awtorità ma tistax tasal għal konklużjoni li leħen Azzjoni Nazzjonali ġie mxekkel minn TVM meta tqis li minn sitt attivitajiet, erbgħa minnhom ġew rappurtati u waħda minnhom ġiet rappurtata bħala l-ewwel item fil-bullettin b’mod estensiv. Mill-banda l-oħra l-Awtorità tħoss ukoll illi ladarba Azzjoni Nazzjonali huwa partit politiku, l-attivitajiet tiegħu li jsiru nhar ta’ Ħadd għandhom jiġu rappurtati wkoll bħal dawk tal-partiti politiċi l-oħra u li l-Awtorità ma taqbilx li n-nuqqas ta’ riżorsi minn naħa ta’ TVM għandha titqies bħala raġuni valida biex l-attivitajiet ta’ l-Azzjoni Nazzjonali ma jixxandrux u dan dejjem dment li jkollhom valur ta’ aħbar u li jibqa’ l-kriterju li TVM għandu japplika meta jiġi biex jiddeċiedi jekk aħbar timmeritax jew le li tiġi rapportata fil-bullettin ta’ l-aħbarijiet.
Għalhekk, filwaqt li qed tiddikjara li l-ilmenti ta’ diskriminazzjoni sistematika min-naħa ta’ l-istazzjon tax-xandir pubbliku mhumiex ġustifikati, l-Awtorità qed tidderiġi lill-PBS Ltd. biex fil-każ ta’ l-attivitajiet li jsiru mill-partiti politiċi, l-Azzjoni Nazzjonali tingħata l-istess trattament fil-bullettini ta’ l-aħbarijiet bħall-partiti politiċi l-oħra. Dwar l-ilment dwar il-programm Reporter, l-Awtorità nnutat li Dr Josie Muscat kien ġie intervistat fil-programm ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 u kien ukoll il-mistieden fil-programm tat-8 t’Ottubru 2007. Għalhekk l-Awtorità qed tiċħad l-ilment li Dr Muscat ma kienx ġie mistieden fil-programm Reporter.
Mario Axiak M.B.A. 19 t’Ottubru 2007
Kap Komunikazzjoni u Riċerka Ref 65/01, 81/07
Awtorità tax-Xandir