Media Release 45/07
Akkuża fir-rigward ta’ Reklam Politiku fuq TVM
L-Awtorità kellha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar reklam politiku li xxandar fuq TVM fil-break tal-bulettin prinċipali tal-aħbarijiet tas-26 ta’ Settembru, 2007.
Fl-akkuża ġie allegat illi dan ir-reklam politiku xxandar bi ksur tal-artikolu 13(4) u tal-paragrafu 1(f) tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir. Dan ir-reklam politiku kien dwar it-toroq.
Wara li l-Awtorità rat ir-reklam konċernat kif ukoll semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon hija nnutat illi dan l-ispot kien qed jippromwovi l-politika pubblika tal-Gvern u, tenut kont tal-mod kif l-Awtorità dejjem interpretat id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(f) tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, dan it-tip ta’ reklam jaqà fit-termini ta’ reklamar politiku, liema tip ta’ reklam huwa ammess biss fi skema ta’ xandir politiku. L-Awtorità tinnota wkoll li anke l-ġimgħa li għaddiet kien hemm akkuża simili fil-konfront ta’ TVM u ma jidhrix li l-istazzjon għandu proċedura fis-seħħ fejn ir-reklami jiġu vetted mill-angolu ta’ reklamar politiku. L-istazzjon għalhekk għandu jindirizza dan il-punt.
Wara li l-Awtorità rat l-artikoli 13(4) u 41 kif ukoll il-paragrafu 1(f) tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir u kkonstatat li din ma kienitx l-ewwel darba li TVM instab ħati ta’ ksur tal-liġi fejn jidħol reklamar politiku, l-Awtorità ddeċidiet li timponi penali amministrattiva fl-ammont ta’ ħames mitt Lira Maltija (Lm500).
Akkuża fir-rigward ta’ ‘Viċi-Versa’ fuq One TV
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “Viċi-Versa” li xxandar fuq One TV fl-1 ta’ Lulju 2007.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir u tal-paragrafu 2 tal-Ħtiġijiet dwar Reklamar ta’ Xorb Alkoħoliku.
Wara li l-Awtorità rat il-filmat relattiv u semgħet kemm lill-Kap u lill-istazzjon hija kkonkludiet li f’żewġ okażżjonijiet speċifiċi waqt dan il-programm sar iffukar fuq flixkun ta’ l-inbid fejn dehret it-tikketta tal-flixkun b’mod li setgħet tinqara.
Wara li l-Awtorità rat l-artikolu 41 u l-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir hija sabet li kien hemm ksur tar-regolamenti hawn fuq imsemmija dwar ir-reklamar u mponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ ħames mitt Lira Maltija (Lm500).
Mario Axiak M.B.A. 10 t’Ottubru 2007
Kap Riċerka u Komunikazzjoni
Awtorita' tax-Xandir