Stqarrija għall-Media 44/08
Matul dawn l-aħħar ġimgħat saru diversi kummenti f’sezzjoni tal-media lokali dwar id-deċiżjoni tal-kumpanija li kienet qed tipproduċi l-programm ‘Teletubi’ għal One Television li twaqqaf il-produzzjoni ta’ dan il-programm u dan minħabba, skond l-istess kumpanija, il-passi li kienet qed tieħu l-Awtorita' tax-Xandir dwar dan il-programm. Peress li dawn l-kummenti mhux dejjem kienu bbażati fuq il-fatti, l-Awtorita' tixtieq tiċċara numru ta’ punti.
L-ewwelnett, assolutament mhux minnu li l-Awtorita' ħarġet xi direttiva lill-istazzjon in kwisjtoni sabiex jitwaqqaf dan il-programm. Lanqas huwa minnu li l-Awtorita' b’xi mod iċċensurat xi satira politika li setgħet ixxandret waqt dan il-programm. L-Awtorita', iżda, ma naqsitx li twettaq l-obbligi li timponi fuqha il-Liġi dwar ix-Xandir u r-Regolamenti li tfasslu taħt din il-Liġi u ċjoe’, f’dan il-każ, li tiżgura li fil-mezzi tax-xandir lokali ma jixxandarx kontenut li jista’ joffendi l-gosti tajba u d-diċenza kif ukoll li ma jixxandrux programmi li jkunu mmirati lejn udjenza adulta qabel id-disgħa ta’ filgħaxija, dana bħala mezz ta’ protezzjoni tal-minuri.
B’mod partikolari, l-Awtorita' tixtieq tispjega li l-ewwel akkuża li kienet ħarġet kontra dan il-programm kienet dwar l-edizzjoni li kienet ixxandret nhar il-Ħadd, 28 t’Ottubru 2007 meta l-programm kien ixxandar wara nofsinhar fil-ħin li jkunu qed jarawh it-tfal. F’dik l-okkażjoni, l-Awtorita' ma kienet imponiet l-ebda penali iżda kienet widdbet lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix dan in-nuqqas. Din it-twiddiba, iżda, jidher li waqgħet fuq widnejn torox għax f’żewġ okkażjonijiet oħra, ċjoe’ nhar il-Ħadd, 2 ta’ Diċembru 2007 u fil-11 ta’ Frar 2008, il-programm reġa’ xxandar qabel id-disgħa ta’ filgħaxija. L-Awtorita' kienet tkun soċjalment irresponsabbli li kieku ma ħaditx il-passi kkontemplati fil-liġi f’dawn iċ-ċirkostanzi biex tipproteġi lit-tfal.
L-Awtorita' reġgħet kienet kostretta li tieħu azzjoni kontra l-istazzjon in kwistjoni dwar dan il-programm meta, fl-edizzjonijiet tal-programm li xxandru fit-30 ta’ Marzu u fis-6 ta’ April 2008, intuża lingwaġġ vulgari u kultant oxxen li ma ġiex imrażżan b’mod effettiv bi bleeps jew propju ma kien ġie mrażżan xejn. Meta l-Awtorita' semgħet din l-akkuża, la r-rappreżentanti ta’ l-istazzjon u lanqas dawk tal-produtturi ma ndenjaw ruħhom jidhru quddiem l-Awtorita' sabiex jikkontestaw l-akkuża u għalhekk l-Awtorita' ma kellha l-ebda għażla oħra ħlief li timponi l-penali kkontemplata fil-liġi.
Akkuża oħra għall-istess raġunijiet nħarġet kontra l-istazzjon dwar l-edizzjoni tal-programm li xxandret fit-13 ta’ April. Din id-darba kemm ir-rappreżentanti ta’ l-istazzjon kif ukoll dawk tal-produtturi dehru quddiem l-Awtorita' u talbu lill-Awtorita' sabiex tistabbilixxi linji gwida dwar x’għandu jkun aċċettabbli f’dan il-ġeneru ta’ programm. L-Awtorita', fil-fatt, dawn il-linji gwida stabbilithom fi żmien qasir u għamlitha ċara li, f’dan il-ġeneru ta’ programm, tkun lesta li taċċetta element ta’ kliem doppju sens, sakemm dan il-kliem jingħad b’mod umoristiku u f’kuntest ta’ satira u sakemm ukoll il-programm ikun ikklassifikat għall-adulti. L-Awtorita', iżda, ma kinitx lesta taċċetta l-użu ta’ kliem vulgari u oxxen li ma jkunx ġie mrażżan bi bleeps u b’mod effettiv.
L-Awtorita' hija tal-fehma li l-programm seta’ faċilment jkompli jixxandar fil-parametri stabbiliti u huwa stramb kif l-produtturi ħabbru li se jwaqqfu l-programm anki qabel ma kienu rċevew il-linji gwida li huma stess kienu talbu mingħand l-Awtorita'. Għalhekk, mhux assolutament minnu li l-Awtorita' waqfet dan il-programm.
Mario Axiak 20 ta’ Mejju 2008 Kap Komunikazzjoni u Riċerka Awtorita' tax-Xandir