Akkużi

Media Release 44/07


Akkuża fir-rigward tal-Programm “B’Kull Dritt” fuq Smash TV


L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża tal-Kap Esekuttiv dwar il-programmi “B’Kull Dritt” li xxandru fuq Smash TV bejn is-7 ta’ Marzu u s-27 ta’ Ġunju 2007.

Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tad-direttiva ta’ l-Awtorita' tax-Xandir datata 13 ta’ Ġunju 2007 u ta’ l-artikolu 13 (2)(f) ta’ l-Att dwar ix-Xandir peress li din is-serje ta’ programmi ma kinitx bilanċjata u l-iskop tagħha kienet biex tressaq ‘il quddiem l-vuċi tal-Partit Azzjoni Nazzjonali b’mod żbilanċjat f’termini ta’ għażla ta’ parteċipanti u ta’ suġġetti.

Min-naħa tiegħu l-istazzjon issottometta illi l-Partit Azzjoni Nazzjonali twaqqaf f’Ġunju 2007 u għalhekk l-akkuża ma kienet xejn korretta meta rreferit għall-programmi li xxandru f’Marzu, April u Mejju 2007 b’referenza għal dan il-Partit li dak iż-żmien ma kienx għadu twaqqaf. L-istazzjon informa lill-Awtorita' wkoll li huwa kellu l-ħsieb li jagħmel programm dedikat lil kull partit politiku u li fl-20 ta’ Ġunju 2007 sar programm wieħed iddedikat lill-Alternattiva Demokratika.

L-Awtorita' tasal biex tifhem li l-programmi li xxandru qabel is-Sibt, 9 ta’ Ġunju 2007 – id-data tat-twaqqif tal-Partit Azzjoni Nazzjonali – setgħu ma ffigurawx  fl-akkuża. Madankollu, l-Awtorita' tinnota li mill-erba’ programmi li xxandru f’Ġunju 2007, tlieta minn erba’ programmi kienu jitrattaw l-Azzjoni Nazzjonali. Dak tas-6 ta’ Ġunju kien dwar jekk hemmx bżonn ta’ partit ġdid, li xxandar tlett ijiem biss qabel ma twaqqaf uffiċjalment l-Azzjoni Nazzjonali; dak tat-13 ta’ Ġunju 2007 kien qed isaqsi lit-telespettatur jekk hux lest li jivvota lil Azzjoni Nazzjonali u dak tas-27 ta’ Ġunju kien propju programm sħiħ iddedikat lill-Partit Azzjoni Nazzjonali. Wara Ġunju 2007 dan il-programm ma komplix jixxandar. Għalhekk, l-iżbilanċ li kien hemm u ċjoe’ preponderanza ta’ mistiedna mill-Azzjoni Nazzjonali kif ukoll diskussjoni dwar Azzjoni Nazzjonali b’mod dirett jew indirett kien bi ksur tal-komunikazzjoni ta’ l-Awtorita' tax-Xandir mogħtija lil Smash TV fit-13 ta’ Ġunju 2007 biex ma jippermettix lill-programm ‘B’Kull Dritt’ milli jsir il-vuċi ta’ l-Azzjoni Nazzjonali. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Awtorita' sabet li kien hemm żbilanċ f’dawn il-programmmi.

Wara li l-Awtorita' rat l-artiklu 13(2)(f) u 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir kif ukoll il-Ħames Skeda ta’ l-istess Att, kif ukoll ikkonstatat li din ma kinitx l-ewwel darba li dan il-programm instab ħati ta’ ksur ta’ l-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorita' ddeċidiet li timponi penali amministrattiva fl-ammont ta’ ħames mitt Lira (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar.


Akkuża fir-rigward tal-Programm “Mister Fisherman” fuq NET TV

L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “Mister Fisherman” tal-5 u tat-12 ta’ Lulju 2007 fuq NET TV.

Fl-akkuża ġie allegat li f’dan il-programm kien hemm ksur ta’ l-artikolu 15 u tal-paragrafi  4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.

Wara li l-Awtorita' rat il-filmat relattiv u semgħet kemm il-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonkludiet li fil-każ tal-programm tal-5 ta’ Lulju 2007 ġie identifikat fil-bidu tal-programm ir-restaurant li minnu kien qed jixxandar il-programm, kif ukoll dehret it-tikketta ta’ xarba partikolari ta’ l-inbid. L-istess ġara wkoll fil-programm tat-12 ta’ Lulju 2007 fejn saret referenza għall-isem tar-restaurant fejn kien qed isir il-programm u anke saret referenza għal flixkun partikolari ta’ l-inbid. Wara li l-Awtorita' rat l-artikolu 41 u l-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, hija ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon li ma jirrepetix tali aġir u dan peress li kien hemm ksur għall-ewwel darba tal-Liġi tax-Xandir f’dan il-programm.

ż

Akkuża fir-rigward ta’ iTV

L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża tal-Kap Esekuttiv dwar programmi li xxandru bejn 10.27a.m. u 1.00p.m. fis-6 t’Awissu 2007 fuq iTV.

Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 44 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir u ta’ l-artiklu 15 ta’ l-Att dwar ix-Xandir.  

Wara li l-Awtorita' rat il-filmati relattivi u semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonkludiet li fil-każ tal-wiri ta’ partijiet minn dvd, din kienet itwal minn 10 minuti u dan bi ksur tad-direttiva mogħtija lil iTV; u fil-każ tal-cooling off period il-caption ma dehritx bejn l-10.30a.m. u l-11.30a.m. L-Awtorita' sabet li kien hemm ksur kemm fir-rigward ta’ l-eċċess ta’ tul tal-wiri tad-dvd kif ukoll dwar in-nuqqas ta’ reference f’teleshopping window għall-cooling off period u wara li rat l-artikolu 41 u l-paragrafu 44 tat-Tielet Skeda u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, imponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ ħames mitt Lira Maltija (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar.


Akkuża fir-rigward ta’ Aħbarijiet ta’ One TV

L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża dwar item li dehret f’One News tad-29 ta’ Awissu 2007.

Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur ta’ l-artikolu 13(2)(b) ta’ l-Att dwar ix-Xandir.

Wara li l-Awtorita' rat il-filmat relattiv u semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija ġiet infurmata mill-istazzjon illi l-awtur tal-kartoon in kwistjoni kien talab lill-Kap tat-Taqsima ta’ l-Aħbarijiet ta’ One News dritt ta’ risposta u li dak id-dritt ta’ risposta kien ingħata fuq Super One Radio fl-aħbarijiet tal-11.45a.m. fil-25 ta’ Settembru 2007 u li l-istess dritt ta’ risposta xxandar ukoll fil-25 ta’ Settembru 2007 fil-bullettin prinċipali ta’ One News fuq One TV.

Peres li l-akkuża ġiet ippruvata u wara li l-Awtorita' kkonstatat illi l-aħbar eventwalment ingħatat bl-eżatezza dovuta, u peress li kien ġa’ ngħata rimedju mill-istazzjon, l-Awtorita' ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon skond artikolu 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir biex ma jirrepetix tali aġir.


Akkuża fir-rigward tal-Programm “Bikini” fuq One TV

L-Awtorita' kellha quddiemha tliet akkużi dwar il-programm “Bikini” li xxandru fuq One TV fis-16 u fis-27 ta’ Lulju u fl-10 ta’ Awissu 2007.

Wara li l-Awtorita' rat il-filmati rispettivi u semgħet kemm lil Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonstatat illi kien hemm ksur tal-liġi fl-aspett tal-credits eċċessivi fil-programm tas-27 ta’ Lulju 2007. Għalhekk, wara li l-Awtorita' rat l-artikolu 41 u l-paragrafi 4, 9 u 20(c) tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, hija widbet lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.


Mario Axiak M.B.A.                                                                                                                                                         3 t’Ottubru 2007
Kap Riċerka u Komunikazzjoni
Awtorita' tax-Xandir