Media Release 41/08
Akkuża fir-rigward tal-Aħbarijiet ta’ TVM tal-14 ta’ April, 2008
L- Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar l-aħbarijiet li xxandru fuq TVM fl-14 ta’ April, 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir f’feature dwar servizz offrut minn kumpanija ta’ l-ajru kummerċjali.
Wara li semgħet il-partijiet u rat il-filmat, l-Awtorità dehrilha li għalkemm kien hemm element reklamatorju għall-kumpanija ta’ l-ajru kummerjali fil-feature li xxandret, l-informazzjoni li ngħatat dwar dan is-servizz setgħet titiqis li kellha wkoll ċertu valur ta’ aħbar u għalhekk l-Awtorità ddeċidiet li f’dan il-każ din l-item ma kellhiex titqies bħala waħda primarjament reklamatorja.
Akkuża fir-rigward tal-Programm Bondiplus fuq TVM
L- Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programm Bondiplus tas-7 u tal-14 ta’ April, 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafu 13 tat-Tielet Skeda dwar l-Att dwar ix-Xandir minħabba waqfien għar-reklamar barra mill-ħin permess mill-liġi.
Wara li semgħet il-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon l-Awtorità sabet li l-istazzjon kien ħati ta’ l-akkużi miġjuba kontrih u ddeċidiet li timponi penali amministrattiva fl-ammont ta’ elf, mija u erbgħa w sittin Ewro (€1,164), ekwivalenti għal ħames mitt Lira Maltija (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mid-data tad-deċiżjoni.
L-Awtorità ddiriġiet ukoll lill-istazzjon biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin prinċipali ta’ l-aħbarijiet sa mhux aktar tard minn nhar it-Tnejn, 12 ta’ Mejju 2008.
Akkuża fir-rigward tal-Programm Xarabank fuq TVM
L- Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programm Xarabank tat-18 ta’ April, 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafu 7.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika ta’ l-2007 dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir, peress li ma xandrux kemm kienu jiswew l-sms’s sabiex persuna tkun tistà tipparteċipa.
Wara li semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon l-Awtorità sabet li kien hemm ksur tal-liġi, iżda peress li din kienet l-ewwel darba li dan il-programm instab ħati dwar ksur ta’ dan il-paragrafu u li fi drabi preċedenti dan il-paragrafu dejjem ġie osservat, l-Awtorità ddeċidiet li għandha twiddeb lill-istazzjon biex ma jergax jirrepeti tali aġir.
Akkuża fir-rigward tal-Programm Ħadd Għalik fuq TVM
L- Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programm Ħadd Għalik li xxandar fuq TVM fis-6 u 13 ta’ April, 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafi 3(c) u (d) tal-Kodiċi dwar l-Użu Tajjeb ta’ l-Ilsien Malti billi kellha diversi żbalji ortografiċi.
Wara li semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon, l-Awtorità ddeċidiet li tiġbed l-attenzjoni ta’ l-istazzjon għall-ilmenti li spiss kienet tirċievi l-Awtorità dwar dan l-aspett u għall-ħtieġa li dan jaderixxi għall-ħtiġijiet tal-Kodiċi tax-Xandir dwar l-Użu Tajjeb ta’ l-ilsien Malti fuq il-Mezzi tax-Xandir. L-Awtorità nformat lill-istazzjon ukoll li hi minn dejjem kienet tħeġġeġ l-użu tajjeb ta’ l-ilsien Malti u li minn Ottubru li ġej kienet ser tagħti aktar attenzjoni lil dan l-aspett billi tirrevedi l-istess l-Kodiċi bl-għajnuna ta’ panel ta’ esperti.
L-Awtorità għalhekk iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward tal-Programm Missjoni Etijopja fuq TVM
L- Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programm Missjoni Etjopja li xxandar fuq TVM fis-6 u 13 ta’ April, 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafi 3(c) u (d) tal-Kodiċi dwar l-Użu Tajjeb ta’ l-Ilsien Malti billi kellha diversi żbalji ortografiċi.
Wara li semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon, l-Awtorità ddeċidiet li tiġbed l-attenzjoni ta’ l-istazzjon għall-ilmenti li spiss kienet tirċievi l-Awtorità dwar dan l-aspett u għall-ħtieġa li dan jaderixxi għall-ħtiġijiet tal-Kodiċi tax-Xandir dwar l-Użu Tajjeb ta’ l-ilsien Malti fuq il-Mezzi tax-Xandir. L-Awtorità nformat lill-istazzjon ukoll li hi minn dejjem kienet tħeġġeġ l-użu tajjeb ta’ l-ilsien Malti u li minn Ottubru li ġej kienet ser tagħti aktar attenzjoni lil dan l-aspett billi tirrevedi l-istess l-Kodiċi bl-għajnuna ta’ panel ta’ esperti.
L-Awtorità għalhekk iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward ta’ One News fuq ONE TV
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programm One News tat-13 ta’ April, 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda dwar l-Att dwar ix-Xandir u tal-paragrafu 2.1.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika ta’ l-2007 dwar Bulettini ta’ l-Aħbarijiet u Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti peress li sar reklam għal servizz lejn Barcelona permezz ta’ kumpanija ta’ l-ajru low cost kummerċjali.
Wara li semgħet il-partijiet u rat il-filmat, l-Awtorità dehrilha li għalkemm kien hemm element reklamatorju għall-kumpanija ta’ l-ajru kummerjali fil-feature li xxandret, l-informazzjoni li ngħatat dwar dan is-servizz setgħet titiqis li kellha wkoll ċertu valur ta’ aħbar u għalhekk l-Awtorità ddeċidiet li f’dan il-kaz din l-item ma kellhiex titqies bħala waħda primarjament reklamatorja.
Mario Axiak M.B.A 9 ta’ Mejju, 2008
Kap Riċerka u Komunikazzjoni