Media Release 40/07
Akkuża fir-rigward tal-Programm “Gideb u Mħabba”
fuq Smash TV
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar il-programm “Gideb u Mħabba” li xxandar fuq Smash TV fil-21 ta’ Ġunju, 2007.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafi 3.1(v) u 3.1(viii) tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika ta’ l-2007 dwar Wiri u s-Smigħ ta’ Programmi għall-Familja.
Wara li l-Awtorità semgħet lil Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonkludiet li l-programm in kwistjoni ma kellux tidher fuq l-iscreen il-klassifika tiegħu. Peress li din kienet l-ewwel darba l-Awtorità iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “Flimkien”
fuq Smash TV
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar il-programm “Flimkien” li xxandar fuq Smash TV fil-11 u fit-12 ta’ Ġunju, 2007.
Fl-akkuża ġie allegat illi f’dawn iż-żewġ programmi kien hemm ksur tal-paragrafi 4, 9, 24, 25 u 34 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorità semgħet lil Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonkludiet illi fil-programm tal-11 ta’ Ġunju 2007 kien hemm 5 minuti aktar minn dak li hu permess mil-liġi ta’ reklamar f’siegħa orarja u li fil-każ tal-programm tat-12 ta’ Ġunju, 2007 ingħatat informazzjoni dwar l-indirizzi ta’ fejn jinsab il-ħanut minn fejn setgħu jinxtraw il-prodotti waqt it-telebejgħ meta dan huwa projbit mil-liġi. Għalhekk, wara li l-Awtorità rat il-paragrafi 24, 25 u 34 tat-Tielet Skeda, il-Ħames Skeda u l-artikolu 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir hija mponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ ħames mitt Lira Maltija (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “2 B Frank”
fuq Smash TV
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar il-programm “2 B Frank” li xxandar fuq Smash TV bejn l-4 ta’ Marzu u l-11 ta’ Mejju, 2007.
Fl-akkuża ġie allegat illi kien hemm ksur tad-direttiva ta’ l-Awtorita' tax-xandir datata 23 t’April 2007 u ta’ l-artikolu 13 (2)(f) ta’ l-Att dwar ix-Xandir peress li din is-serje ta’ programmi ma kinitx bilanċjata kif titlob il-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Att dwar ix-Xandir. B’mod partikolari, kienu mistiedna tlett esponenti Nazzjonalisti, wieħed Laburista, filwaqt li ħadd ma kien mistieden mill-Alternattiva Demokratika. Is-suġġett tal-programm tas-27 t’April 2007 “Ir-Raba’ Distrett u t-Toroq” li fih ipparteċipa l-Onorevoli Ministru Jesmond Mugliett kien żbilanċjat mhux biss fejn tidħol il-parteċipazzjoni tal-mistiedna, imma wkoll fis-suġġett innifsu tal-programm. Terġa’ r-raba’ distrett huwa d-distrett li fih jikkontesta l-Onorevoli Mugliett.
Wara li l-Awtorità semgħet lil Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonkludiet illi fil-programm in kwistjoni kien hemm nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni u tal-Att dwar ix-Xandir li jirregolaw il-bilanċ u dan b’mod partikolari fil-programm li għalih kien mistieden l-Onorevoli Ministru Jesmond Mugliett. Wara li l-Awtorità rat l-artikoli 13(2)(f) u 41 u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir l-Awtorità imponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ ħames mitt Lira Maltija (Lm500) li għandha titħallas fi żmien xahar.
Akkuża fir-rigward ta’ Spot Politiku fuq TVM PBS Ltd.
L-Awtorità kellha quddiemha reklam politiku li xxandar fuq TVM fit-12 ta’ Settembru, 2007 qabel l-aħbarijiet tal-11.00p.m. Dan ir-reklam li sar mill-M.I.T.T kien jitratt dwar il-viżjoni tal-Gvern għall-Port il-Kbir ta’ Malta. Il-kliem ta’ l-ispot kien jaqra kif gej:
Il-port il-kbir ta’ Malta huwa fil-qalba ta’ l-identità nazzjonali. Il-Gvern irid ikompli jagħti ħajja ġdida lil din iż-żona u joħloq impatt pożittiv fuq l-ambjent u titjib għar-residenti ta’ l-inħawi. Sa l-2015 tingħalaq il-Power Station fil-Port il-Kbir. L-effett enormi ta’ din il-bidla ma jkunx biss fuq is-sit iżda wkoll fuq l-ibliet tal-madwar. It-tindif tat-tankijiet li tuża t-tarza fir-Rikażli jieqaf u l-faċilità tiġi rilokata f’żona industrijali jew fuq il-baħar. Il-Wied tar-Rinella jissebbaħ u jiġi mplimentat programm ta’ afforestazzjoni. Jiġu relokati siti tar-rimi tal-metall u dawn l-ispazji jiġu konvertiti f’park pubbliku. Tissebbaħ ukoll il-bajja tar-Rinella għar-rikreazzjoni filwaqt li fil-Kalkara jinbnew faċilitajiet għad-delettanti tal-baħar, biex itellgħu u jsewwu d-dgħajjes tagħhom. Dawn huma wħud mill-proġetti marbutin mal-Port il-Kbir li se jagħmel il-Gvern biex jitjiebu s-servizzi għat-turiżmu, l-industrija, l-ambjent u biex jinħolqu impjiegi ġodda.
Fl-akkuża ġie allegat li dan ir-reklam politiku xxandar bi ksur tal-artikolu 13(4) u tal-paragrafu 1(f) tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorità rat il-filmat relattiv u semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon, il-Kap Eżekuttiv issottometta li skond id-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija reklami li kienu ta’ natura politika ma kienux permessi mill-liġi ħlief fil-każ ta’ dawk ir-reklami fi skeda ta’ xandir politiku awtorizzata mill-Awtorità tax-Xandir. L-istazzjon issottometta r-reklam in kwistjoni ma kienx qed isir minn partit politiku iżda mill-Gvern u li l-kontenut tiegħu kien informattiv peress li kien qed jikkomunika lill-pubbliku l-policy tal-Gvern dwar il-Port il-Kbir. Wara li l-Awtorità kkunsidrat dawn is-sottomissjonijiet, inkluż il-mod kif fil-passat hija stess applikat u nterpretat dawn id-dispożizzjonijiet, l-Awtorità kienet tal-fehma li r-reklam kellu jtqies bħala wieħed politiku peress li kien jitratta policy pubblika. Il-kelma “politika” fil-liġi ma kelliex tiġi nterpretata b’mod limitat fis-sens ta’ politika partiġġjana imma kellha tiġi nterpretata – bħalma dejjem ġiet hekk interpretata fil-passat – b’mod wiesgħa li tinkludi anke policy pubblika. Għaldaqstant, wara li l-Awtorità rat l-artikolu 13(4) u l-paragrafu 1(f) tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità ikkonstatat li din kienet l-ewwel darba li xxandar reklam politiku fuq TVM u għalhekk widbet lill TVM biex ma jerġax jirrepeti tali aġir.
Mario Axiak 24 ta’ Settembru, 2007
Kap Kommunikazzjoni u Riċerka
Awtorità tax-Xandir