Media Release 39/08
Akkuża dwar żewġ ilmenti tas-Sur Jo Said
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv wara żewġ ilmenti mis-Sur Jo Said dwar il-programmi Bondi Plus tat-28 ta’ Jannar u tal-4 ta’ Frar, 2008.
Wara li l-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, lill-istazzjon u lill-persuna li resqet l-ilment, l-Awtorità nnutat illi l-ilment sar u anke l-istess akkuża inħarġet skond l-artikolu 34 ta’ l-Att dwar ix-Xandir. Din id-disposizzjoni tal-liġi titratta dwar trattament inġust jew mhux xieraq li persuna tingħata fi programm.
Wara li l-Awtorità eżaminat iż-żewġ programmi hawn fuq imsemmija, hija kkonkludiet li ma kienx hemm trattament inġust jew mhux xieraq fir-rigward tas-Sur Jo Said. L-Awtorita' nnutat illi l-opinjonijiet ta’ Jo Said ġew riflessi fil-programm anke meta wieħed jinnota li l-istazzjon kien ġab parti mill-konferenza ta’ l-aħbarijiet li Jo Said ta ħdejn it-taraġ tal-Berġa ta’ Kastilja ħlief għal dawk il-partijiet li setgħu kienu libellużi. Apparti minn hekk il-preżentatur fl-ebda mod ma allega li s-Sur Said kien ġie nvestigat mill-Pulizija.
Naturalment id-dritt ta’ risposta li s-Sur Said jista’ jkollu skond l-Att dwar l-Istampa jibqa’ impreġudikat.
Għalhekk l-Awtorità kkonkludiet li l-opinjonijiet tas-Sur Jo Said ġew imxandra u li mhux minnu li l-preżentatur ta x’wieħed jifhem li s-Sur Joe Said kien ġie investigat mill-Kummissarju tal-Pulizija.
Mario Axiak 22 t’April 2008
Kap Riċerka u Komunikazzjoni Ref 16/08
Awtorità tax-Xandir