Stqarrija 37/08
Akkuża fir-rigward tal-Programm ‘Bonġu’
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “Bongu” li xxandar fuq TVM fl-20 ta’ Diċembru 2007, fid-9 u fl-10 ta’ Jannar 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, u paragrafu 13 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir hekk kif interpretat permezz ta’ ċirkolari 42/07 dwar Sponsorship, kif ukoll ċirkulari 57/07 dwar Nuqqas ta’ Separazzjoni u Reklamar b’Ħabi.
Wara li l-Awtorita' rat il-filmat relattiv u semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonkludiet illi l-akkuża ġiet ippruvata. B’mod partikolari, l-Awtorita' nnutat illi fir-rokna informattiva l-persuni in kwistjoni ġew assoċjati ma’ entita’ kummerċjali peress li ngħata tagħrif dwar l-isem tal-grupp u kumpanija kummerċjali li dawk l-istess persuni kienu qed jirrapreżentaw. Wara li l-Awtorita' rat l-artiklu 41, il-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir u Ċirkolarijiet 42/07 u 57/07, hija mponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ elf, mija u erbgħa u sittin Euro (€1,164) ekwivalenti għal ħames mitt Lira Maltija (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar. L-Awtorita' wkoll iddiriġiet lil TVM biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin prinċipali ta’ l-aħbarijiet ta’ TVM sa mhux aktar tard minn nhar it-Tlieta, 22 ta’ April 2008.
Akkuża fir-rigward tat-Telebejgħ: Easy Life
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża tal-Kap Esekuttiv dwar telebejgħ Easy Life li xxandar fuq TVM fis-17 ta’ Jannar 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafi 4, 9, 31, 34 u 44 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorita' semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lil-istazzjon u wara li rat il-filmat relattiv, hija kkonkludiet li l-akkuża ġiet ippruvata. Irriżulta li f’dan il-programm saret referenza għall-indirizz tal-ħwienet minn fejn wiehed seta’ jixtri l-oġġetti in kwistjoni u dan meta dan ma setax isir. Lanqas ma kien hemm direct offer fit-tieqa tat-teleshopping. Għalhekk, wara li l-Awtorita' rat il-paragrafi 4, 9, 13, 34 u 44 tat-Tielet Skeda, il-Ħames Skeda u l-artiklu 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir, hija mponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ elf, mija u erbgha u sittin Euro (€1,164) ekwivalenti għal ħames mitt Lira Maltija (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar. L-Awtorita' ddiriġiet wkoll lil TVM biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin prinċipali ta’ l-aħbarijiet ta’ TVM mhux aktar tard minn nhar it-Tlieta, 22 t’April 2008.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “Bondi Plus” fuq TVM
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża tal-Kap Esekuttiv dwar il-programm “Bondi Plus” li xxandar fuq TVM fl-24 ta’ Marzu 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li f’dan il-programm kien hemm ksur ta’ paragrafi 13 u 25 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorita' semgħet lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonstatat illi waqt il-programm Bondi Plus ta’ l-24 ta’ Marzu 2008 kien hemm 19-il minuta u 9 sekondi (minflok 12-il minuta) ta’ reklamar bejn id-9.00p.m. u l-10.00p.m., jiġifieri kien hemm aktar minn 7 minuti ta’ reklami milli suppost. Wara li l-Awtorita' rat l-artiklu 41, il-paragrafi 13 u 25 tat-Tielet Skeda u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, inkluż ukoll l-ammissjoni ta’ l-istazzjon, l-Awtorita' nnutat li ksur simili għal dak li jikkonċerna l-eċċess ta’ ħin ta’ reklamar kien is-suġġett ta’ deċiżjoni dan ix-xahar stess u li għalhekk, l-Awtorita' kienet qed timponi penali amministrattiva fl-ammont ta’ elf, mija u erbgħa u sittin Euro (€1,164) ekwivalenti għal ħames mitt Lira Maltija (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar. L-Awtorita' ddiriġiet lill-istazzjon biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin ta’ l-aħbarijiet prinċipali ta’ TVM mhux aktar tard minn nhar it-Tlieta, 22 t’April 2008.
Mario Axiak 18 t’April 2008
Kap Riċerka u Komunikazzjoni Ref 65/01, 56/01
Awtorita' tax-Xandir