Stqarrija Nru: 34/08
Akkuża fir-rigward ta’ “Str82dpoint” fuq One TV
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża tal-Kap Esekuttiv dwar il-programm “Str82dpoint” li xxandar fuq One TV fil-15 ta’ Novembru 2007.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafu 13.1.3 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika ta’ l-2007 li japplikaw għall-Bullettin ta’ l-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti.
Wara li l-Awtorita' semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon u rat il-filmat relattiv, hija ddeċidiet li kien hemm ksur ta’ l-imsemmi disposizzjonijiet hawn fuq imsemmija. Madankollu, peress li din kienet l-ewwel darba li sar tali ksur u li l-Awtorita' eventwalment ikkjarifikat id-disposizzjoni in kwistjoni, l-Awtorita' ddeċidiet, wara li rat l-artikolu 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir, li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward tal-Programm ‘Montage’
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “Montage” li xxandar fuq TVM fit-12 ta’ Jannar 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon u rat il-filmat relattiv, hija kkonkludiet li kien hemm reklamar b’ingann u nuqqas ta’ separazzjoni bejn kontenut editorjali u r-reklamar meta l-preżentatriċi identifikat lill-mistiedna ma’ l-istabbiliment li fihom huma kienu jaħdmu. B’hekk l-irkejjen informattivi saru reklamatorji.
Wara li l-Awtorità rat l-artikolu 41 u l-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir u dan wara li l-Awtorità nnutat illi din kienet l-ewwel darba li dan il-programm kien instab ħati ta’ ksur ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Akkuża fuq Ilment tas-Sur Lou Bondi dwar il-Programm “Bidu Ġdid” fuq One TV
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Esekuttiv fuq ilment tas-Sur Lou Bondi dwar il-programm “Bidu Ġdid” tal-15 ta’ Frar 2008.
Fl-ilment tiegħu Lou Bondi lmenta li dritt ta’ risposta li huwa kien bagħat lil One TV ma kinitx inġarret.
Wara li l-Awtorità semgħet lill-istazzjon u lis-Sur Bondi, hija kienet tal-fehma li dik il-parti tad-dritt tar-risposta li ma kinitx tikkonċerna l-programm li dwaru sar l-ilment ma kellhix tinqara. Mill-banda l-oħra, l-Awtorità kkonkludiet li dwar it-tliet punti l-oħra li għamel Lou Bondi fid-dritt ta’ risposta tiegħu – ladarba dawn kienu b’risposta għal dak li ntqal fuqu waqt il-programm u li ma jirriżultax li jiksru xi disposizzjoni tal-liġi – dawn kellhom jixxandru.
Għalhekk, l-Awtorità qed tat direttiva lil One News sabiex mhux aktar tard minn nhar is-Sibt, 12 t’April 2008 ixxandar bħala l-aħħar item fil-bullettin prinċipali ta’ One TV din l-istqarrija li ġejja:
Lou Bondi jagħmel referenza għall-programm “Bidu Ġdid” li xxandar fuq One TV fil-15 ta’ Frar 2008 u jiddikjara illi:
huwa mhux qed jagħmel l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista. Anzi, għall-kuntrarju, il-mistoqsijiet ta’ Lou Bondi huma attentat biex jikkjarifikaw il-politika tal-Partit Laburista;
mhux veru li Lou Bondi għandu strateġija ta’ koordinament ma’ ġurnalisti oħra u li qed jaħdem id f’id magħhom; u
mhux veru li Lou Bondi pprova jintimida lil Pierre Cachia.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “Ma’ Gloria” fuq NET TV
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar il-programm “Ma’ Gloria” tat-3 ta’ Jannar, 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li f’dan il-programm kien hemm ksur tal-paragrafi 4, 9 u 13 tat-Tielet Skeda ta’ l -Att dwar ix-Xandir skond ma jirriżulta mir-rapport.
Wara li l-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon hija kkonkludiet li l-akkuża ġiet ippruvata fil-każ tal-paragrafu 13 tat-Tielet Skeda jiġifieri li ma żamx distakk ta’ 20 minuta bejn batch ta’ reklami u ieħor. Wara li l-Awtorità nnutat li din kienet l-ewwel darba li sar tali ksur f’dan il-programm, wara li rat l-artikolu 41 u l-paragrafu 13 tat-Tielet Skeda hija widbet lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “Sellili” fuq NET TV
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar il-programm “Sellili” tas-17 u t-18 ta’ Diċembru, 2007 fuq NET TV.
Fl-akkuża ġie allegat li f’dan il-programm kien hemm ksur ta’ l-artikolu 15 u tal-paragrafi 4, 9, 13, 20(c), 40 u 44 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir kif ukoll paragrafi 4.1 u 10.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika ta’ l-2007 dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir.
Wara li l-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon u rat il-filmat relattiv hija kkonkludiet li kien hemm ksur tal-paragrafi 13, 20(c), 40 u 44 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir kif jissemmà fil-monitoring report. Wara li l-Awtorità rat l-artikolu 41 u l-paragrafi 13, 20(c), 40 u 44 tat-Tielet Skeda u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, hija imponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ elf, mija u erbà u sittin Euro (€ 1,164) ekwivalenti għall-Ħames mitt Lira Maltija (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mil-lum.
L-Awtorità qed tidderiġi lil NET TV biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bulettin prinċipali ta’ l-aħbarijiet ta’ NET TV mhux aktar tard min nhar it-Tnejn, 14 t’April, 2008.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “Eva” fuq NET TV
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar il-programm “Eva” tas-7 ta’ Jannar, 2008 fuq NET.
Fl-akkuża ġie allegat li f’dan il-programm kien hemm ksur tal-paragrafi 4, 9 u 13 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir skond ma jirriżulta mir-rapport anness.
Wara li l-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon u rat il-filmat relattiv, l-Awtorità kkonkludiet li l-akkuża ġie ppruvata. Għalhekk l-Awtorità wara li rat l-artikolu 41 u l-paragrafi 4, 9 u 13 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir widbet lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Mario Axiak 14 t’April, 2008
Kap Riċerka u Komunikazzjoni