Akkużi

Media Release 34/07

 

Akkuża fir-rigward tal-Programm “Teleshopping”

 

L-Awtorita’ kellha quddiemha akkuża tal-Kap Esekuttiv dwar il-programm “Teleshopping” li xxandar fit-18 ta’ Mejju, 2007 fuq One TV.

Fl-akkuża ġie allegat illi f’dan il-programm kien hemm ksur tal-paragrafu 34 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir u ċjoe’ li l-istazzjon ma’ segwiex ir-regolamenti dwar telebejgħ, speċifikament:

1.    Li ma jingħatawx l-indirizzi jew informazzjoni li tindika lit-telespettatur fejn jinsab il-ħanut.

2.    L-obbligu li jingħataw il-prezzijiet kollha tal-prodotti mibjugħa.

L-Awtorita’ semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon u rat il-filmat relattiv.

Peress illi l-akkuża ma ġietx ikkontestata mill-istazzjon u li l-istess stazzjon ammetta l-akkuża, l-Awtorita’ sabet li l-akkuża ġiet ippruvata.  Għalhekk wara li l-Awtorita’ rat il-paragrafu 34 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, il-Ħames Skeda ta’ l-istess Att u l-artikolu 41 tal-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorita’ imponiet penali fl-ammont ta’ erba’ mitt lira (Lm400) liema penali trid titħallas fi żmien xahar.  Sunt ta’ din id-deċiżjoni għandu jinqara fil-bulettin ta’ l-aħbarijiet ta’ One News.
 


Akkuża fir-rigward ta’ 118 fuq TVM

 

L-Awtorita’ kellha quddiemha akkuża dwar il-programm 118 ta’ l-1 ta’ Mejju 2007.

Fl-akkuża ġie allegat illi f’dan il-programm kien hemm ksur tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir u l-paragrafu 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttiva ta’ l-2007 dwar Reklamar, Sponsorship u Teleshopping ta’ Xorb Alkoħoliku.

Wara li l-Awtorita’ rat il-filmat relattiv u semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon hija sabet ksur tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir peress li sar reklam għall-cuff links li jinxtraw mill-magazine “118” kif ukoll kien hemm ksur tal-paragrafi 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar, Sponsorship u Teleshopping ta’ Xorb Alkoħoliku.  Dan peress illi waqt il-programm deher flixkun ta’ l-inbid li kien identifikabbli.  Għalhekk l-Awtorita’ kkonkludiet li kien hemm ksur tad-disposizzjonijiet hawn fuq imsemmija u wara li rat l-artikolu 41, il-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir u l-Ħames Skeda tal-Att dwar ix-Xandir u il-paragrafu 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttiva ta’ l-2007 dwar Reklamar, Sponsorship u Teleshopping ta’ Xorb Alkoħoliku, hija mponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ sitt mitt Lira (Lm600) u dan wara li nnutat li dak il-programm kiser il-liġi diversi drabi oħra fil-passat.  L-Awtorita’ iddiriġiet lill-istazzjon biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bulettin prinċipali tal-aħbarijiet.

 

Mario Axiak                                                                                                                                                                    20 ta’ Lulju, 2007
Kap Komunikazzjoni u Riċerka
Awtorita’ tax-Xandir