Akkuża fir-rigward tal-Programm “Dejjem Tiegħek Becky” fuq TVM

Media Release 33/07


Akkuża fir-rigward tal-Programm “Dejjem Tiegħek Becky” fuq TVM

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programmi “Dejjem Tiegħek Becky” li xxandru fuq TVM fid-29 ta’ April, 6 u 13 ta’ Mejju u 3 ta’ Ġunju 2007.

Fl-akkuża ġie allegat li kien jirriżulta li f’dawn il-programmi kien hemm ksur tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.

Wara li l-Awtorità rat il-filmati u eżaminat id-dokumenti relattivi, kif ukoll semgħet lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonkludiet li f’din is-serje ta’ drama sar reklamar b’ħabi publiċitarju għall-isptar Mater Dei f’dawn l-erba’ episodji u dan mingħajr ma kien hemm separazzjoni bejn il-kontenut editorjali u r-reklam innifsu, b’mod li t-telespettatur seta’ faċilment jitħawwad. Fil-fatt, f’dawn il-programmi l-istazzjon ma llimitax ruħu li jiffilmja fl-Isptar Mater Dei li fih innifsu ma kienx ikun oġġezzjonabbli, iżda għażel li jintroduċi elementi pubbliċitarji li marru lil hinn mis-sempliċi iffilmjar fl-Isptar. Terġa’, l-element pubbliċitarju ma ġiex indikat bħala tali, anzi ġie integrat fl-iscript  ta’ dawn l-erba’ episodji.

Wara li l-Awtorità rat l-artikolu 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir u l-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda, u nnutat li tul dawn l-aħħar sentejn ma kienx hemm ksur tal-liġi fil-programm ‘Dejjem Tiegħek Becky’, hija ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.

 

Mario Axiak                                                                                                                                                                     12 ta’ Lulju 2007
Kap Riċerka u Komunikazzjoni
Awtorità tax-Xandir