Akkuża fir-rigward tal-Programm B’Kull Dritt

Stq: 30/07

 

Akkuża fir-rigward tal-Programm B’Kull Dritt

 

L-Awtorita’ kellha quddiemha akkuża tal-Kap Esekuttiv dwar il-programm B’Kull Dritt li xxandar fuq Smash TV fid-9 ta’ Mejju, 2007.

Fl-akkuża ġie allegat li f’dan il-programm kien hemm ksur tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika ta’ l-2007 Biex Tinġib ‘il Quddiem l-Ugwaljanza Razzjali u b’mod partikolari tal-paragrafi 4.2, 5.1 u 5.3 tagħhom.  Dawn il-paragrafi jaqraw kif ġej:

“Trid tinħarab terminoloġija razzista. Billi kummenti bla ħsieb jew dehriet stereotipati jistgħu jweġġgħu, dawn għandhom jiddaħħlu biss fejn u meta jiġġustifikaw il-kuntest tal-programm.“

”Trid tinħarab il-preżentazzjoni jew id-dehra ta’ nies  li tista’ b’xi mod tħeġġeġ tmaqdir jew diskriminazzjoni kontra xi ħadd jew xi qasam tal-komunita’ minħabba razza, etniċita’, nazzjonalita jew kulur. Dan mhux maħsub biex ma jixxandarx materjal li hu fattwali jew  biex ma tinstamax opinjoni ġenwina fl-aħbarijiet jew programmi dwar affarijiet kurrenti jew f’xi kuntest ieħor leġittmu ta’ xi xogħol umoristiku, satiriku jew drammatiku.“

“Li tibqa’ imparzjali meta ssemmi inċidenti ta’ mibegħda razzjali jista’ jagħti wieħed x’jifhem li tkun qed taqbel magħhom. Għaldaqstant ix-xandara kollha għandhom jagħmlu l-qagħda tagħhom ċara kontra d-diskriminazzjoni razzjali.“

Wara li l-Awtorita’ nnutat illi l-producer tal-programm ammetta l-akkuża u ħallas il-penali amministrattiva relattiva, l-Awtorita’ iddeċidiet li ma tieħux aktar konjizzjoni ta’ din l-akkuża.

 

Mario Axiak                                                                                                                                                                     4 ta’ Lulju, 2007 
Kap Komunikazzjoni u Riċerka
Awtorita’ tax-Xandir