Media Release 29/08
Konferenza Stampa ta’ l-Awtorita' tax-Xandir
Skond l-iskema ta’ xandiriet għall-elezzjonijiet ġenerali u għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, l-Awtorita' llum kellha tirrekordja konferenza stampa mogħtija mill-Partit Laburista. Il-kelliem f’isem il-Partit Laburista kellu jkun il-Kap tal-Partit, Dr Alfred Sant.
Bħalma jiġri fil-każ ta’ kull konferenza stampa f’din l-iskema, l-Awtorita' tistieden lill-media li jkun imisshom jipparteċipaw fil-konferenza sabiex jinnominaw ġurnalist akkreditat. Hija l-prassi ta’ l-Awtorita' li f’dawn il-konferenzi stampa ġurnalisti li huma kandidati għall-elezzjonijiet ġenerali jew, jekk ikun il-każ, għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fil-konferenzi stampa. Din il-kundizzjoni hija mniżżla b’mod speċifiku fir-Regolamenti dwar Xandiriet għall-Elezzjonijiet Ġenerali u għall-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali 2008. Dawn ir-Regolamenti ntbagħtu lill-partijiet kollha konċernati, inkluż il-partiti politiċi u ġew ċċirkolati bħala Press Release Nru 10/08 tas-7 ta’ Frar 2008.
Għall-konferenza stampa tal-lum il-Media.link Communications Co. Ltd. kienu nfurmaw lill-Awtorita' tax-Xandir li l-ġurnalista li kienet se tirrapreżentahom kellha tkun is-Sinjorina Amanda Ciappara. Iżda ftit qabel ma kellu jibda r-rekording, l-Awtorita' ġiet mgħarrfa illi s-Sinjorina Ciappara ma setgħetx tattendi u li kellu jintbagħat ġurnalist/a ieħor. Sussegwentement, ippreżenta ruħu fil-bini ta’ PBS Ltd Dr Jeffrey Pullicino Orlando bħala l-ġurnalista in kwistjoni.
L-Awtorita' spjegat lil Dr Pullicino Orlando li, skond ir-regolamenti ta’ l-Awtorita' stess, huwa ma setax jipparteċipa fil-konferenza stampa, u peress li huwa rrifjuta li joħroġ mill-istudio, ir-rekording ma setax isir.
L-Awtorita' qiegħda f’kuntatt mal-partijiet konċernati biex il-konferenza stampa tixxandar għada fuq TVM.
Mario Axiak 3 ta’ Marzu 2008
Kap Riċerka u Komunikazzjoni
Awtorita' tax-Xandir