Stqarrija 28/07
Peress li f’dawn l-aħħar ġranet dehru xi artikli f’ġurnali lokali dwar il-pożizzjoni li kienet qed tieħu l-Awtorita' tax-Xandir dwar il-programm Xarabank li għandu jixxandar nhar il-Ġimgħa, 29 ta’ Ġunju 2007 mill-isptar Mater Dei fil-jum taċ-ċerimonja ta’ l-inawgurazzjoni tiegħu, l-Awtorita' tixtieq tiċċara dan li ġej.
Wara li kien ħa nota ta’ l-informazzjoni li kienet qed tingħata fil-promo ta’ dan il-programm matul il-ġimgħa li għaddiet, u ċjoe’ li ċ-ċerimonja ta’ l-inawgurazzjoni kienet se tiġi trasmessa diretta waqt il-programm Xarabank u li l-preżentatur kien qed jistieden grupp ta’ nies sabiex waqt il-programm idawwarhom ma’ l-isptar il-ġdid, il-Kap Esekuttiv ta’ l-Awtorita' deherlu li, b’mod kawtelatorju, kellu jiġbed l-attenzjoni taċ-Chairman tal-Bord Editorjali tal-PBS għall-preokkupazzjonijiet segwenti:
• li peress li l-Kap Esekuttiv kien qed jifhem li ma kinitx il-policy editorjali ta’ l-istazzjon li jxandar b’mod dirett ċerimonja ta’ inawgurazzjoni ta’ proġetti pubbliċi, il-programm kif imħabbar kien se jikser din il-policy
• li peress li l-kumpanija Where’s Everybody kienet ħadet kuntratt sabiex tipproduċi r-reklami għat-televiżjoni dwar il-faċilitajiet li jeżistu ġewwa l-isptar il-ġdid, allura l-preżentatur seta’ kellu kunflitt ta’ interess, kemm wieħed editorjali kif ukoll wieħed kummerċjali, kemm il-darba kien jipproduċi programm fil-forma li kien qed iħabbar. Għalhekk dan seta’ jkollu effett fuq l-imparzjalita’ li biħa irid jittella’ programm ta’ ġrajjiet kurrenti fuq ix-xandir pubbliku
• li pero’ ma kienx ikun hemm oġġezzjoni li jsir programm b’diskussjoni fl-istudjo dwar l-isptar il-ġdid sakemm din tkun waħda bilanċjata u li fiha ikun hemm rappreżentati l-partijiet kollha konċernati.
Il-Bord Editorjali sussegwentement informa lill-Kap Esekuttiv li wara li kien xtarr l-ittra tiegħu
• kien iddeċieda li t-trasmissjoni tal-ftuħ uffiċjali ta’ l-isptar kellha tiġi sseparata mill-programm Xarabank, li x-xandir dirett tal-ftuħ ta’ l-isptar Mater Dei hu avveniment nazzjonali ta’ proġett li se jsir għall-poplu kollu u l-Bord Editorjali kien ħa nota tal-fatt li fl-imgħoddi inawgurazzjoni ta’ proġetti kbar ta’ servizz pubbliku ġieli ġew imxandra fuq ix-xandir nazzjonali
• li l-programm Xarabank li se jsir dakinhar mhux se jkun wieħed ta’ natura kontroversjali
Id-Dipartiment tal-Monitoring naturalment issa jivverifikaw il-programm u jekk ikun il-każ, il-Kap Esekuttiv jieħu dawk il-passi kollha opportuni kontra l-istazzjon skond il-liġi.
Mario Axiak 27 ta’ Ġunju 2007
Kap Komunikazzjoni u Riċerka Ref 13/91
Awtorita' tax-Xandir