Media Release 25/07
Akkuża fir-rigward ta’ “Għandi Pjaċir” fuq TVM
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “Għandi Pjaċir” li xxandar fit-18 t’April 2007 fuq TVM.
F’din l-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur ta’ l-artikolu 13(2)(a) ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorita' rat il-filmat relattiv u semgħet anki lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija kienet tal-fehma li l-kliem li ntuża f’dan il-programm kien joffendi l-gosti tajbin u s-sentiment reliġjuż. Għalkemm il-kelliema fil-programm ippruvat tixxokja lill-udjenza, l-Awtorita' hi tal-fehma li hija marret ferm oltre minn dan b’dan li hija ma kinitx sensittiva biżżejjed għal dak li tipprovdi l-liġi.
Għalhekk, wara li l-Awtorita' rat l-artikoli 13(2)(a) u 41 u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, hija mponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ ħames mitt Lira Maltija (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mil-lum. L-Awtorita' ddiriġiet lill-istazzjon biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin prinċipali ta’ TVM.
Akkuża fir-rigward ta’ “L-Ispjun” fuq TVM
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “L-Ispjun” li xxandar fl-4 t’April 2007 fuq TVM.
Fl-akkuża ġie allegat li f’dan il-programm kien hemm ksur tal-paragrafi 24 u 25 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorita' semgħet l-ammissjoni ta’ l-istazzjon u ħadet ukoll in konsiderazzjoni li dan il-programm kiser fil-passat id-disposizzjonijiet ta’ l-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorita' hija tal-fehma li l-akkuża ġiet ippruvata fis-sens li f’dan il-programm kien hemm aktar minn 12-il minuta ta’ reklamar bejn id-9.00p.m. u l-10.00p.m. u l-11p.m. u nofs il-lejl.
Għalhekk, wara li l-Awtorita' rat l-artikolu 41, il-paragrafi 24 u 25 tat-Tielet Skeda u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, hija mponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ ħames mitt Lira (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mil-lum. L-Awtorita' ordnat ukoll li sunt ta’ din id-deċiżjoni tinqara fil-bullettin ta’ l-aħbarijiet prinċipali ta’ TVM.
Akkuża fir-rigward ta’ “L-Ispjun” fuq TVM
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “L-Ispjun” li xxandar fil-11 t’April 2007 fuq TVM.
Fl-akkuża ġie allegat li f’dan il-programm kien hemm ksur tal-paragrafi 24 u 25 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorita' semgħet l-ammissjoni ta’ l-istazzjon u ħadet ukoll in konsiderazzjoni li dan il-programm kiser fil-passat id-disposizzjonijiet ta’ l-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorita' hija tal-fehma li l-akkuża ġiet ippruvata fis-sens li f’dan il-programm kien hemm aktar minn 12-il minuta ta’ reklamar bejn l-10.00p.m. u l-11.00p.m. u l-11p.m. u nofs il-lejl.
Għalhekk, wara li l-Awtorita' rat l-artikolu 41, il-paragrafi 24 u 25 tat-Tielet Skeda u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, hija mponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ ħames mitt Lira (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mil-lum. L-Awtorita' ordnat ukoll li sunt ta’ din id-deċiżjoni tinqara fil-bullettin ta’ l-aħbarijiet prinċipali ta’ TVM.
Akkuża fir-rigward ta’ “Tista’ Tkun Int” fuq TVM
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “Tista’ Tkun Int” li xxandar fit-12 t’April 2007 fuq TVM.
Fl-akkuża ġie allegat li f’dan il-programm kien hemm ksur tal-paragrafi 24 u 25 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
L-Awtorita' nnutat ukoll illi din ma kinitx l-ewwel darba li dan il-programm kiser din il-parti ta’ l-Att dwar ix-Xandir fejn jidħol ħin ta’ reklamar permess f’siegħa orarja u li f’dan il-każ il-ħin ta’ 12-il minuta ta’ reklamar inqabez bejn l-10.00 u l-11.00p.m. bi kważi d-doppju (21 minuta u 13-il sekonda).
L-Awtorita' għalhekk wara li rat l-artikolu 41, il-paragrafu 24 u 25 tat-Tielet Skeda u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir iddeċidiet li timponi penali amministrattiva fl-ammont ta’ sitt mitt Lira Maltija (Lm600) liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mil-lum. Sunt ta’ din id-deċiżjoni għandu jinqara fil-bullettin prinċipali ta’ l-aħbarijiet ta’ TVM.
Akkuża fir-rigward ta’ Reklamar Eċċessiv: “Kalamita” fuq One TV
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża dwar il-programmi “Kalamita” li xxandru fuq One TV fil-11 u fid-19 t’April 2007.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafi 24 u 25 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorita' rat il-filmat relattiv u semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonkludiet li fiż-żewġ programmi t-12-il minuta ta’ reklamar f’siegħa orarja inqabżu. Wara li rat l-artikolu 41, il-paragrafu 24 u 25 tat-Tielet Skeda u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, hija mponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ erba’ mitt Lira Maltija (Lm400), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mil-lum. L-Awtorita' dderiġiet ukoll lill-istazzjon biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin prinċipali ta’ l-aħbarijiet.
Akkuża fir-rigward ta’ “Kalamita”
fuq One TV
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “Kalamita” li xxandar fuq One TV fl-10 t’April 2007.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafu 34 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorita' rat il-filmat relattiv u semgħat lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonkludiet li waqt il-programm kienu qed jingħataw l-indirizzi ta’ l-istabbilimenti nvoluti fil-programm tat-teleshopping. Għalhekk, wara li l-Awtorita' rat l-artikolu 41, il-paragrafu 34 tat-Tielet Skeda u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, hija mponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ erba’ mitt Lira Maltija (Lm400), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mil-lum. L-Awtorita' dderiġiet ukoll lill-istazzjon biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin prinċipali ta’ l-aħbarijiet.
Akkuża fir-rigward ta’ Reklamar Eċċessiv: “Kalamita Weekend”
fuq One TV
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “Kalamita Weekend” li xxandar fuq One TV fil-21 t’April 2007.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafi 24 u 25 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorita' rat il-filmat relattiv u semgħat kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonkludiet li f’dan il-programm it-12-il minuta ta’ reklamar f’siegħa orarja nqabżu. Għalhekk, l-Awtorita' ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir in vista tal-fatt li din kienet l-ewwel darba li dan il-programm instab ħati ta’ ksur tal-liġi tax-xandir.
Akkuża fir-rigward ta’ “One Breakfast” fuq One TV
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “One Breakfast” li xxandar fuq One TV fl-10 t’April 2007.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorita' rat il-filmat relattiv u semgħet kemm lill-istazzjon u lill-Kap Esekuttiv, hija kkonkludiet li l-akkuża ġiet ippruvata. Madankollu, peress li din kienet l-ewwel darba li sar tali ksur tal-liġi, wara li l-Awtorita' rat il-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda, l-artikolu 41 u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorita' widbet lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “Flimkien ma’ Herman u Frida” fuq Smash TV
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “Flimkien ma’ Herman u Frida” li xxandar fuq Smash TV fid-9 t’ April 2007.
Fl-akkuża ġie allegat illi kien hemm ksur tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorita' rat il-filmat relattiv u semgħat lill-istazzjon, hija kienet tal-fehma illi f’dan il-programm kien hemm element kummerċjali u mhux element informattiv peress li l-feature dwar pubblikazzjoni li tagħti tagħrif dwar programmi fuq ir-radju u t-televiżjoni kien aktar intiż biex jippromwovi dik il-pubblikazzjoni aktar milli l-programmi li jissemmew fl-istess pubblikazzjoni.
Wara li l-Awtorita' rat l-artikolu 41, il-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorita' widbet lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward ta’ 7 News fuq Smash TV
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża dwar 7 News tal-5 t’April 2007.
Fl-akkuża ġie allegat illi kien hemm ksur ta’ l-artikolu 13(2)(f) ta’ l-Att dwar ix-Xandir u dan peress li l-Editorjali kien parzjali.
Wara li l-Awtorita' semgħet lill-istazzjon u nnutat li fil-passat kemm ilu jixxandar dan l-editorjali qatt ma kien hemm każijiet ta’ ksur tal-liġi tax-xandir f’dan l-editorjali, l-Awtorita' xorta kienet tal-fehma li f’dan il-każ partikolari l-editorjali naqas li jirrispetta d-disposizzjonijiet ta’ l-artikolu 13(2)(f) ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorita' rat l-artikoli 13(2)(f) u 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir u l-Ħames Skeda ta’ l-istess Att u nnutat li l-istazzjon huwa editorjalment responsabbli għal dak li jixxandar, l-Awtorita' ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jerġax jirrepeti tali aġir.
Akkuża fir-rigward ta’ NET News fuq NET TV
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża dwar NET News tat-18 ta’ Marzu 2007 fuq NET TV.
Fl-akkuża ġie allegat li f’dan il-programm kien hemm ksur tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorita' rat il-filmat relattiv u semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonkludiet li f’parti minn feature fl-aħbarijiet ta’ NET TV kien hemm element ta’ reklamar għal aġenzija ta’ l-ivvjaġġar partikolari. Għalhekk, wara li l-Awtorita' rat l-artikolu 41, il-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, hija ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “Kollox Sibt” fuq NET TV
L-akkuża kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “Kollox Sibt” li xxandar fl-24 ta’ Marzu 2007 fuq NET TV.
Fl-akkuża ġie allegat li f’dan il-programm kien hemm ksur tal-paragrafi 24 u 25 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorita' rat il-filmat relattiv u semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata. Għalhekk, wara li rat l-artikolu 41, il-paragrafi 24 u 25 tat-Tielet Skeda u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, hija widdbet lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “Sellili” fuq NET TV
L-akkuża kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “Sellili” li xxandar fit-18 t’April 2007 fuq NET TV.
Fl-akkuża ġie allegat li f’dan il-programm kien hemm ksur tal-paragrafi 24 u 25 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorita' rat il-filmat relattiv u semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata. Għalhekk, wara li rat l-artikolu 41, il-paragrafi 24 u 25 tat-Tielet Skeda u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, hija widdbet lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Mario Axiak 24 ta’ Mejju 2007
Kap Komunikazzjoni u Riċerka
Awtorita' tax-Xandir