Jintlaħaq Ftehim bejn il-Malta Football Association u Tliet Stazzjonijiet tax-Xandir dwar ir-Rappurtaġġ tal-Logħob tal-Futbol

Stqarrija 24/07

Stqarrija għall-Media

 


Jintlaħaq Ftehim bejn il-Malta Football Association u Tliet Stazzjonijiet tax-Xandir

dwar ir-Rappurtaġġ tal-Logħob tal-Futbol


L-Awtorita' tax-Xandir bi pjaċir tħabbar li ntlaħaq ftehim bejn il-Malta Football Association u l-istazzjonijiet tax-xandir immexxija mill-Public Broadcasting Services Ltd., il-media.link Communications Co. Ltd. u l-One Productions Ltd. dwar ir-rappurtaġġ, kemm fuq l-istazzjonijiet televiżivi kif ukoll dawk tar-radju, tal-logħbiet tal-futbol, inkluż dawk tat-tim nazzjonali Malti, li jintlagħbu taħt id-direzzjoni ta’ l-MFA. Dan il-ftehim intlaħaq wara proċess ta’ medjazzjoni li tmexxa mill-Awtorita' tax-Xandir iżda wkoll bir-rieda tajba tal-partijiet kollha involuti.

Fil-qosor, il-ftehim jinkludi l-arranġamenti li jidhru hawn taħt:

•    L-Awtorita' tax-Xandir bi ħsiebha tistabbilixxi, bis-saħħa ta’ avviż legali, d-dritt għax-xandara kollha li jipprovdu rappurtaġġ fil-qosor (short news reporting) dwar avvenimenti importanti għas-soċjeta’ Maltija, anki meta id-drittijiet esklussivi għax-xandir ta’ avveniment ta’ dan it-tip ikunu ngħataw lil xi xandar partikolari. F’dan il-kuntest ix-xandara kollha jkollhom ukoll id-dritt li jxandru bla ħlas filmat qasir ta’ l-avveniment sakemm dan ma jkunx itwal minn 90 sekonda u sakemm dan jintwera biss f’bullettin ta’ l-aħbarijiet. Provvedimenti bħal dawn diġa’ jeżistu f’Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa (Convention on Transfrontier Television) u l-Awtorita' tax-Xandir diġa’ ppubblikat abbozz ta’ l-Avviż Legali meħtieġ għal skop ta’ konsultazzjoni pubblika. Fil-ftehim in kwistjoni, il-partijiet kollha qablu li jintrabtu b’dawn il-provvedimenti sa mid-data tal-ftehim

•    l-MFA qablet li, fil-każ ta’ programmi sportivi mtella’ mit-tliet xandara, tagħti d-dritt li waqt dawn il-programmi jkunu jistgħu jintwerew siltiet importanti mil-logħbiet tal-futbol tal-kompetizzjoni lokali kif ukoll minn dawk li jintlagħbu mit-tim nazzjonali Malti, sakemm dawn ma jkunux itwal minn 180 sekonda għal kull partita u sakemm ukoll dawn il-filmati ma jintużawx bħala skuża għal kummenti li jkunu joffendu l-players u l-uffiċjali tal-partita, l-uffiċjali tal-clubs u ta’ l-Assoċjazzjoni. Għal dan id-dritt ix-xandara se jipprovdu lill-MFA b’kumpens finanzjarju xieraq li ġie stabbilit wara li ttieħdu in kunsiderazzjoni numru ta’ fatti, inkluż il-fatt li matul dan l-istaġun tal-futbol l-MFA allokat id-drittijiet għax-xandir, kemm b’mod dirett kif ukoll b’mod diferit, ta’ xi logħbiet tal-futbol, anki dawk tat-tim nazzjonali, lil xandara oħra

•    l-MFA qed tagħti ukoll lix-xandara in kwistjoni d-dritt li jxandru b’mod diferit il-logħob li t-tim nazzjonali Malti jilgħab hawn Malta stess. Min naħa tagħhom ix-xandara se jipprovdu lill-MFA bla ħlas numru ta’ spots promozzjonali kull meta t-tim nazzjonali Malti jkun se jilgħab logħob kompetittiv f’Malta stess. Dan għandu jgħin sabiex jiżdiedu l-attendenzi u allura l-prestazzjoni tat-tim nazzjonali

•    dan il-ftehim għandu jibqa jgħodd sa l-aħħar ta’ l-istaġun tal-futbol 2007-2008.

 

Dr Kevin Aquilina                                                                                                                                                           11 ta’ Mejju 2007
Kap Esekuttiv
Awtorita' tax-Xandir