SMIGĦ TA’ LMENT MILL-PARTIT NAZZJONALISTA KONTRA L-PBS DWAR NUQQAS TA’ RAPPURTAĠĠ TA’ DISKORS TAL-MINISTRU EDWARD SCICLUNA FI BRUSSEL U TA’ STQARRIJA TAL-ISTESS PARTIT FIL-BULLETTIN TAL-AĦBARIJIET TAL-PBS

Stqarrija 20/13

 

SMIGĦ TA’ LMENT MILL-PARTIT NAZZJONALISTA KONTRA L-PBS DWAR NUQQAS TA’ RAPPURTAĠĠ TA’ DISKORS TAL-MINISTRU EDWARD SCICLUNA FI BRUSSEL U TA’ STQARRIJA TAL-ISTESS PARTIT FIL-BULLETTIN TAL-AĦBARIJIET TAL-PBS

 

Illum it-Tlieta, l-Awtorità tax-Xandir kellha fuq l-aġenda tagħha s-smigħ ta’ lment imressaq nhar il-11 ta’ Dicembru 2013 mill-Partit Nazzjonalista dwar allegat nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ diskors li għamel il-Ministru Edward Scicluna fi Brussel nhar il-5 ta’ Dicembru u ta’ stqarrija dwar l-istess suġġett tal-Partit Nazzjonalista.

Dalgħodu, fit-8.30a.m., l-Awtorità kienet infurmata li s-Sur Reno Bugeja, il-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS, kien indispost u ntalab differiment tas-smigħ tal-każ.

Kif inhi l-‘policy’  tal-Awtorità, li ġiet segwita għal numru ta’ snin mal-partiti u l-istazzjonijiet kollha, l-Awtorità, għal din ir-raġuni valida, aċċettat it-talba għal differiment u dan biex jiġi salvagwardjat il-prinċipju ta’ smigħ xieraq minħabba li x-xhieda tas-Sur Bugeja, bħala editur tal-istazzjon u Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet, hija kunsidrata essenzjali biex l-Awtorità tkun tista’ tasal għal deċizjoni ġusta dwar il-każ.

Kieku l-Awtorità m’aċċettatx li jsir dan id-differiment, kienet tkun mhux biss qed tonqos milli tagħti l-faċilità ta’ ‘fair hearing’, imma potenzjalment tesponi ruħha għal proċeduri ġudizzjarji.

Kif sar f’każijiet oħra fil-passat, iż-żewġ partijiet ġew infurmati bil-posponiment tas-smigħ. F’dan il-każ, iż-żewġ partijiet kienu infurmati bl-iżviluppi sal-10.30a.m.

L-Awtorità diġà ffissat is-smigħ ta’ dan il-każ għal nhar il-Ħamis 19 ta’ Diċembru u ż-żewġ partijiet ġew infurmati b’tali data tas-smigħ.

 

Mario Axiak                                                                                                                                                             17 ta' Diċembru 2013

Kap Riċerka u Komunikazzjoni                                                                                                                                                  Ref 85/13