Akkuża fir-rigward tal-Programm Bonġu fuq TVM

Stqarrija 16/08

 

Akkuża fir-rigward tal-Programm Bonġu fuq TVM

 

L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża tal-Kap Esekuttiv dwar il-programm Bongu li xxandar fuq TVM fit-12 ta’ Novembru 2007.

F’din l-akkuża ġie allegat li f’dan il-programm kien hemm ksur ta’ l-artiklu 13(2)(f) ta’ l-Att dwar ix-Xandir li jesiġi li fi programmi mxandra lokalment għandha “tinżamm l-imparzjalita’ dovuta dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrijali jew li għandhom x’jaqsmu ma’ policy pubblika kurrenti”.

L-Awtorita' kkunsidrat l-akkuża waqt numru ta’ seduti, u ċjoe’ waqt is-seduta tat-Tlieta, 4 ta’ Diċembru 2007, meta l-Awtorita' semgħet lir-Registered Editor kif ukoll lill-konsulent legali ta’ l-istazzjon, waqt is-seduta tat-Tlieta, 8 ta’ Jannar 2008, meta dehru l-Kap Esekuttiv u l-konsulent legali ta’ l-istazzjon kif ukoll rappreżentant tal-production house in kwistjoni, is-Sur Nicky Degiorgio, u finalment waqt is-seduta tat-Tlieta, 12 ta’ Frar 2008 meta kienu preżenti l-istess persuni li dehru fil-laqgħa preċedenti kif ukoll ir-Registered Editor il-ġdid ta’ l-istazzjon, Dr Natalino Fenech.

Qabel din l-aħħar laqgħa, l-istazzjon ippreżenta lill-Awtorita' lista ta’ suġġetti li kien ittratta l-opinjonista Dr Frank Portelli fl-edizzjonijiet tal-programm Bonġu ta’ bejn l-1 t’Ottubru 2007 u l-25 ta’ Jannar 2008 kif ukoll diska elettronika bil-kontenut tal-programmi.

Wara li ħadet nota tal-punti li tqajmu mill-partijiet kollha u xtarret l-informazzjoni li kellha għad-disposizzjoni tagħha, l-Awtorita' kkonstatat il-fatti segwenti:

  1. l-Awtorita' m’għandha l-ebda diffikulta’ li, anki waqt programm li ma jkunx programm ta’ ġrajjiet kurrenti, jipparteċipaw persuni li jkunu mistennija jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar ġrajjiet kurrenti, inkluż ġrajjiet kurrenti dwar kontroversja politika, dana iżda sakemm l-opinjonista jirrispetta l-provedimenti relattivi tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, tal-Liġi dwar ix-Xandir u tal-Ħtiġijiet li joħorġu minnha;

  2. l-Awtorita' tesiġi li l-obbligu għall-imparzjalita’ politika fuq ix-xandir pubbliku għandu jkun aktar rigoruż u, ċertament, fi programm fejn jidher opinjonista wieħed tul medda sħiħa ta’ l-istess programm, dan irid joqgħod aktar attent li jkun ibbilanċjat;

  3. l-Awtorita' b’danakollu tifhem li, f’każi bħal dawn, l-opinjonista ġie li jagħżel li jibbilanċja l-kontribut tiegħu fuq firxa ta’ programmi, iżda l-Awtorita' ma tista’ qatt taċċetta li, fi kwalunkwe programm, jintbagħat messaġġ lit-telespettaturi, anki b’mod impliċitu, dwar l-għażla politika li għandu jagħmel it-telespettatur. Fil-każ in kwistjoni, l-Awtorita' tħoss li kien propju dan li ġara, l-aktar bl-intervent tal-preżentatur u dana meta wieħed iqis il-kuntest u d-dibattitu politiku lokali viġenti meta xxandar il-programm.

Għalhekk l-Awtorita' kkonkludiet li l-akkuża ġiet ippruvata u wara li rat l-artikoli 13 (2)(f) u 41 u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, hija ddeċidiet li timponi penali amministrattiva fl-ammont ta’ elf mija u erba’ u sittin Euro (€1,164) ekwivalenti għal ħames mitt Lira Maltija (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar.

 

Mario Axiak                                                                                                                                                                      18 ta’ Frar 2008

Kap Riċerka u Komunikazzjoni                                               

Awtorita' tax-Xandir