Media Release 15/07
Akkuża fir-rigward ta’ Reklamar Eċċessiv: “L-Ispjun” tat-28 ta’ Frar 2007
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Esekuttiv dwar il-programm “L-Ispjun” li xxandar fuq TVM fit-28 ta’ Frar 2007.
Fl-akkuża ġie allegat illi bejn l-10.00p.m. u l-11.00p.m. l-ammont ta’ 12-il minuta ta’ reklamar fis-siegħa nqabeż u dan bi ksur tal-paragrafu 25 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorità semgħet lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonkludiet li l-akkuża tirriżulta u li fil-programm in kwistjoni kien hemm sittax-il minuta ta’ reklamar fis-siegħa orarja ta’ bejn l-10.00p.m. u l-11.00p.m., jiġifieri kien hemm 4 minuti aktar milli suppost. Wara li l-Awtorità rat il-paragrafu 25 tat-Tielet Skeda, l-artikolu 41 u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, hija mponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ ħames mitt Lira Maltija (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar. Sunt ta’ din id-deċiżjoni għandha tinqara fil-bullettin ta’ l-aħbarijiet ta’ TVM mhux aktar tard mill-Ġimgħa, 30 ta’ Marzu 2007.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “L-Ispjun” fuq TVM
Nagħmel referenza għall-monitoring report tal-programm “L-Ispjun” li xxandar fuq TVM fit-12 ta’ Frar 2007.
Fl-akkuża ġie allegat illi kien hemm ksur tad-direttiva ta’ l-Awtorità dwar crawls u captions.
Wara li l-Awtorità rat il-filmat relattiv u semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonkludiet illi l-captions kienu żgħar ħafna u bil-kemm kienu jinqraw. Wara li l-Awtorità nnutat illi l-istazzjon kien ħa l-passi neċessarji wara l-ħruġ ta’ din l-akkuża biex ikabbar il-captions in kwistjoni, wara li rat l-artikolu 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir u d-direttiva dwar il-crawls u captions, hija ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “Health and Wellness TV” fuq Education 22
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “Health and Wellness TV” li xxandar fuq Education 22 fl-14 ta’ Frar 2007.
Fl-akkuża ġie allegat illi kien hemm ksur ta’ l-artiklu 13 (2)(f) ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorità rat il-filmat relattiv u semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, l-Awtorità waslet għall-konklużjoni illi fejn jidħol kontenut ta’ l-intervista li dwarha nħarġet l-akkuża ma jistax jingħad li din kienet parzjali. Għalhekk, l-akkuża ma ġietx ippruvata f’dan is-sens. Mill-banda l-oħra, l-Awtorità trid tassigura illi, waqt kampanja elettorali tal-kunsilli lokali, il-mezzi kollha li jifformaw parti mix-xandir pubbliku b’mod partikolari, m’għandhomx jintużaw b’mod illi xi kandidat jingħata prominenza barra minn lokha, anke jekk it-tematika ma tkunx neċessarjament waħda politika.
Għalhekk, l-istazzjon Education 22 qed jingħata direttiva skond il-Kostituzzjoni ta’ Malta biex jiżgura illi ma jagħtix prominenza barra minn lokha lil kandidati għall-elezzjonijiet tal-kunsill lokali ħalli l-obbligi kostituzzjonali jiġu rispettati. B’danakollu, din id-direttiva ma teskludix il-parteċipazzjoni ta’ politiċi, sindki u kunsilliera meta dawn jitkellmu dwar suġġetti marbuta ma’ l-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom tkun waħda bilanċjata skond ma jitolbu l-Kostituzzjoni u l-Att dwar ix-Xandir.
Akkuża fir-rigward ta’ Reklamar Eċċessiv: “Kalamita” fuq One TV
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Esekuttiv dwar il-programm “Kalamita” li xxandar fuq One TV fl-14 ta’ Frar 2007.
Fl-akkuża ġie allegat li l-ammont ta’ 12-il minuta ta’ reklamar fis-siegħa bejn is-2.00p.m. u t-3.00p.m. u t-3.00p.m. u l-4.00p.m. inqabeż u dan bi ksur tal-paragrafu 25 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorità rat il-log li ppreżenta l-istazzjon tar-reklami u qabblitu ma’ dak tal-monitoring report, irriżulta li l-log ta’ l-istazzjon ma kienx korrett. L-Awtorità nnutat li f’dan il-programm kien hemm żewġ każijiet fejn it-tnax-il minuta ta’ reklamar inqabez. Dawn kienu bejn is-2.00p.m. u t-3.00p.m. u bejn it-3.00p.m. u l-4.00p.m. Fl-ewwel siegħa kien hemm 5 minuti u 15-il sekonda ta’ reklamar aktar milli suppost u fit-tieni siegħa kien hemm 9 minuti u 35 sekonda ta’ reklamar aktar milli suppost. Wara li l-Awtorità rat ukoll il-paragrafu 25 tat-Tielet Skeda, l-artikolu 41 u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, kif ukoll li l-programm “Kalamita” kien instab ħati fit-28 ta’ Novembru 2006 ta’ ksur tat-Tielet Skeda, l-Awtorità imponiet penali fl-ammont ta’ ħames mitt Lira Maltija (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar. L-Awtorità ddiriġiet ukoll lill-istazzjon biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin ta’ l-aħbarijiet prinċipali ta’ One News mhux aktar tard minn nhar il-Ġimgħa, 30 ta’ Marzu 2007.
Akkuża fir-rigward ta’ One News
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar item f’One News li xxandar fuq One TV fl-24 ta’ Frar 2007.
Fl-akkuża ġie allegat illi kien hemm ksur tal-paragrafu 8.14 tal-Ħtiġijiet ta’ l-Awtorità dwar l-Aħbarijiet u l-Ġrajjiet Kurrenti, ta’ l-artikolu 20(3) ta’ l-Att dwar ix-Xandir u ta’ l-artikli 3 u 4 tal-Kodiċi dwar il-Protezzjoni tal-Minuri. Dan għaliex it-tifel li deher fil-filmat ma kellu x’jaqsam xejn ma’ l-item ta’ l-aħbar u wiċċu ma ġiex mgħotti biex ma jiġix identifikat.
Wara li l-Awtorità rat il-filmat relattiv u semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, irriżulta li fil-filmat, għalkemm b’mod inċidentali, deher tifel li seta’ faċilment jiġi identifikat – liema tifel ma kienx is-suġġett tal-filmat relattiv u ma kellux x’jaqsam mas-suġġett ta’ l-aħbar. L-istazzjon informa lill-Awtorità illi wiċċ dan it-tifel ma setax jitgħatta peress li fit-taqsima ta’ l-aħbarijiet l-istazzjon ma kellux l-apparat meħtieġ biex jgħatti wiċċ it-tifel mingħajr ma jgħatti l-kumplament ta’ l-istampa. Għalkemm l-Awtorità mhux qed issib lill-istazzjon ħati ta’ l-akkuża peress li t-tifel, għalkemm jintagħraf, deher b’mod inċidentiali, mill-banda l-oħra l-Awtorità ma tistax taċċetta r-raġuni li l-istazzjon m’għandux l-apparat meħtieġ biex jgħatti wiċċ persuna.
Għalhekk, l-Awtorità qed tgħarraf lill-istazzjon li jekk jerġa’ jkollha każ simili għal dan fejn terza persuna minuri tidher f’xi filmat fl-aħbarijiet u li ma jkollha l-ebda rabta mas-suġġett ta’ l-item ta’ l-aħbar, l-Awtorità mhux se taċċetta l-iskuża li l-istazzjon ma kellux l-apparat meħtieġ biex jipproteġi l-identita’ tat-tfal. Dan peress li għall-Awtorità l-protezzjoni tat-tfal għandha tingħata priorita’ fuq kull konsiderazzjoni ta’ natura teknika u għalhekk l-istazzjon ikun irid jew jgħatti wiċċ il-minuri jew jeditja dik il-parti fejn jidher xi minuri li ma jkun bl-ebda mod konness ma’ l-aħbar.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “M’Intix Waħdek”
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programmi “M’Intix Waħdek” li xxandru fuq Smash TV bejn il-5 ta’ Jannar 2007 u t-2 ta’ Frar 2007.
Fl-akkuża ġie allegat illi kien hemm ksur ta’ l-artikolu 13 (2)(a) u (f), 20 (1) (b), 20(2) u 20(3) ta’ l-Att dwar ix-Xandir u l-Linja Gwida dwar is-Sehem ta’ Nies bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir u l-paragrafi 24 u 25 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorità rat il-filmati relattivi u semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, hija kkonkludiet li kien hemm ksur tal-Linji Gwida dwar is-Sehem ta’ Nies Bla Ħarsien Xieraq peress illi ma saritx il-proċedura tal-pre-screening session u li persuni b’diżabilita’ ġew murija bħala msieken. Għalhekk, l-Awtorità ddeċidiet illi tagħti direttiva lil Smash TV biex jiżgura illi l-programm “M’Intix Waħdek” jimxi mal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika ta’ l-2007 dwar is-Sehem ta’ Nies Bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir, Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 258 ta’ l-2007, billi fost affarijiet oħra, il-producer jiżgura li jwettaq il-proċedura tal-pre-screening session għand l-Aġenzija Appoġġ meta jkun hemm tfal taħt it-tmintax-il sena li jkunu se jipparteċipaw fil-programm; fejn l-istess tfal ikollhom ukoll xi forma ta’ diżabilita’, il-programm għandu jimxi mal-Ħtiġijiet u Prattika ta’ l-2007 dwar id-Diżabilita’ u l-Preżentazzjoni tagħha fix-Xandir, Notifikazzjoni tal-Gvern Numru 260 ta’ l-2007 u, fejn hemm bżonn, għandha tiġi kkonsultata l-Kummissjoni dwar Persuni b’Diżabilita’.
L-istess preżentatur għamel referenza għall-involviment tiegħu fil-politika meta dan m’għandu l-ebda rabta mal-programm. Għalhekk, l-Awtorità qed tagħti direttiva lil Smash TV biex jiżgura li l-preżentatur joqgħod lura milli jagħmel b’mod dirett jew indirett referenza għall-involviment tiegħu fil-politika u m’għandu fl-ebda lok jipprova jieħu gwadann politiku mill-programm “M’Intix Waħdek” u dan konformament ma’ direttiva li l-Awtorità diġa’ tat lil Smash TV dwar programmi ta’ diskussjoni u ta’ ġrajjiet kurrenti.
Dwar l-aħħar parti ta’ l-akkuża, l-Awtorità tinnota li dan il-programm kellu 20 minuta u 30 sekonda ta’ reklamar bejn id-9.00p.m. u l-10.00p.m. fil-programm tad-19 ta’ Jannar 2007 u 16-il minuta u 27 sekonda ta’ reklamar bejn id-9.00p.m. u l-10.00p.m. fil-programm tat-2 ta’ Frar 2007. Wara li l-Awtorità rat il-paragrafu 25 tat-Tielet Skeda, l-artikolu 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir kif ukoll illi din ma kinitx l-ewwel darba li dan il-programm kiser il-liġi, hija ddeċidiet li timponi penali amministrattiva fl-ammont ta’ ħames mitt Lira (Lm500), liema penali amministrattiva għandha titħallas fi żmien xahar. Fin-nuqqas li din il-penali amministrattiva titħallas f’dan iż-żmien hawn fuq imsemmi, l-Awtorità tgħaddi biex tiġbor din il-penali skond il-liġi.
L-Awtorità qed tidderiġi wkoll lil Smash TV biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin prinċipali ta’ l-aħbarijiet sa mhux aktar tard minn nhar il-Ġimgħa, 30 ta’ Marzu 2007.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “The Inheritance”
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programmi “The Inheritance” li xxandru fuq NET TV bejn id-9 ta’ Jannar u s-6 ta’ Frar 2007.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur ta’ l-artikolu 13 (2)(a) ta’ l-Att dwar ix-Xandir peress li dawn il-programmi kellhom fihom kliem u/jew materjal viżiv li jmur kontra l-gosti tajbin u d-deċenza kif ukoll ksur tal-paragrafu 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorità rat il-filmati relattivi u semgħet kemm lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon, l-Awtorità kienet tal-fehma illi l-akkuża ġiet ippruvata. Dan peress li mhux biss kien hemm referenza verbali żejda għall-isem ta’ lukanda lokali iżda talli l-faċċata tal-lukanda dehret b’ċerta prominenza u terġa wkoll inġibdu filmati fl-istess lukanda wara li din għal darba darbtejn kienet ġiet identifikata. Għalhekk, l-Awtorità sabet ksur tal-paragrafu 9 ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Dwar l-akkuża l-oħra dwar nuqqas ta’ gosti tajbin, l-Awtorità hija tal-fehma li, apparti milli intuża xi kliem baxx f’dan il-programm li seta’ ġie faċilment evitat, il-programm tas-6 ta’ Frar 2007 kien imur lil hinn minn sempliċi użu ta’ kliem baxx peress li kien ukoll in bad taste għax joffendi s-sentimenti reliġjużi u dan meta saret referenza għal Marija, Omm Ġesu, b’mod dispreġġattiv. Għalhekk, l-Awtorità kienet tal-fehma li anke din il-parti ta’ l-akkuża ġiet ippruvata.
Wara li rat l-artikolu 13(2)(a), il-paragrafu 9 tat-Tielet Skeda u l-artikolu 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Mario Axiak 29 ta’ Marzu 2007
Kap Komunikazzjoni u Riċerka
Awtorità tax-Xandir