Stqarrija 11/07
Ilment ta’ l-Alternattiva Demokratika dwar “Gianni Borg”
tal-15 ta’ Frar 2007 fuq One TV
L-Awtorita' rat l-ilment ta’ l-Alternattiva Demokratika dwar il-programm Gianni Borg li xxandar fuq One TV fil-15 ta’ Frar 2007. L-Awtorita' nnutat illi l-istazzjon ma rrispondix għal dan l-ilment.
Fl-ilment l-Alternattiva Demokratika tgħid li għalkemm kien hemm mistiedna mill-Partit Nazzjonalista u mill-Partit Laburista u li s-suġġett kien dwar il-kunsilli lokali, hija ma ġietx mistiedna biex tipparteċipa, aktar u aktar li bħalissa l-pajjiż għaddej minn kampanja ta’ elezzjonijiet għall-kunsilli lokali.
L-Awtorita' rat il-filmat relattiv u nnutat li għalkemm l-Alternattiva Demokratika ssemmiet b’mod inċidentali għall-aħħar minn kunsilliera tal-Partit Laburista, ma jistax jingħad li dan il-kumment seta’ pprovoka xi risposta da parti ta’ l-Alternattiva Demokratika tenut kont tal-fatt li dak il-kumment ma kellux kontenut ta’ opinjoni dwar l-Alternattiva Demokratika.
L-Awtorita' rat ukoll illi fi programmi preċedenti ta’ Gianni Borg bħal tas-6, 20 u 27 ta’ Ottubru, ta’ l-10 u tas-17 ta’ Novembru u ta’ l-1 ta’ Diċembru 2006, l-Alternattiva Demokratika kienet ġiet mistiedna u anke pparteċipat f’dawn il-programmi.
L-Awtorita' rat ukoll l-iskema ta’ xandiriet politiċi tagħha fejn l-Alternattiva Demokratika qatt ma tingħata l-istess ħin u faċilitajiet daqs il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista u dan konformament ma‘ sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ Malta fejn fl-allokazzjoni ta’ ħin u faċilitajiet l-Awtorita' tieħu in konsiderazzjoni l-persentaġġ ta’ appoġġ popolari li l-istess partit igawdi fost il-poplu Malti. Mill-informazzjoni li għandha l-Awtorita' jirriżulta illi f’dan il-programm partikolari, f’perijodu ta’ tliet xhur, l-Alternattiva kienet rappreżentata f’sitt programmi u allura mhux il-każ li jingħad li leħen l-Alternattiva Demokratika ma kienx qed jissemma f’dan il-programm fuq One TV.
Mill-banda l-oħra l-Awtorita' tifhem ukoll illi waqt kampanja elettorali u f’programmi ta’ natura politika l-istazzjonijiet kollha, inklużi dawk privati u politiċi, għandhom sa fejn hu possibbli, jiżguraw parteċipazzjoni mill-aktar wiesa’ tad-diversi fehmiet politiċi fl-interess tat-telespettatur u tas-semmiegħ. Għalhekk, l-Awtorita' qed tirrakkomanda lill-istazzjonijiet kollha illi fi programmi politiċi għandu jkun hemm kemm jista’ jkun rappreżentazzjoni wiesa’ tal-firxa ta’ ideat politiċi u tistenna li kull stazzjon jimxi ma’ din ir-rakkomandazzjoni. L-Awtorita' se tkompli ssegwi – bħalma dejjem għamlet – ix-xandir lokali f’dan il-perijodu ta’ kampanja elettorali u tagħti dawk id-direttivi kollha meħtieġa meta u jekk jkun hemm bżonn.
Ilment tal-Partit Nazzjonalista dwar One News tas-6 ta’ Frar 2007
L-Awtorita' kellha quddiemha lment tal-Partit Nazzjonalista dwar l-aħbarijiet ta’ One News li xxandru fis-6 ta’ Frar 2007 u fejn kien intqal, fost ħwejjeġ oħra, li kemm il-Prim Ministru kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista kienu avviċinaw lill-ex Ministru Lawrence Gatt sabiex jikkontesta l-elezzjonijiet tal-kunsill lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-lokalita’ tal-Mosta u li l-Perit Gatt kien irtira l-kandidatura tiegħu ftit qabel ma għalaq iż-żmien meta setgħu jsiru n-nominazzjonijiet. Fl-ilment ġie allegat illi l-istazzjon xandar rapport li kien skorrett meta l-istess stazzjon kien għamel numru ta’ mistoqsijiet lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u t-tweġiba li ngħatat mis-Segretarju Ġenerali ma ġietx rappurtata korrettament.
L-Awtorita' nnutat illi dan l-ilment kien qed isir skond l-artiklu 34 ta’ l-Att dwar ix-Xandir li jipprovdi li persuna interessata tista’ tilmenta ma’ l-Awtorita' jekk hija tingħata trattament inġust jew mhux xieraq fi programm televiżiv. L-Awtorita' rat ukoll id-disposizzjonijiet ta’ l-artikolu 13(2)(b) ta’ l-istess Att li jipprovdi li jkun dmir ta’ l-Awtorita' li tissodisfa lilha nfisha illi l-aħbarijiet kollha mogħtija fil-programmi jiġu preżentati bl-eżattezza dovuta.
Mill-informazzjoni li l-Awtorita' kellha quddiemha rriżulta li l-Partit Nazzjonalista kien qed jikkunsidra l-possibilita’ li jistieden lill-ex Ministru l-Perit Lawrence Gatt biex jikkontesta l-elezzjonijiet tal-kunsill lokali tal-Mosta li għandhom isiru aktar tard dan ix-xahar. Ma rriżultax iżda li l-Partit Nazzjonalista eventwalment avviċina lill-istess Perit Gatt għal dan l-iskop. Fil-fatt jidher li la s-Segretarju Ġenerali, la l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Lawrence Gonzi, u lanqas il-Partit Nazzjonalista b’mod formali ma avviċinaw lill-Perit Gatt.
Għalhekk, l-aħbar li xxandret fil-bullettin ta’ l-aħbarijiet tas-6 ta’ Frar 2007 ma ngħatatx bl-eżattezza dovuta.
Għaldaqstant, l-Awtorita' qed tidderiġi lil One News sabiex fil-bullettin ta’ l-aħbarijiet prinċipali mhux aktar tard mill-Ħadd, 4 ta’ Marzu 2007, jaqra din id-deċiżjoni ta’ l-Awtorita' li għandha tkun biżżejjed biex isservi ta’ rimedju għall-Partit Nazzjonalista.
Akkuża fir-rigward ta’ Programmi tat-Teleshopping
li xxandru fit-8, 9 u 10 ta’ Jannar 2007 fuq Smash TV
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża tal-Kap Esekuttiv fil-konfront ta’ programmi ta’ teleshopping li xxandru fit-8, 9 u 10 ta’ Jannar 2007 fuq Smash TV.
Fl-akkuża ġie allegat illi kien jirriżulta li kien hemm:
- ksur ta’ paragrafu 44 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir peress li ma ssemmitx il-15 days cooling off period;
- ksur tal-paragrafi 30 u 31 ta’ l-istess Tielet Skeda peress illi m’hemmx offerta diretta kif titlob il-liġi.
Wara li l-Awtorita' semg]et lill-Kap Esekuttiv u lill-istazzjon u wara li rat li din kienet l-ewwel darba li sar dan il-ksur minn mindu l-Awtorita' tat l-interpretazzjoni tagħha tad-disposizzjonijiet hawn fuq imsemmija f’Novembru 2006, hija dde`idiet li twiddeb lill-istazzjon skond l-artikolu 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir biex ma jirrepetix tali ksur. Fl-a]]arnett, l-Awtorita' nnutat li l-istazzjon kien [a’ ħa l-passi meħtieġa biex ma jerġax isir tali ksur.
Mario Axiak 2 ta’ Marzu 2007
Kap Komunikazzjoni u Riċerka Ref 13/07, 10/07, 156/01
Awtorita' tax-Xandir