Ċirkulari 7/14
Ċirkulari lill-istazzjonijiet tax-xandir
Issa li l-kampanja tal-Elezzjoni Għall-Parlament Ewropew riesqa lejn l-aħħar fażi tagħha, l-Awtorità tax-Xandir hija tal-fehma li minkejja d-direttiva maħruġa minnha għall-perjodu 11 t’April sal-24 ta’ Mejju u sussegwentement l-interpretazzjoni li kienet komunikata dwar parteċipazzjoni fi programmi minn kandidati u rappreżentanti ta' movimenti u partiti żgħar, jirriżulta li l-iskop tad-direttiva originali mhux qed jintlaħaq għax il-maġġoranza tal-istazzjonijiet ftit li xejn qed jagħtu spazju lil dawn il-kandidati.
Għalhekk ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att Dwar ix-Xandir, l-Awtorita, b’effett immedjat, qed tidderiġi lil kull stazzjon televiżiv b’oġġettiv ta’ interess ġenerali (i.e TVM, TVM2, NET, ONE u Smash TV) biex:
Mhux anqas minn darbtejn fil-ġimgħa jistieden rappreżentanti/kandidati tal-partiti u movimenti li se jikkontestaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Għall-finijiet ta’ kjarifika, l-Awtorità qed tirreferi speċifikament għal Alternattiva Demokratika, Imperium Europa, Alleanza Bidla u Alleanza Liberali.
Tali parteċipazzjoni għandha tkun jew fi programmi ta' diskussjoni jew waqt irkejjen fi programmi oħra li matulhom ikunu qed jiġu ttrattati materji ta' ġrajjiet kurrenti.
Kull intervent ta’ dawn ir-rappreżentanti għandu jkun mhux anqas minn għaxar minuti li matulhom il-kelliema ikunu jistgħu jwasslu l-messaġġi tagħhom b’rabta mal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Fil-każ tal-kandidat indipendenti li qed jikkontesta f’isem il-Partit tal-Ajkla, dan għandu jiġi mistieden ta’ lanqas darba fil-ġimgħa u l-intervent m’għandux ikun anqas minn ħames minuti.
Din l-istess direttiva tgħodd għal dawk ir-radjijiet nazzjonali li jew ixandru programmi ta’ diskussjoni jew magazine programmes li matulhom jiġu ttrattati materji ta' grajjiet kurrenti.
L-Awtorita tisħaq li dan huwa il-minimu rikjest sabiex jiġi żgurat li l-provedimenti tal-Kostituzzjoni u tal-Att Dwar ix-Xandir jiġu osservati. F’każ li stazzjon jonqos li jaderixxi ma’ din id-direttiva nkun kostrett li nieħu l-passi kontemplati fl-Att Dwar ix-Xandir.
Pierre Cassar |
Kap Eżekuttiv |
7 ta’ Mejju 2014 |
Ref 103/03/5 |