Ilmenti

Media Release 07/08

 

Ilment ta’ Alternattiva Demokratika dwar TVM

 

L-Awtorita' kellha quddiemha lment ta’ Alternattiva Demokratika dwar il-programm Bondi Plus tad-19 ta’ Novembru 2007. L-Alternattiva Demokratika ilmentat li għax dan il-programm kien se jkun kollu dedikat għall-Azzjoni Nazzjonali, hija talbet lil TVM li jkollha programm ieħor ta’ Bondi Plus f’din l-iskeda kompletament iddedikata lil Alternattiva Demokratika. Fir-risposta tagħha TVM sostniet li l-Azzjoni Nazzjonali kien partit li għadu kemm twaqqaf u għalhekk sar dak il-programm. L-istazzjon saħaq ukoll li jekk huwa jilqa’ t-talba ta’ l-Alternattiva Demokratika jkun irid jagħti l-istess trattament lill-partiti l-oħra li bħal Alternattiva Demokratika ilhom stabbiliti u ċjoe’ lill-Partit Nazzjonalista u lill-Partit Laburista.

Wara li l-Awtorita' rat l-ilment ta’ l-Alternattiva Demokratika u r-risposta ta’ TVM, kif ukoll semgħet lill-partijiet, hija ddeċidiet li ma kienx hemm każ ta’ żbilanċ. Dan għax l-Alternattiva Demokratika ġiet diversi drabi mistiedna biex tipparteċipa f’programmi ta’ Bondi Plus u l-fatt li sar programm wieħed fejn it-telespettatur sar jaf aktar fuq l-Azzjoni Nazzjonali jrid ukoll jiġi nkwadrat fil-kuntest tal-programmi l-oħra ta’ Bondi Plus fejn l-Alternattiva Demokratika ġiet regolarment mistiedna.

Għaldaqstant, l-Awtorita' ddeċidiet li ma kienx hemm każ ta’ żbilanċ.

 

 

Ilment tal-UHM dwar l-Aħbarijiet ta’ TVM

 

L-Awtorita' kellha quddiemha ilment mill-Union Haddiema Magħqudin dwar nuqqas ta’ coverage fl-aħbarijiet ta’ TVM ta’ diskors ta’ Gejtu Vella, Segretarju Ġenerali tal-UHM, waqt attivita’ tal-Milied tal-Pensjonanti membri fil-UHM. Għal dan l-ilment TVM wieġeb illi fid-diskors tas-Sur Vella ma ngħatawx fatti ġodda u lanqas ntefgħa dawl ġdid fuq fatti magħrufa. Ghalhekk ma kienx hemm il-ħtieġa ta’ rappurtaġġ ta’ dak id-diskors.

Wara li l-Awtorita' rat l-ilment u r-risposta li saret għalih kif ukoll semgħet kemm lill-Union  u lill-istazzjon, hija kkonkludiet li d-diskors tas-Segretarju Ġenerali kellu punti fih li kienu jimmeritaw li jixxandru fil-bullettin prinċipali ta’ l-aħbarijiet ta’ TVM. Għalhekk, l-Awtorita' qed tidderiġi lil PBS Ltd. li jaqra fil-bullettin prinċipali ta’ l-aħbarijiet ta’ TVM, mhux aktar tard minn nhar is-Sibt, 2 ta’ Frar 2008, id-dikjarazzjoni annessa.

 

 

Dikjarazzjoni

 

Wara ilment li sar lill-Awtorita' tax-Xandir mis-Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin, l-Awtorita' ddeċidiet li tilqa’ l-ilment tal-Union u tordna lill-istazzjon TVM biex jaqra sunt ta’ diskors li kien għamel is-sur Gejtu Vella, Segretarju Ġenerali tal-UHM, f’Diċembru 2007. F’dak id-diskors is-Sur Vella nnota li mill-1 ta’ Jannar 2008 kellha tibda tintuża l-munita Ewro, l-akbar munita fid-dinja wara d-dollaru. Il-UHM stqarret li hija minn xhur ilu kienet qed tosserva l-prezzijiet ta’ diversi prodotti u servizzi fejn kien hemm ċaqliq fil-prezzijiet li kellu effett ħażin fuq il-pagi. Filwaqt li l-UHM ferħet lill-Gvern għaż-żidiet mogħtija lill-ħaddiema u lill-pensjonanti fil-budget, il-Union innutat li ż-żieda fil-prezz taċ-ċerejali u taż-żejt laħqu l-għola livell fl-aħħar snin. Quddiem dawn iż-żidiet fil-prezzijiet, il-UHM appellat lill-Gvern biex ikompli jsaħħaħ l-istrutturi tiegħu biex jagħmel riċerka sew dwar prezzijiet li jkunu suspetti u pproponiet ukoll li l-ħaddiema tal-NECC jiġu ngaġġati fid-dipartiment tal-protezzjoni tal-konsumatur. Fl-aħħarnett, il-UHM talbet lill-Gvern li jieħu passi kontra min jinqabad jabbuża. 

 

Mario Axiak                                                                                                                                                                        1 ta’ Frar 2008

Kap Riċerka u Komunikazzjoni                                                                                                                                  Ref 115/07, 118/07 

Awtorita' tax-Xandir