Akkużi dwar Reklamar Politiku fil-konfront ta’ PBS Ltd., NET TV, ONE TV u Smash TV

Media Release 5/08

 

Akkużi dwar Reklamar Politiku fil-konfront ta’ 

PBS Ltd., NET TV, One TV u Smash TV

 

L-Awtorita' kellha quddiemha numru ta’ akkużi tal-Kap Esekuttiv dwar reklamar politiku fuq diversi stazzjonijiet, u ċjoe’ dwar reklam politiku li xxandar fit-12 ta’ Jannar 2008 fuq TVM, reklam politiku li xxandar fl-14 ta’ Jannar 2008 fuq NET TV, reklam politiku li xxandar fil-11 ta’ Jannar 2008 fuq One TV u reklam politiku li xxandar fil-11 ta’ Jannar 2008 fuq Smash TV. Dawn ir-reklami kienu kollha parti minn serje ta’ reklami dwar il-politika tal-Gvern dwar it-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u li ġew kummissjonati mill-Ministeru responsabbli.

F’dawn l-akkużi, il-Kap Esekuttiv akkuża lill-istazzjonijiet bi ksur ta’ l-artikolu 13(4) u tal-paragrafu 1(f) tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir. Dan il-paragrafu jagħmilha ċara li “ir-reklamar u t-teleshopping m’għandhomx, ħlief kif awtorizzat skond skema ta’ xandiriet politiċi approvata mill-Awtorita', u kemm jekk ikunu imxandra bi ħlas jew għal xi korrispettiv simili kemm xort’oħra, ikunu ta’ xorta politika”. 

Hawnhekk, l-Awtorita' trid terġa’ tagħmilha ċara li:

  1. l-Awtorita' tax-Xandir, kif diversament kostitwita matul is-snin, dejjem addottat interpretazzjoni wiesgħa ta’ x’għandu jikkostitwixxi reklamar politiku fil-kuntest ta’ dan il-provvediment legali u ċjoe’ dejjem sostniet li reklamar li l-iskop ewlieni tiegħu jkun li jippromovi policy pubblika ta’ l-Amministrazzjoni tal-ġurnata, għandu jitqies bħala reklamar politiku. Dan, l-istazzjonijiet tax-xandir jafuh;

  2. dawn mhux xi provvedimenti legali li jeżistu biss f’pajjiżna, u jrid jingħad li l-awtoritajiet regolatorji fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej tal-punent, jimxu bl-istess mod. Il-kwistjonijiet li normalment jinqalgħu f’dan ir-rigward huma dwar l-ammissibilita’ ta’ dak li jissejjaħ ‘issue advertising’ imniedi minn għaqdiet mhux governattivi u pressure groups oħra. Dwar dan illum teżisti sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Verein  gegen Tierfabriken v. Switzerland), li ħafna pajjiżi Ewropej qed jirregolaw ruħhom magħha;

  3. l-Awtorita' tax-Xandir, b’mod partikolari f’dawn l-aħħar xhur meta r-reklamar fuq il-mezzi tax-xandir mis-settur pubbliku żdied b’mod sostanzjali, dejjem fittxet li tinterpreta dawn il-provvedimenti legali b’mod raġonevoli u liberali, kif jixhed ir-reklamar, per eżempju, dwar id-dħul ta’ Malta fiż-żona Schengen, dwar l-adozzjoni tal-munita Ewro, dwar fejn wieħed jista’ jsib informazzjoni dwar il-miżuri tal-budget u dwar il-faċilitajiet fl-isptar Mater Dei. Hawnhekk, l-Awtorita' fehmet li l-iskop tar-reklam kien primarjament informattiv u fil-fatt f’ħafna każi saru kampanji ta’ reklamar fit-tul. 

Fil-każ ta’ dawn l-akkużi in partikolari, l-Awtorita', fis-seduta tat-22 ta’ Jannar 2008, semgħet lir-rappreżentanti u lill-avukati ta’ l-istazzjon TVM, kif ukoll lil rappreżentanti ta’ l-istazzjonijiet NET TV u Smash TV. L-istazzjon One TV ma bagħat l-ebda rappreżentant għas-smigħ ta’ l-akkuża, iżda, peress li l-Awtorita' ma ngħatat l-ebda raġuni għal din l-assenza, iddeċidiet li m’għandhix tipposponi s-smigħ ta’ l-akkuża kontra dan l-istazzjon. L-Awtorita' semgħet ukoll lil rappreżentanti tal-Ministeru li kkummissjona dawn ir-reklami.

Fid-dawl ta’ dan is-smigħ, l-Awtorita' kkonstatat dawn il-fatti:

  1. it-test tar-reklami in kwistjoni huwa primarjament ta’ natura promozzjonali, u ċjoe’ r-reklami jfittxu li jippromwovu il-kisbiet ta’ l-Amministrazzjoni dwar l-iżvilupp tat-teklnoloġiji ta’ l-informazzjoni kif ukoll l-istrateġija li ġiet stabbilita għal aktar żvilupp f’dan il-qasam fis-snin li ġejjin;

  2. għalkemm fil-monitoring reports li kienu annessi ma’ l-akkużi tal-Kap Esekuttiv ntqal, fost ħwejjeġ oħra, li x-xandir ta’ dawn l-ispots imur kontra d-disposizzjonijiet dwar bilanċ u imparzjalita’ hekk kif espressi f’artiklu 13(2)(f) ta’ l-Att dwar ix-Xandir, dan ma kienx il-każ;

  3. ir-rappreżentanti tal-ministeru responsabbli tennew li l-istrateġija għal aktar żvilupp fit-teknoloġija ta’ l-informazzjoni f’pajjiżna kienet ġiet stabbilita wara konsultazzjoni wiesgħa, anki mal-partiti politiċi u li l-ebda partit ma kien oġġezzjona għal dan ir-reklamar. Anki jekk dan huwa minnu, l-Awtorita' ma tistax taħrab mill-obbligu li jimponu fuqha il-liġijiet pertinenti tal-pajjiż.

Għalhekk, l-Awtorita' kkonkludiet li l-akkużi tal-Kap Esekuttiv ġew ippruvati u dan peress li r-reklami in kwistjoni kienu ta’ natura politika in kwantu kienu jippromwovu policy pubblika ta’ l-amministrazzjoni tal-ġurnata u, wara li rat l-artikoli 13(4) u 41 u l-paragrafu 1(f) tat-Tielet Skeda u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, iddeċidiet li peress li din kienet l-ewwel darba li l-Awtorita' sabithom ħatja ta’ tali ksur, twiddeb lill-istazzjonijiet One TV, NET TV u Smash TV biex ma jippermettux li jinġarru fuq l-istazzjonijiet tagħhom reklami politiċi u illi timponi penali amministrattiva ta’ elf mija u erba’ u sittin Ewro (€1,164), ekwivalenti għal ħames mitt Lira Maltija (Lm500), fil-konfront ta’ TVM li kien instab ħati ta’ akkużi simili fil-passat, liema penali amministrattiva qed tiġi sospiża għall-perijodu ta’ żmien sena mil-lum. L-Awtorita' dderiġiet lil TVM, One TV, NET TV u Smash TV biex jaqraw sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin prinċipali ta’ l-aħbarijiet rispettivi tagħhom mhux aktar tard minn nhar il-Erbgħa, 30 ta’ Jannar 2008. 

 

Edgar Cassar                                                                                                                                                                28 ta’ Jannar 2008

Segretarju tal-Bord                                                     

Awtorita' tax-Xandir