Stqarrija għall-istampa
PR03/18-mt
7 t’Awwissu 2018
Memorandum ta' Ftehim bejn L-Awtorità tax-Xandir u dik ta’ Ċipru
L-Awtorità tax-Xandir ta’ Malta u s-Cyprus Radio Television Authority, iffirmaw Memorandum ta’ Ftehim ġdid bil-għan li tkompli titjieb il-kooperazzjoni bejniethom.
Fil-laqgħa, li saret f’Malta f’Lulju, ġew diskussi temi ewlenin li ż-żewġ Awtoritajiet jixtiequ li jaħdmu fuqhom minħabba x-xebħ li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi.
Dr Rona Petri Kassapi, u Neophytos Epaminondas, President u Direttur rispettivament tal-Awtorità tax-Xandir Ċiprijotta, iltaqgħu maċ-Chairperson is-Sur Martin Micallef, il-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri, is-Segretarju tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Simon Manicolo u l-Kap tad-Dipartiment tal-Monitoraġġ, is-Sur Randolph Micallef.
Waqt din il-laqgħa ġew diskussi diversi aspetti regolatorji li ż-żewġ Awtoritajiet iħabbtu wiċċhom magħhom. Fosthom ir-reklamar indirizzat lill-minuri, ir-regolamentazzjoni dwar reklamar ta’ xorb alkoħoliku u l-logħob tal-ażżard. Dwar dawn it-temi l-Awtorità tax-Xandir Maltija ser tkun qed tassisti lil dik Ċiprijotta biex taġġorna u tifformola leġiżlazzjoni għax-xandir f’Ċipru.
Ġew diskussi wkoll l-isfidi li Awtoritajiet regolatorji żgħar jiltaqgħu magħhom fi prattiċi ta’ proċeduri ta’ diliġenza u proċeduri oħra ta’ nfurzar, speċjalment il-liċenzjar ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni u applikazzjonijiet għal xandir bis-satellita. Intlaħaq qbil li l-Awtorità ta’ Ċipru tgħin lill-Awtorità tax-Xandir fit-tfassil ta’ dawn il-proċeduri ta’ diliġenza.
Din il-kooperazzjoni qed tiġi msaħħa wkoll fid-dawl tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva l-ġdida tal-Unjoni Ewropea dwar it-tħaddim tal-industrija tal-awdjoviżiv li ser tkun qed titwettaq f’qasir żmien.
Id-Direttiva l-ġdida se tkun ukoll opportunità biex l-Awtorità tax-Xandir tiftaħ eżerċizzju ta’ riflessjoni u konsultazzjoni wiesgħa biex jiġu aġġornati l-Att dwar ix-Xandir u l-Leġiżlazzjoni sussidjarja. Dan il-proċess għandu jwassal għal konsolidament tal-liġi f’dokument li jirrifletti aħjar is-soċjetà tal-lum u l-ħtiġijiet tal-operaturi fis-settur mingħajr ma jiġu ssagrifikati valuri, prinċipji u prattiċi, li minkejja ż-żmien, jibqgħu s-sisien ta’ soċjetà matura u evoluta.

(xellug għal-lemin) Dr. Rona Petri Kassapi, President; is-Sur Neophytos Epaminondas Direttur ta’ Cyprus Radio Television Authority; Dr Simon Manicolo (ċentru), Segretarju tal-Bord; Dr Joanna Spiteri, Kap Eżekuttiv;
u s-Sur Randolph Micallef (lemin), Kap tal-Moniteraġġ ta’ l-Awtorità tax-Xandir.