L-Aħħar Tislima

Ċirkulari 3/16
Ċirkulari lill-istazzjonijiet kollha tax-xandir

L-Aħħar Tislima

Għeżież,

Issa li wasalt fi tmiem il-kariga tiegħi bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, xtaqt nieħu din l-opportunità sabiex nirringrazzjakom tal-kooperazzjoni tagħkom tul dawn is-seba’ snin u nofs li kont ili fit-tmun tal-Awtorità tax-Xandir.

Tul dan iż-żmien, l-industrija tax-xandir esperjenzat bosta tibdil, inkluż dak rifless fil-qafas leġislattiv, liema tibdil se jkompli jiġġedded fix-xhur li ġejjien bir-reviżjoni tad-Direttiva magħrufa bħala l-AVMS. Kull tibdil li jsir f’ tali direttiva eventwalment jiġi rifless ukoll fl-Att Dwar ix-Xandir. L-avanz fit-teknoloġija jfisser li l-industrija tax-xandir se ssir aktar dinamika, bil-konsumatur ikollu għażliet dejjem aktar innovattivi ta’ kif jagħzel il-kontenut. Minkejja ċ-ċokon tas-suq Malti, f’dawn l-aħħar snin kellna bosta tibdil, inkluż il-qalba diġitali fit-televiżjoni, is-sistema DAB+ tar-radju, l-introduzzjoni ta’ servizzi non-linear u x-xandir b’high definition. Konvint li, fis-snin li ġejjien, il-qasam tax-xandir f’Malta se jkompli jesperjenza aktar żviluppi.

Jien dejjem emmint li l-Awtorità tax-Xandir mhix qiegħda hemm biss biex tirregola l-qasam tax-xandir, imma sabiex tgħin lix-xandara jtejbu l-prodott tagħhom filwaqt li jkunu konformi mal-liġi. Għalhekk huwa importanti li r-regolatur u l-istazzjonijiet jaħdmu id f’id biex jilħqu dan il-għan.

Sakemm jintemm il-proċess tal-għażla tas-suċċessur tiegħi, l-Awtorità ħatret lil Dr Joanna Spiteri bħala Aġent Kap Eżekuttiv. Ċert li hekk kif sibt il-kooperazzjoni sħiħa tagħkom tul dawn is-snin, daqstant ieħor se tkunu qed tikkooperaw ma’ Dr Spiteri fil-ħidma tagħha.

Bħala tislima tal-aħħar, nixtieq li mill-ġdid nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-mod ta’ kif irnexxilna naħdmu flimkien u nawguralkom kull suċċess fil-ħidma tagħkom bħala xandara.

Tislijiet,

 

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv, 7 ta’ Settembru 2016