Stqarrija 03/12
L-Awtorita` tax-Xandir tkompli tinkoraġġixxi l-professjonalità tal-ġurnalisti
Waqt ċerimonja qasira li saret fl-uffiċċji tal-Awtorita` tax-Xandir, tħabbar uffiċjalment li l-Awtorita` ser tagħti l-għajnuna tagħha lill-Kunsill tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin biex jiġu rikonoxxuti l-isforzi tal-ġurnalisti f’diversi sferi tax-xandir. Għat-22 Edizzjoni tal-Malta Journalism Awards, il-Kunsill tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ħabbar sbatax-il kategorija li erbgħa minnhom huma dwar xandir bir-radju u bit-televiżjoni.
Għall-iffirmar tal-kuntratt fejn l-Awtorità tax-Xandir sponsorjat dawn l-erba’ kategoriji kien hemm preżenti is-Sur Anthony J. Tabone, Chairman Awtorita’ tax-Xandir u s-Sur Pierre Cassar, Kap Eżekuttiv ta’ l-Awtorità tax-Xandir; u s-Sur Joe A. Vella, Segretarju Onorarju IĠM, u s-Sur Roderick Agius, Organizzatur tal-Malta Journalism Awards.
Waqt l-iffirmar is-Sur Tabone qal li din hija t-tmien sena li l-Awtorita` qed tisponsorja dawn il-kategoriji bil-għan li tkompli tħajjar kompetizzjoni fost il-gurnalisti Maltin fuq ir-Radju u t-Televiżjoni u biex jingħata rikonoxximent lill-isforzi li jsiru mill-ġurnalisti fix-xena tax-xandir. “L-Awtorità tqis il-ġurnalist bħala l-fus li fuqu jistrieħu l-kmamar tal-aħbarijiet fl-istazzjonijiet tax-xandir – rwol importanti ferm f’xena ta’ xandir li dejjem qed tinbidel b’teknoloġiji ġodda", qal is-Sur Tabone.
Is-Sur Vella, waqt li rringrazzja lill-Awtorità, saħaq li mingħajr din l-għajnuna, attività bħal din ma tistax tkun organizzata. Is-Segretarju Onorarju tal-Istitut tal-Ġurnalisti qal li din l-attività annwali hija ferm mistennija mill-ġurnalisti kollha wara sena ta’ ħidma ntensiva, b’waqtiet minnhom b’sogru personali għall-ġurnalist.
L-erba’ kategoriji li ser ikunu sponsorjati mill-Awtorità tax-Xandir huma:
L-aħjar Skript għall-Aħbarijiet fuq-it-Televiżjoni
L-aħjar Skript għal Feature Ġurnalistiku fuq it-Televiżjoni
L-aħjar Film Ġurnalistiku (ikopri Televizjoni u Internet)
L-aħjar Programm Ġurnalistiku fuq ir-Radju
Għal din l-edizzjoni qed tiżdied kategorija ġdida: dik ta’ l-Ahjar Skript ghal Feature fuq it-Televizjoni filwaqt li l-kategorija ta’ l-aħjar Film Ġurnalistiku, minn din is-sena qed tinkludi filmati mxandra kemm fuq it-televiżjoni kif ukoll fuq news portals.
Kull rebbieħ f’kull il-kategorija ser jirċievi l-ammont ta’ €350, ċertifikat, kif ukoll trofew tal-Malta Journalism Awards.
Mario Axiak 16 ta' Frar 2012

Is-Sur Anthony Tabone, Chairman Awtorita’ tax-Xandir u s-Sur Joe A. Vella, Segretarju Onorarju Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, jiffirmaw il-kuntratt tal-isponsorship.
Fir-ritratt jidhru wkoll is-Sinjuri Pierre Cassar (xellug) u Roderick Agius