Media Release 3/08
Akkuza fir-rigward tal-programm “Life & Style” fuq NET TV
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “Life & Style” tat-23 ta’ Novembru, 2007 fuq NET TV.
Fl-akkuża ġie allegat illi f’dan il-programm kien hemm ksur ta’ l-artikolu 15 u tal-paragrafi 4, 9, 13, 30, 34 u 44 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon u rat il-filmat relattiv, hija kkonkludiet li l-akkuża ġiet ippruvata peress li ma kienx hemm offerta diretta u li d-dispożizzjonijiet tal-Att dwar ix-Xandir hawn fuq imsemmija li jirregolaw it-teleshopping ma ġewx osservati. Għalhekk wara li l-Awtorità rat l-artikolu 41 u t-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir u nnutat li din kienet l-ewwel darba li sar tali ksur f’dan il-programm iddeċidiet li twiddeb dan l-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuza fir-rigward tal-programm “La Qomna, Qomna” fuq NET TV
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programm “La Qomna, Qomna” tat-23 ta’ Novembru, 2007 fuq NET TV.
Fl-akkuża ġie allegat illi f’dan il-programm kien hemm ksur ta’ l-artikolu 15 u tal-paragrafi 4, 9, 13 u 20(c) tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon u rat il-filmat relattiv, hija nnutat li tul ir-reklam li fiha deher parteċipant partikolari minn ażjeda kummerċjali, deher fuq l-iscreen tat-televiżjoni l-e-mail address kummerċjali ta’ dik l-ażjenda b’mod li kien hemm reklam kontinwu għal dik l-ażjenda.
Wara li l-Awtorità rat l-artikolu 41 u t-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir u nnutat li din kienet l-ewwel darba li sar tali ksur f’dan il-programm iddeċidiet li twiddeb dan l-istazzjon biex ma jirrepetix tali aġir.
Akkuża fir-rigward tal-Programm “Bondi Plus” fuq TVM
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża tal-Kap Esekuttiv dwar il-programm “Bondi Plus” li xxandar fuq TVM fis-17 ta’ Diċembru 2007.
F’din l-akkuża ġie allegat li f’dan il-programm kien hemm ksur ta’ l-artiklu 13(2)(f) ta’ l-Att dwar ix-Xandir li jesiġi li, fi programmi mxandra lokalment għandha “tinżamm l-imparzjalita’ dovuta dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrijali jew li għandhom x’jaqsmu ma’ policy pubblika kurrenti.”
Fis-seduta tat-8 ta’ Jannar 2008 meta ttrattat l-akkuża l-Awtorita' ħadet nota tal-kontenut tal-monitoring report li kien anness ma’ l-akkuża tal-Kap Esekuttiv, semgħet lir-rappreżentanti ta’ l-istazzjon kif ukoll lill-istess producer/preżentatur tal-programm in kwistjoni, is-Sur Lou Bondi, u xtarret ir-reazzjoni li pprovda bil-miktub il-preżentatur għall-punti rilevati fl-imsemmi monitoring report. Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Awtorita' kkonstatat il-fatti segwenti:
b’konformita’ ma’ direttiva li l-Awtorita' kienet ħarġet lill-PBS fis-sens li l-Awtorita' għandha tiġi nnotifikata u għandha tapprova bil-quddiem is-suġġetti ta’ programmi ta’ ġrajjiet kurrenti fuq l-istazzjon TVM, il-PBS kien informa lill-Awtorita' li s-suġġett li kellu jittratta l-programm Bondi Plus tas-17 ta’ Diċembru 2007 kien ‘Diplomatic Memoirs’ u li kellu jkun ibbażat fuq il-ktieb ta’ Evarist Saliba ‘No Honourable Minister: Memoirs of a Senior Maltese Diplomat’. Għalkemm il-Kap Esekuttiv ta’ l-Awtorita' sussegwentement kien talab, fost ħwejjeġ oħra, informazzjoni dwar liema partijiet tal-ktieb kellhom jiġu diskussi, din l-informazzjoni baqgħet ma ngħatatx b’mod sodisfaċenti;
ġara, iżda, li minflok iffoka fuq l-esperjenzi diplomatiċi ta’ l-awtur, li fil-ktieb in kwistjoni huma indirizzati b’mod estensiv u anki professjonali, il-preżentatur għażel li jibni l-programm prinċipalment fuq xi esperjenzi personali tal-kittieb, fil-maġġoranza tagħhom b’konnotazzjoni politika, aktar milli diplomatika u ġeneralment kritiċi ta’ ministri jew amministrazzjonijiet Laburisti preċedenti. Anki fejn il-preżentatur attwalment għażel li jittratta xi esperjenzi diplomatiċi tal-kittieb, bħal per eżempju dawk li kellhom x’jaqsmu mal-Konferenza dwar is-Sigurta’ u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (CSCE), dawn kien jixirqilhom trattament aktar bilanċjat u professjonali. Għalhekk, l-Awtorita' hija tal-fehma li t-trattament ta’ dan is-suġġett mill-preżentatur ma kienx wieħed bilanċjat;
għandu jiġi nnutat li artiklu 119(1) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta li jesiġi, fost ħwejjeġ oħra, li l-Awtorita' tax-Xandir għandha tiżgura li tiġi miżmuma imparzjalita’ xierqa dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika ma jillimitax din il-ħtieġa dwar kontroversja politika kurrenti u għalhekk programmi li jindirizzaw kontroversja politika ta’ natura storika jeħtieġu ukoll li jiġu ppreżentati b’mod bilanċjat;
f’dak li għandu x’jaqsam ma’ bilanċ bil-parteċipazzjoni f’dan il-programm partikolari, l-Awtorita' nnutat li l-preżentatur kien stieden lill-ex-Ministru Alex Sciberras Trigona, lill-Membru Parlamentari Laburista Leo Brincat, kif ukoll lill-amministrazzjoni Laburista sabiex tidentifika parteċipant. Dawn, iżda, kollha għażlu li ma jaċċettawx l-istedina. Il-preżentatur stqarr ukoll li kien ġie mistieden il-Professur Dominic Fenech, li iżda ċaħad li kienet saritlu din l-istedina. Waqt li huwa minnu li kien hemm okkażjonijiet anki f’dawn l-aħħar ġimgħat u fil-każ ta’ dan il-programm partikolari, fejn l-Awtorita' qiset li meta mistieden minn xi partit politiku ikun għażel li ma jipparteċipax, il-preżentatur ikun wettaq l-obbligu tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ bilanċ fil-parteċipazzjoni, dan ma jistax japplika f’kull każ. Ċertament, f’dan il-każ partikolari li kellu jittratta parti mill-istorja riċenta ta’ pajjiżna, il-preżentatur seta’ bbilanċja l-opinjonijiet tal-kittieb b’opinjonijiet ta’ persuni oħra, mhux neċessarjament politiċi, iżda permezz ta’ storiċi jew akkademiċi oħra. Fl-opinjoni ta’ l-Awtorita', il-preżentatur dan l-obbligu ma wettqux.
Għalhekk l-Awtorita' kkonkludiet li l-akkuża tal-Kap Esekuttiv ġiet ippruvata u wara li rat l-artikli 13(2)(f) u 41 u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir iddeċidiet li timponi penali amministrattiva fl-ammont ta’ elf, mija u erbgħa u sittin Euro (€1,164) ekwivalenti għal ħames mitt Lira Maltija (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar. L-Awtorita' ddiriġiet ukoll lill-PBS Ltd. biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin prinċipali ta’ TVM mhux aktar tard minn nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Jannar 2008.
Mario Axiak 16 ta’ Jannar 2008
Kap Komunikazzjoni u Riċerka
Awtorita' tax-Xandir