Stqarrija għall-Media 02/07
Reviżjoni tal-Lista tal-Ġrajjiet Ewlenin
F’Novembru 2006, l-Awtorita' tax-Xandir kienet ippubblikat dokument ta’ konsultazzjoni li kien qed jipproponi reviżjoni tal-provvedimenti legali dwar ix-xandir ta’ ġrajjiet ewlenin kif ukoll tal-lista relattiva talġrajjiet ewlenin. Il-perijodu ta’ konsultazzjoni għalaq fis-7 ta’ Diċembru 2006 u l-Awtorita' issa kkunsidrat ir-reazzjonijiet li rċeviet waqt dan il-proċess ta’ konsultazzjoni. L-Awtorita' kienet ikkonsultat ukoll ma’ numru ta’ organizzazzjonijiet li għandhom interess dirett f’dan is-suġġett.
Fid-dawl ta’ din il-konsultazzjoni, l-Awtorita' issa ħejjiet lista riveduta ta’ ġrajjiet ewlenin li għandha tiġi ppubblikata bħala Notifikazzjoni tal-Gvern fil-Gazzetta tal-Gvern u li tiġi fis-seħħ fid-data ta’ din ilpubblikazzjoni. Kopja ta’ din il-lista riveduta tinsab annesa ma’ din l-istqarrija.
Irid jingħad li din il-lista tal-ġrajjiet ewlenin qed tinħareġ skond il-provvedimenti ta’ l-Avviż Legali numru 158 tas-sena 2000 (Regolamenti dwar Ġurisdizzjoni u Koperazzjoni Ewropea fix-Xandir, 2000) u li kienu daħħlu fil-liġi Maltija il-provvedimenti ta’ Artikolu 3c tad-Direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea ‘Televiżjoni Bla Fruntieri’. Dan l-artikolu, fost ħwejjeġ oħra, jipprovdi li:
“Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa skond il-liġi tal-Komunita’ biex jiżgura li xxandara li jaqgħu taħtha ma għandhomx ixandru fuq bażi esklussiva ġrajjiet li dak l-Istat Membru jikkunsidra bħala ta’ importanza prinċipali għas-soċjeta’ b’mod illi ċċaħħad proporzjon sostanzjali tal-pubbliku mill-possibilita’ li ssegwi dawk il-ġrajjiet permezz ta’ coverage dirett jew permezz ta’ coverage differit fuq it-televiżjoni bla ħlas. L-Istat Membru għandu jħejji lista ta’ ġrajjiet speċifikati, nazzjonali jew le, li hija tikkonsidra li jkunu ta’ importanza ewlenija għas-soċjeta”
Sadannitant, l-Awtorita' tax-Xandir qiegħda ukoll tieħu l-passi meħtieġa biex temenda l-Avviż Legali indikat fil-paragrafu preċedenti sabiex jiddaħħlu provvedimenti ġodda li jkunu:
jiddefenixxu b’mod aktar preċiż x’jikkostitwixxi stazzjon televiżiv bla ħlas li jkun jilħaq proporzjon sostanzjali tal-pubbliku
jipprovdu l-gwida meħtieġa dwar x’jista’ jikkostitwixxi ‘ħlas raġonevoli fis-suq’ li għandu jsir mixxandar sekondarju lil dak ix-xandar li jkun akkwista d-drittijiet esklussivi sabiex ixandar ġrajja ewlenija (ix-xandar primarju)
jipprovdu mekkaniżmu sabiex ikunu jistgħu jissolvew kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu bejn żewġ xandara, dak primarju u l-ieħor sekondarju, dwar ‘ħlas raġonevoli fis-suq’
jintroduċu d-dritt tax-xandara għar-rappurtaġġ ta’ aħbarijiet qsar dwar ġrajjiet ewlenin u ġrajjiet oħra meta d-drittijiet esklussivi għax-xandir ta’ dawn il-ġrajjiet ikunu nkisbu minn xandar (primarju) ieħor.
Mario Axiak 26 ta’ Jannar 2007
Kap Komunikazzjoni u Ricerka