Dokument ta’ Konsultazzjoni Dwar Standards ta’ Iġjene  fil-Programmi tat-Tisjir

Stqarrija 01/15

 

Dokument ta’ Konsultazzjoni Dwar Standards ta’ Iġjene 
  fil-Programmi tat-Tisjir

 

L-Awtorità tax-Xandir qed tniedi dokument ta’ konsultazzjoni li jikkonsisti f’abbozz ta’ Avviż Legali dwar standards ta’ iġjene fi programmi ta’ tisjir jew irkejjen ta’ tisjir li jixxandru fuq l-istazzjonijiet televiżivi.

Il-programmi ta’ tisjir minn dejjem kienu popolari u f’dawn l-aħħar snin kważi kull stazzjon xandar programm ta’ tisjir jew xi rokna li fiha jidher xi ħadd isajjar. Għal dan il-għan, l-Awtorità ħatret Kumitat ta’ esperti f’dan il-qasam biex jagħmel suġġerimenti dwar xi standards għandhom jiddaħħlu f’dan it-tip ta’ programmi li jixxandru fuq l-istazzjonijiet lokali.

Fil-passat, l-Awtorità kienet ukoll ħarġet linji gwida lill-istazzjonijiet biex f’dawn il-programmi tiġi mħarsa l-iġjene fl-ikel u li min ikun qed isajjar juża prattiċi tajbin. L-Awtorità temmen li dak li jixxandar fuq il-mezzi tax-xandir għandu impatt kbir fuq it-telespettaturi u għalhekk huwa ferm importanti li x-xandara jagħtu eżempju tajjeb waqt programmi ta’ tisjir billi jiżguraw li jħarsu l-elementi bażiċi tal-iġjene.

Sal-lum m’hemm l-ebda provedimenti speċifiċi fl-Att Dwar ix-Xandir li jħarsu dan l-aspett u għalhekk dan id-dokument ta’ konsultazzjoni joffri l-opportunità sew lix-xandara kif ukoll   lil dawk li huma midħla ta’ dan il-qasam li jissottomettu l-opinjonijiet tagħhom dwar dan l-abbozz.

L-Awtorità tilqa’ s-sottomissjonijiet sa nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Frar 2015. 
   

Dokument ta' Konsultazzjoni