Stqarrija dwar il-programm "Dissett"

Media Release 1/13

 

Stqarrija dwar il-programm "Dissett"

 

L-Awtorità nnutat id-dikjarazzjoni pubblika li l-PBS għamel b’riferenza għad-deċiżjoni tal-istess Awtorità mogħtija nhar is-Sibt, 29 ta’ Diċembru 2012 b’konnessjoni mal-ilment imressaq kontra l-istazzjon mill-Partit Nazzjonalista.

Għalkemm fid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità għamlet rakkomandazzjoni biex il-programm Dissett bil-parteċipazzjoni tad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista jsir nhar is-Sibt 5 ta’ Jannar, 2013, l-istazzjon għażel li flok jaċċetta din ir-rakkomandazzjoni jinsisti li jkun hu li jiddeċiedi jekk isirx u meta jsir dan il-programm.

L-Awtorità tħoss li tali rakkomandazzjoni kellha tiġi aċċettata minn stazzjon ta’ xandir pubbliku, u jiddispjaċiha tinnota li l-istazzjon għażel li jpoġġi lilu nnifsu ‘l fuq mid-decizjoni tal-Awtorità.  Dan mhuwiex aċċettabbli u mhux ser ikun ittollerat speċjalment fi żmien sensittiv ta’ ftit ġranet biss qabel kampanja elettorali.

Fiċ-ċirkostanzi l-Awtorità qiegħda, bil-poter li jagħtiha Artiklu 15 tal-Liġi tax-Xandir, tordna lill-PBS li l-programm Dissett bil-parteċipazzjoni tad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista jixxandar kif diġà rrakkomandat l-Awtorità nhar is-Sibt, 5 ta’ Jannar 2013 fuq TVM 2.

Barra minn hekk, tordna wkoll li din l-istqarrija tinqara fl-intier tagħha fil-Bullettin tal-Aħbarijiet ta’ TVM  tat-8.00p.m. tal-lum l-Erbgħa, 2 ta’ Jannar 2013.

 

Dr Simon Manicolo                                                                                                                                                        2 ta' Jannar 2013

Segretarju tal-Bord                                                                                                                                                         Ref  92/12,13/91