Vibe FM - Gianni & Frank 10 to 12 - 7, 14 u 28 ta' Marzu 2015

Akkuża fil-konfront ta’ Vibe FM rigward l-Edizzjonijiet tal-programm Gianni & Frank 10 to 12 li xxandru fis-7, 14 u 28 ta’ Marzu 2015

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ VIBE FM dwar l-edizzjonijiet tal-programm Gianni & Frank 10 to 12 li xxandru fis-7, 14 u 28 ta’ Marzu 2015 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’  Artiklu 13(2)(a) tal-Att Dwar ix-Xandir meta waqt l-imsemmija edizzjonijiet il-preżentaturi instemgħu jagħmlu kummenti b’konnotazzjoni sesswali li kienu jmorru kontra l-gosti tajbin u ma kienux adatti għal dak il-ħin tal-ġurnata.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sur Terry Farrugia għan-nom u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fil-21 t’April 2015. 

Il-Kap Eżekuttiv qal li din l-akkuża ma kellhiex tiġi interpretata bħala limitazzjoni fuq id-dritt fundamentali tal-Libertà tal-Espressjoni u żied li kien jirrikonoxxi li d-definizzjoni ta’ gosti tajbin kienet suġġettiva, madanakollu kien iħoss li wieħed setgħa jasal biex jidentifika parametri aċċettabbli u allura f’dan il-kuntest ċerti kummenti u lingwaġġ ma kienx jixraq fuq il-mezzi tax-Xandir. 

Min-naħa tiegħu s-Sur Farrugia filwaqt li ammetta li xi wħud mill-kummenti setgħu ġew evitati, qal li l-issue ta’ gosti tajbin kienet soġġettiva u l-istess kummenti kellhom ikunu kkonsidrati fil-kuntest tal-programm.  Żied li n-natura tal-programmi radjufoniċi kienet inbidlet u issa kienet żviluppat l-ideja ta’ personality shows fejn l-enfasi fuq il-preżentaturi u dak li jgħidu kienet akbar.   Żied li personalment ma kien jara xejn ħażin f’ħafna mill-kummenti li saru u ma kienx jifhem kif dawn setgħu ikunu ta’ detriment għas-semmiegħa.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u filwaqt li ddiskutiet fit-tul kemm il-parametri ta’ x’jikkostitwixxi gosti tajbin u kif ukoll is-sensittività tal-każ b’referenza għal akkużi oħra fil-passat, qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata.  L-Awtorità filwaqt li rritjeniet il-posizzjoni tagħha li bl-ebda mod ma’ riedet tmur kontra id-dritt fundamentali tal-Libertà tal-Espressjoni li għandu kull stazzjon, kif ġie deċiż preċedentement mill-istess Awtorita` hija kellha d-dmir li tipproteġi lis-semmiegħa u ma kienitx tħoss li stazzjon, li jxandar fuq frekwenza nazzjonali għandu l-ħtieġa li juża ċerti espressjonijiet biex jattira udjenza. 

L-Awtorità saħqet li anke jekk tali espressjonijiet jew kummenti kienu wżati minn membri ta’ udjenza matura, il-fatt li s-servizz tar-radju huwa diffuż l-udjenza kienet tinkludi wkoll persuni li ma jkunux familjari magħhom u kien għalhekk li tali espressjonijiet u kummenti bir-raġun ikunu kkunsidrati bħala li jmorru kontra l-provvedimenti tal-Liġi Dwar ix-Xandir fir-rigward ta’ gosti tajbin.  L-Awtorita` tħoss li tkun qed tonqos jekk tħalli tali prattiċi għaddejjin mingħajr ma tieħu passi, u għalhekk, filwaqt li qed twissi lill-istazzjon biex jassigura li tali ksur tal-liġi ma jirrepetix ruħu, minħabba li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon ikkommetta ksur simili, iddeċidiet li ma timponix l-penali prevista mil-liġi. 

Illum 30 t’April 2015